Aktar għaqdiet taż-żgħażagħ jirċievu għajnuna minn programmi tal-U.E.
“Il-Programm YOUTH ta’ l-Unjoni Ewropea qed jagħti opportunita’ lil aktar għaqdiet taż-żgħażagħ Maltin sabiex jiskbu finanzjar, għajnuna teknika u esperjenza internazzjonali imprezzabbli. Dan għaliex pajjiżna se jissieħeb fl-U. E. fl-1 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.”
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Perit Jesmond Mugliett, qal dan aktar kmieni llum meta ppresieda ċerimonja ta` l-iffirmar ta` kuntratti ma` numru ta` għaqdiet taz-żgħażagħ li ser jingħataw fondi permezz tal-programm YOUTH tal-Unjoni Ewropea, għall-proġetti partikolari li ser iwettqu.
Waqt is-sessjoni tal-lum, kienu ffirmati kuntratti ma` 10 għaqdiet differenti li ser iwettqu proġetti ta` natura differenti. Hemm 5 għaqdiet (Malta Red Cross – Gozo Branch, ŻAK Żabbar, Kunsill Lokali Ħamrun, Foundation for Social Welfare Services u Crossroads Youth – Malta) li ser jagħmlu laqgħat ta` skambju, taħriġ u networking. Żewġ għaqdiet oħra (Fondazzjoni Arka u YMCA) ser jibgħatu individwi għal perjodu ta` volontarjat. Hemm żewġ għaqdiet oħra li ser jagħmlu proġetti msejħin inizjattivi lokali.
Is-Segretarju Parlamentari meta ndirizza lir-rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet qal li l-Programm YOUTH ġab opportunitajiet ġodda għal għaqdiet taż-żgħażagħ u għal ħidma fost iż-żgħażagħ. “Dawn l-opportunitajiet jinkludu esperjenzi ta` tfassil u treġija ta` proġetti, budgeting, tiftix u kollaborazzjoni ma` għaqdiet barranin bħala sieħba, għarfien ta` kulturi oħra, taħriġ fit-tmexxija ta` gruppi ta` żgħażagħ u opportunitajiet għall-holqien ta` proġetti differenti għal dak li kienu jagħmlu normalment iż-żgħażagħ.”
Huwa saħaq li l-Programm YOUTH mhuwiex għal proġetti ta` studenti u għalhekk jilħaq faxex oħra ta` żgħażagħ, bħal żgħażagħ ħaddiema, żgħażagħ f’għaqdiet ta` baned, sport, kultura jew youth centres tradizzjonali. L-għaqdiet li ressqu proġetti u li ser jieħdu fondi jvarjaw minn Kunsill Lokali sa sezzjoni żgħażagħ fi ħdan Banda ta’ raħal, kompla jgħid il-Perit Mugliett.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li fil-ftit zmien (aktar minn sentejn) li ilu mniedi l-programm f’Malta, rajna organizzazzjonijiet li ma kienux iwettqu ħidma soċjali fost iż-żgħażagħ, jidħlu għal dan l-impenn ġdid, minħabba l-opportunitajiet ġodda, partikolarment il-fondi. Permezz tal-Programm YOUTH żdiedu sostanzjalment il-fondi li minnhom jistgħu jgawdu l-għaqdiet taż-żgħażagħ. F’dawn l-aħħar sentejn, il-fondi miksuba minn għaqdiet Maltin jammontaw għal 490.000 Euro jew 200,000 liri Maltin. B’kollox madwar 900 żagħżugħ jew żagħżugħa pparteċipaw b’mod dirett f’dan il-programm, minn kemm ilu mniedi.
Is-Segretarju Parlamentari għal darb’oħra saħaq li mhux minnu li l-parteċipazzjoni ta` Malta tibqa` l-istess, jekk Malta tibqa` barra mill-Unjoni Ewropea. Bħala pajjiż partecipant, l-aġġudikazzjoni tal-proġetti ssir kollha minn kumitat Malti. Jekk inkunu barra mill-Unjoni Ewropea naqgħu fil-kategorija ta` pajjiżi terzi u l-aġġudikazzjoni u t-tqassim ta` fondi jsir kollu minn Brussel.
“L-għaqdiet taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ Maltin għandhom iħarsu l-opportunitajiet ġodda li akkwistaw”, kompla s-Segretarju Parlamentari Jesmond Mugliett.
“F’dawn l-aħħar xhur rajna aktar ħidma u impenn minn għaqdiet taż-żgħażagħ. Rajna għaqdiet jakkwistaw interess ġdid fil-ħidma tagħhom permezz tad-dimensjoni ġdida li ngħatat il-ħidma tagħhom. Dan kollu jinbidel jekk Malta tibqa` barra mill-Unjoni Ewropea," temm jgħid il-Perit Mugliett.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934