Tingħata t-tender għal teknoloġija moderna li se tissosstitwixxi l-inċeneratur ta’ l-isptar San Luqa
Fi żmien ftit ġimgħat oħra l-inċineratur ta’ San Luqa se jintefa’ darba għal dejjem. Minfloku se jkollna teknoloġija mill-aktar moderna li tipprocessa l-iskart infettiv mill-isptarijiet u l-klinici kollha tal-pajjiż, mingħajr ma toħloq ebda periklu ambjentali.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Louis Deguara meta kien qiegħed iħabbar l-għotja tat-tender ta’ impjant li se jieħu post l-inċeneratur fl-isptar San Luqa.
Il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fil-qasam tas-saħħa, din id-darba f’impjant b’teknoloġija mill-aktar moderna li ma jikkawża l-ebda dannu għall-ambjent ta’ madwaru. Dan l-impjant sewa investiment ta’ aktar minn nofs miljun lira. Il-Gvern dejjem sostna li ma jixxaħħaħx fejn tidħol is-saħħa. Din in-‘non burn technology’ hija wżata ħafna fl-Amerika u qed tinfirex f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, inkluż fi sptarijiet fl-Ewropa.
Illum il-ġurnata din it-teknoloġija għandha track record ta’ għaxar snin li matulhom rebħet diversi premjijiet prestiġjużi li jiċċertifikawha kemm bħala effettiva kif ukoll ambjentalment kompatibbli.
B’din is-sistema, l-iskart kliniku infettiv jiġi ddekontaminat u mfarrak. Il-fdal għaldaqstant jsir anqas perikoluż minn skart domestiku u jista’ jintrema’ mingħajr ma jikkawża dannu għall-ambjent.
Fost il-vantaġġi li għandha din is-sistema, li taħdem b’mod totalment awtomatiku, hemm li ma tipproduċix ‘effluents’ fis-sistema tad-drenaġġ u lanqas irwejjaħ; il-volum ta’ l-iskart ukoll jitnaqqas b’aktar minn 80%.
Barra minn hekk toffri prekawzjonijiet estensivi ta’ saħħa u sigurta’ għal dawk li jħaddmuha. It-teknologija taħdem b’sistema ta’ ‘microwaving’ u għalhekk ma tużax nar u dħaħen. B’hekk jigi totalment eliminat dak li ħafna drabi kien jiġri sal-lum, jigifieri tniġġis fl-arja.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa spiss ikollha lmenti minn individwi u Kunsilli Lokali fil-viċinanzi ta’ l-isptar minħabba d-duħħan li joħroġ miċ-ċumnija. Dan ħafna drabi kien ġustifikat. Issa b’din is-sistema, li se tibda titħaddem fi ftit ġimgħat oħra, se telimina dan kollu, għax l-inċeneratur u ċ-ċumnija se jingħalqu għal kollox.
L-introduzzjoni ta’ dan l-impjant ta` l-ipprocessar ta` l-iskart kliniku huwa pass ieħor f’sensiela ta’ inizjattivi li ħadet id-Diviżjoni tas-Saħħa f’dawn l-aħħar snin, sabiex jitjieb l-immaneġġjar ta’ l-iskart kliniku fl-isptarijiet pubblici.
Dawn il-mizuri kienu jinkludu numru ta’ seminars bil-partecipazzjoni ta’ esperti mistiedna minn barra l-pajjiż, kampanja ta’ tagħlim lill-impjegati kif ukoll il-publikazzjoni ta’ Clinical Waste Management Plan biex iservi ta’ gwida kif l-iskart kliniku jigi immaneġġjat b’mod xjentifiku u effettiv.
Il-Gvern hu kommess li jagħti lill-poplu ambjent nadif. Fil-preżent, Malta għandha diversi problemi ambjentali li jirrikjedu finanzi kbar biex issolvihom fosthom dak ta’ l-iskart. L-Unjoni Ewropea kkomettiet ruħha li tagħti lill-Gvern Malti fondi li għandhom jgħinuna biex nagħmlu dan. Fil-każ ta’ l-inċeneratur, il-Gvern ilu diversi snin li ħa deċiżjoni li dan jingħalaq. Ma qagħdx jistenna l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea.
Dan il-proċess ħa ftit fit-tul minħabba li proċess tat-tender kien wieħed komplikat għax ridna nkunu żguri li ssir l-aħjar għażla. Għall-istess raguni anke ntużat konsulenza minn esperti Amerikani ntiżi fuq dawn is-sistemi u b’hekk ġie żgurat li tinxtara l-ahjar sistema li taqbel mal-bżonnijiet partikulari tal-pajjiż. Ridna wkoll li jkollna sistema kompatta li tħallielna l-għażla li nieħduha fl-isptar Mater Dei, fejn tkun tista` tinġarr u tiġi nstallata fi ftit jiem.
Dan il-Gvern ma jparlax fil-vojt dwar l-ambjent iżda jinvesti fiħ. Il-Gvern jaf kif se jsolvi l-problema tal-Magħtab. Għandu l-pjani lesti u għajnuna finanzjarja li se jġib mis-sħubija ta’ pajjizna fl-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod se jsolvi l-problema tad-drenaġġ billi jibni tliet impjanti oħra. Dan flimkien ma’ proġetti oħra bħal monitoraġġ ta’ l-arja, ilma baħar aktar nadif u proġetti ta’ tisbiħ.
Jekk ma nissieħbux fl-Ewropa dawn il-proġetti jridu jitwettqu mit-taxxi tal-poplu Malti. Il-Ministeru tas-Saħħa flimkien ma’ Ministeri oħra se jibqa’ jaħdem fi sforz kollettiv sabiex jassigura li l-ambjent f'’Malta jgħola fil-livell għal dak ta’ pajjiżi sħabna fl-Ewropa temm jgħid il-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934