Jitnieda l-mGovernment f’ Malta
Il-Ministru ghall-Gustizzja u Gvern Lokali, l-Onor. Dr. Austin Gatt, fisser it-tnedija tal-mGovernment f’Malta bhala suċċess f’diversi aspetti. Suċċess prinċipali huwa l-fatt li permezz ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ operators f’Malta tat-telefonija ċellulari, li qegħdin f’kompetizzjoni ma’ xulxin, grazzi għal-liberaliżazzjoni, rnexxielhom jissieħbu mal-Gvern, wara ħafna persważjoni, joqgħodu madwar mejda, u jilħqu ftehim li jibbenefika liż-żewġ operaturi, jilħaq il-mira tal-Gvern li jkabbar l-użu ta’ l-eGovernment fil-pajjiż, u li jilħaq l-għan aħħari, dak li ċ-ċittadin jinqeda’ aħjar.
Il-Ministru Gatt, fisser li permezz ta’ dan urejna li minkejja li nargumentaw, kapaċi noħolqu s-sinerġiji neċessarji biex ikun hemm il-bażi ta’ ftehim li jibbenefika minnu kulħadd.
Dr. Gatt spjega li m’għandu ebda dubju li s-servizzi provduti huma ‘avant-garde’ għall-aħħar. Il-Ministru Gatt kompla, li huwa ċert li fl-Unjoni Ewropea, Malta ser tkun l-ewwel pajjiż li mbarka fuq il-proġett tal-mGovernment. Dan jista’ jfisser li Malta sservi ta’ mudell ta’ żviluppi li jridu jsiru f’dan il-qasam.
Il-Ministru Gatt spjega li dak li ġie żviluppat huwa ddettat mir-realtajiet ta’ dan il-pajjiż. “Illum hawn ħafna iktar mobile phones milli hawn computers u f’Malta hawn rata fenomenali ta’ nies li jibgħatu sms’s, medja ta’ miljun kuljum."
Dr. Gatt fisser li l-iżvilupp ta’ dan is-servizz ifisser li b’dawn is-servizzi qed nirkbu fuq kultura li teżisti f’pajjiżna. “Kienet ħaġa naturali li niżviluppaw servizzi tal-Gvern li joperaw permezz tal-mobile phone, bħala alternative service delivery channel ta’ l-eGovernment.
Din l-innovazzjoni, issa tgħaqqad il-varji service delivery channels, minfejn persuna tista tikseb servizzi tal-Gvern. Fil-fatt illum persuna tista tikseb is-servizzi tal-Gvern permezz ta’l-Internet Centers fil-Kunsilli Lokali, permezz tal-Web Phones fit-toroq, kif ukoll mill-Mobile Phone. Dan minbarra l-kumdita’ ta’ min għandu kompjuter id-dar jew l-uffiċċju. Il-Ministru Gatt spjega li "qed nagħmluha possibli biex persuna tinqeda’ minn kull livell u mil-liema livell tiddeċiedi hi, skond il-ħtiġijiet u l-kumditajiet tagħha."
Il-Ministru Gatt kompla li grazzi għall-fatt li aħna pajjiż żgħir, tagħmilha possibbli biex l-aċċessibilita’ tkun mifruxa kullimkien u għal kulħadd.
Intant llum tnedew erba’ servizzi tal-Gvern. Is-servizzi li huwa offruti s’issa huma:
1. Dikjarazzjoni ta' riċevuta u l-ilqugħ ta' l-ilmenti tal-publiku mis-sit: servizz.gov
B'dan is-servizz wiehed ikun jista jirċievi għarfien permezz ta' SMS wara li jkun għamel mistoqsija, suġġeriment jew ilment lil kull entità Pubblika, Dipartiment tal-Gvern jew Kunsill Lokali fir-rigward tas-servizzi li joffru. B'dan is-servizz l-individwu jkun jista' jirċievi SMS fuq il-progress li jkun sar u fuq kull ħaġa li tkun saret fir-rigward tal-problema tiegħu.
2.Notifikazzjonijiet ta' differimenti tal-qorti
B'dan is-servizz avukati u dawk li jaħdmu fil-qasam legali jkunu jistaw jirċievu notifikazzjonijiet permezz ta' SMS ta' differimenti ta' seduti tal-qorti li jikkonċernawhom.
3. Notifikazzjonijiet lis-sidien ta' liċenzji għal tiġdid tal-liċenzji
B'dan is-servizz is-sidien ta’
- liċenzji Kummerċjali
- liċenzji ta' l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu
- liċenzji ta' l-Awtorità Marittima Maltija
- u liċenzji ta' l-Awtorità tat-Trasport Pubbliku
jkunu jistghu jirċievu notifikazzjonijiet permezz ta' SMS għal tiġdid tal-liċenzja taghhom.
4. Notifikazzjoni tar-riżultati ta' l-eżamijiet
B'dan is-servizz l-istudenti jkunu jistaw jirċievu r-riżultati tagħhom permezz ta' l-SMS. Studenti li japplikaw għall-eżamijiet li ġejjin jistgħu japplikaw sabiex ir-riżulati tagħhom jiġu nnotifikati lilhom permezz ta' SMS:
- Assessment & Qualifications Alliance (AEB)
- City && Guilds of London Institute
- Eżamijiet ta' l-Edexcel London
- London Chamber of Commerce & Industry
- Eżamijiet tal-Matsec
Servizz iehor ta’ mGoverment li se jkun imniedi dalwaqt, huwa s-servizz tan-notifikazzjonijet tal-benefiċċji tas-sigurta socjali. Permezz ta’ dan is-servizz, il-persuni koncernati jigu nnotifikati b’avviż ta' kreditu meta c-cheque tas-Sigurtà Soċjali jidhol fil-bank taghhom.
Sa l-aħħar ta' l-2003, huwa mistenni li jkunu disponibbli wkoll is-servizzi li ġejjin:
- Notifikazzjonijiet b'messaġġ mill-amministrazzjoni tal-Parlament lill-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti u d-disponibilità ta' l-aġenda tal-Parlament permezz tal-WAP
- Notifikazzjoni b'messaġġ mill-bank tad-demm sabiex javża lid-donaturi tad-demm meta jkun hemm bżonn urġenti għal demm.
- Notifikazzjoni lill-ġenituri mill-iskola tat-tfal tagħhom sabiex jinformawhom jekk it-tfal tagħhom ma jkunux preżenti għall-iskola f'dik il-ġurnata
- Notifikazzjonijiet mil-libreriji pubbliċi lil individwi li jkunu għamlu riżervazzjoni ta' ktieb
- Il-pubbliku jkun jista' jitlob ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt mir-Reġistru Pubbliku, iħallas għalihom permezz tat-telefon ċellulari u dawn jiġu mwassla lilu d-dar.
- Id-disponibilità ta' l-iskeda tal-karozzi tal-linja permezz ta' l-SMS
- Notifikazzjoni ta' l-opportunitajiet ta' xogħol mill-ETC lil individwi li jkunu għażlu oqsma speċifiċi ta' impjieg
- Rapportar ta' inċidenti jew informazzjoni rilevanti lill-Forza tal-Pulizija
Il-Ministru Gatt spjega li l-qafas teknoloġiku huwa preparat u mibni biex kull dipartiment tal-Gvern li jrid jipprovdi servizz b’dan il-mod ikun jista jagħmel dan. Dak li qed nagħmlu llum huwa biss il-bidu ta’ fejn irridu nispiċċaw permezz tal-mGovernment.
Il-Ministru Gatt qal li dak li tnieda llum huwa mibni fuq tliet pilastri. Il-liberaliżazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjoni, il-bini ta’ infrastruttura moderna tal-qasam tat-telekomunikazzjoni u l-viżjoni tal-Gvern li juża l-ICT biex jaqdi liċ-ċittadini tiegħu.
Mingħajr din ir-rieda politika ma kien jiġi żviluppat xejn. Il-fatt li l-Gvern għandu r-rieda politika li s-servizz pubbliku jinbidel għall-aħjar u jkun jirrispondi għal-ħtiġijiet taċ-ċittadin, ma konniex naslu.
Dan tal-lum huwa frott pjanijiet fit-tul, viżjoni ċara, impenn politiku, u fiduċja fil-ħiliet tal-ħaddiem Malti, li huwa kapaċi. Dan is-servizz tal-mGovernment, huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fid-dinja, u ġie żviluppat kollu kemm hu mill-Maltin.
Juanito Camilleri, CEO tal-Go Mobile spjega li f’dan il-pajjiż jintbagħtu madwar 30,000,000 (30 miljun) SMS kull xahar. Il-Profs. Camilleri fisser li dan is-servizz huwa sinifikanti minħabba l-fatt li permezz tiegħu l-klijenti taż-żewġ kumpaniji li joperaw it-telefonija ċellulari ser jkunu jistgħu jiksbu s-servizzi tal-Gvern anke permezz tat-telefon ċellulari.
Il-Professur Camilleri spjega li wara dak li jidher proċess sempliċi, jiġifieri li tibgħat SMS, hemm proċess elaborat u teknoloġija mill-iktar moderna. “Dawn huma servizzi avant-garde u ma’ jeżistu fl-ebda pajjiż ieħor.” Juanito Camilleri, irrefera wkoll għar-rwol ta’ Viliman Gahjovic, li miet dan l-ahhar, u kien strumentali ħafna fl-implementazzjoni ta’ dan is-servizz.
Joe Grioli, Managing Director tal-Vodafone Malta, fiilwaqt li qabel ma dak li qal Juanito Camilleri, fejn ikkonferma li fit-30 pajjiż li topera l-Vodafone, Malta hija l-iktar pajjiż fejn jintbagħtu sms’s.
Huwa saħaq li dan is-servizz huwa xhieda li f’pajjiżna jistgħu jsiru public – private partnerships bejn il-Gvern u l-Privat. Is-sur Grioli fisser li dan il-ftehim kien breakthrough fil-kultura ta’ pajjiżna. Is-Sur Grioli kompla li l’hinn mill-profitti, l-għan ta’ kull kumpanija li tipprovdi servizz f’Malta huwa li ttejjeb is-servizz li toffri, u għalhekk temmen li dawn it-tip ta’ Partnerships jgħinu bis-serjeta’ biex il-ħajja tal-klijent titjieb.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934