Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-EDUKAZZJONI: B’IMĦUĦ IL-MALTIN NIKSBU SUĊĊESS F’KOLLOX

pr461
Date Icon 07/04/2003

"Qatt daqs illum, l-istudenti u ż-żgħażagħ Maltin ma kellhom opportunitajiet ta' taħriġ u tagħlim, kemm lokalment kif ukoll barra minn pajjiżna. Dan għaliex il-Gvern preżenti għaraf li l-aqwa senduq jinsab f'imħuħ il-poplu Malti u ħadem biex joffri aktar opportunitajiet ta' taħriġ f'kull livell. Il-Gvern ħadem ukoll biex permezz ta' sħubija fl-UE, jiggarantixxi aktar opportunitajiet ta' taħriġ u żvilupp u suq enormi li jiggarantixxi x-xogħol għall-Maltin kollha. L-istorja tal-poplu Malti turi li b’imhuh il-Maltin, niksbu suċċess f’kollox; sew fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja.” Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea waqt l-għeluq tal-Kungress ta' l-Istudenti li ġie organizzat mill-INSITE, f'Bay Street.

Il-Konferenza bit-tema "Bridging Diversity - Promoting Equality", ittrattat diversi temi li jolqtu lill-istudenti Maltin u barranin fl-istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji lokali. L-istudenti tkellmu wkoll dwar l-importanza ta' l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilita' kif ukoll l-inkużjoni b'mod aktar wiesgħa biex kull persuna ta' kull kulur, twemmin jew saħansitra orjentazzjoni sesswali, tieħu sehem sħiħ mingħajr diskriminazzjoni.

Il-Ministru Louis Galea qal li l-vizjoni u l-politika tal-Gvern preżenti irnexxielha tagħmel minn Malta pajjiż modern, mibni fuq il-valuri tal-liberta` u s-solidarjeta`, u assigurat għall-poplu kollu l-ogħla kwalita` ta’ ħajja li qatt gawda s’issa. Issa, aktar minn qatt qabel, tidher ċara d-differenza fil-viżjoni taż-żewġ partiti politiċi ewlenin. Il-Partit Nazzjonalista hu dak li għandu il-viżjoni ċara u konkreta għall-pajjiż u għall-futur tal-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagh. Il-Partit Laburista qed jistedinna biex bl-għajta ta’ "L-Ewwel Int", ningħalqu fina nfusna, nitilfu postna fl-Unjoni Ewropeja, u nibqgħu nixxerju bħal qasba tixxejjer mar-riħ. Barra minn hekk stqarrijiet u mġieba tal-Partit Laburista reġgħu ħolqu l-ispettru li d-demokrazija u d-drittijiet tal-Maltin jistgħu jkunu mhedda għal darb’oħra, jekk fil-Gvern ikun hemm il-Partit Laburista.

Louis Galea qal li l-Gvern preżenti jitkellem dwar il-viżjoni tiegħu għax għandu "Track Record" tajjeb ħafna fil-qasam edukattiv u għandu program biex fil-leġislatura li jmiss, iwettaq ħidma vasta ta’ titjib fil-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni f’pajjizna. Da parti taghha, l-Oppożizzjoni hi mitlufa tpinġi stampa sewda tal-qagħda ta' l-edukazzjoni u saħansitra qalu li hawn diżastru sħiħ fl-edukazzjoni.

Il-Gvern mexa bil-għaqal tul dawn l-aħħar erba' snin u rnexxielu, b'kunsens ma' l-imsieħba soċjali, iwettaq diversi inizjattivi ta' fejda għall-edukazzjoni f'pajjiżna. Fis-snin li ġejjin Gvern Nazzjonalista se jkun qed isaħħaħ dawn l-inizjattivi u jaħdem fuq oħrajn ġodda foshom il-ħolqien ta' Kummissjoni Nazzjonali biex tappoġġja u ssaħħaħ l-Universita' u l-MCAST, hekk kif in-numru ta' studenti f'dawn l-istituzzjonijiet ser ikompli jiżdied bl-eluf fis-snin li ġejjin.

Il-viżjoni tal-Gvern fl-edukazzjoni torbot ħafna mal-viżjoni usa li għandu li nkunu membri ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Ministru Louis Galea qal li b'Malta fl-UE l-opportunitajiet ta' taħriġ u żvilupp jiżdiedu, ix-xogħol u l-investiment jitkattar, l-ambjent li fiħ ngħixu jitjieb, u l-kwalita' tal-ħajja toktor. L-istudenti diġa` urew biċ-ċar li huma jafu li jiggwadanjaw ħafna aktar bis-shubija ta’ Malta fl-UE, milli bil-proposti vagi tal-Partit Laburista.

Il-Ministru Louis Galea qal li jieħu gost tassew jara li diversi affarijiet li qed jiġu proposti fil-Programmi Elettorali tal-partiti politiċi l-oħra, wieħed isib li ħafna minnhom diġa` qed jiġu mwettqa mill-Gvern. Minn naħa l-oħra, l-Partit Laburista qed jgħid ħwejjeġ li huma ta’ tħassib għall-futur ta’ l-MCAST. Filwaqt li l-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru li ġej l-MCAST ikompli jiżviluppa biż-żieda ta’ Istituti oħra, il-Partit Laburista qed jgħid li l-Istitut Mikiel Anġ Sapiano ta’ l-Inginerija Mekkanika ser iħallih kif inhu, maqtugħ mill-MCAST.

Jekk jiġri hekk dan ikun żball u ta’ dannu kbir għall-Kulleġġ Vokazzjonali u għall-għalliema u l-istudenti konċernati. Il-Ministru qal li it-twaqqif ta’ l-MCAST kien suċċess kbir. Il-proċess ta’ transizzjoni miexi b’ritmu tajjeb u b’mod li bl-ebda mod ma fixkel l-istudenti li kienu bdew il-korsijiet taħt is-sistema l-antika. Fir-rigward ta’ l-għalliema hemm proċess ta’ negozjati mal-MUT biex isir l-ewwel ftehim kollettiv għall-għalliema tal-MCAST fejn qed jiġu diskussi l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.

Louis Galea tkellem dwar it-tema li ntgħażlet għall-konferenza u qal li hi tema li tagħmel ħafna sens fiż-żminijiet li qed ngħixu. Pajjiżna bħal bqija tal-pajjiżi żviluppati qed jiffaċċja l-isfidi tal-globalizzazjoni fejn l-interdipendenza bejn il-popli u l-pajjiżi hi dejjem aktar evidenti. Bħala parti minn Unjoni Ewropea b'25 pajjiz membru, is-suċcess soċjo-ekonomiku ta' pajjiżna se jiddependi ħafna fuq l-abbilta' tagħna bħala poplu li naħdmu ma' pajjiżi oħra u li nisfruttaw il-ħiliet u l-pożizzjoni tagħna biex inkattru l-ġid.

It-tema li ntgħażlet tolqot ukoll punt importanti ieħor li jpoġġi emfasi partikolari fuq il-bżonn li kulħadd jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-ġid u jgawdi mill-istess ġid li jinħoloq fil-pajjiż. Louis Galea qal li l-Gvern għaraf il-bżonn li kull individwu jingħata l-opportunita' jikseb il-milja tiegħu għaliex kulħadd għandu post fil-komunita' u kulħadd jista jikkontribwixxi. Il-Gvern b’ħafna liġijiet u programmi konkreti kattar l-ugwaljanza u ħadem biex jelimina kull tip ta' diskriminazzjoni. Il-Gvern ħadem ukoll biex joħloq soċjeta' u edukazzjoni nklussiva li tagħti drittijiet u appoġġ lill-persuni li għandhom xi diżabilita' jew għal xi raġuni oħra qed jiġu emarġinati.

Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li ż-żgħażagħ u l-istudenti għandhom quddiemhom għażla importanti. Ħafna miż-żgħażagh tal-lum jiftakru dak li twettaq fis-sentejn ta' Gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998. F’dawn is-sentejn tnaqqsu bil-kbir l-istipendji, tnaqqset l-ispiza rikorrenti ta’ l-Universita` b’LM 600,000, u ġew friżati ghal kollox l-Programmi Edukattivi tal-UE. Dak li qed jipproponi għal Malta, l-Partit Laburista jhedded bil-kbir il-futur tal-istudenti kollha, għaliex qed jipproponi li jsabbat f’wicc il-Maltin il-bibien ta’ l-opportunitajiet ġodda li l-poplu Malti approva bi ħġaru fir-Referendum dwar l-UE.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow