Ċentru Ġdid għal-Litteriżmu
"Iċ-Ċentru il-ġdid għal-Litteriżmu hu ħolqa oħra fil-katina ta' faċilitajiet u riżorsi li l-Gvern qed jipprovdi biex it-tfal kollha jiksbu bażi tajba ta’ edukazzjoni. Il-Gvern żied bil-kbir l-investiment f’servizzi ġodda biex tfal, għalliema u ġenituri ikollhom appoġġ effettiv għall-livell ta’ litteriżmu tajjeb.”
Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea meta inawgura iċ-Ċentru għal-Litteriżmu li jinsab fil-bini magħruf bħala Robert Sammut Hall fil-Furjana, li qabel kienet Knisja Metodista Gotika.
Iċ-Ċentru għal-Litteriżmu huwa proġett li għandu l-iskop li jipprovdi servizzi u riżorsi differenti lill-għalliema u lill-individwi li jkunu jixtiequ joħolqu attivitajiet konnessi mal-litteriżmu. Hawnekk il-kelma "Litteriżmu" qed tintuża f'sens aktar wiesgħa mill-qari u tinkorpora fiha wkoll attivitajiet konnessi mal-mużika, arti u attivitajiet oħra li jgħinu t-tfal jaħkmu il-ħila bażika tal-qari u il-kitba bħala l-pedament għal aktar tagħlim.
Biex is-servizzi li jingħataw minn dan iċ-Ċentru ikunu aktar rilevanti, aġġornati u ta' kwalita' qed jiġu stabbiliti kuntatti ma' diversi għaqdiet edukattivi, sew lokali, Ewropej, kif ukoll internazzjonali.
Iċ-Ċentru għandu żewġ sezzjonijiet ewlenin. Is-sezzjoni tad-Dokumentazzjoni u s-Sezzjoni tal-Litterizmu. Dawn jipprovdu r-riżorsi meħtieġa lill-għalliema u l-istudenti-għalliema kif ukoll lilll-uffiċċjali edukattivi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u lil organizzazjonijiet u units bħall-Literacy Unit, il-Complementary Education Programme, il-"Let Me Learn" programme, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u oħrajn.
Iċ-Ċentru għall-Litteriżmu jinsab fil-Furjana fil-livell t'isfel tar-Robert Sammut Hall li kienet oriġinarjament knisja gotika tal-Metodisti. Ix-xogħlijiet f'dan iċ-Ċentru kienu jinkludu żewġ proġetti distinti. Proġett iffukat fuq ir-restawr u t-tisbieħ tal-livell ta' fuq li se tintuża bħala sala tal-konferenzi, u proġett fil-parti ta' isfel fejn hemm iċ-Ċentru. Il-Post kollu hu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita'.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru qal li f'din il-leġislatura l-Gvern wettaq ħidma importanti fil-ġlieda kontra l-illitteriżmu. Hu qal li filwaqt li l-Gvern bena fuq dak li diġa kien hemm, introduċa strutturi u inizjattivi ġodda.
Waħda mill-istrutturi ewlenin li nħolqu kienet il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (Foundation for Educational Services - FES). Il-Fondazzjoni bdiet twettaq diversi programmi mat-tfal u mal-ġenituri tagħhom biex tiżgura li kulħadd jilħaq il-milja tiegħu u ħadd ma jaqa lura. Il-Ministru qal li l-programmi Ħilti u Id f'Id tal-FES qed jagħtu l-frott u qed isibu kooperazzjoni sħiħa mill-iskejjel, l-għalliema u l-ġenituri. Hu tenna li element importanti f'dawn il-programmi hu li jindirizzaw il-problema kmieni u b'metodi differenti. Louis Galea qal li biex illum hemm aktar minn 20 ċentru madwar Malta u Għawdex kellu jsir taħriġ ta' l-għalliema kif ukoll xogħol strutturali fl-iskejjel stess.
Louis Galea semma wkoll l-introduzzjoni ta' l-Activity Teachers, kategorja ġdida ta' għalliema li jaħdmu ħinijiet differenti. L-Activity Teachers jwettqu żewġ rwoli importanti. Waqt il-ġurnata normali ta' l-iskola jorganizzaw attivitajiet għat-tfal li jinkludu d-drama, l-mużika, crafts u oħrajn. Wara l-ħin ta' l-iskola, l-Activity Teachers jwettqu l-programm Ħilti u Id f'Id mal-FES.
Il-Ministru Louis Galea qal li madankollu l-FES hi biss parti mill-katina ta' strutturi u inizjattivi li jeżistu. Il-Ministru semma x-xogħol li l-Literacy Unit ta' l-Universita' qed tagħmel, inkluż ir-riċerka dwar il-litteriżmu fost it-tfal u t-taħriġ ta’10 għalliema għal M.Ed fil-Litteriżmu. Hu semma wkoll il-"Let Me Learn" Programme li llum ġie msaħħaħ u mifrux fuq aktar skejjel. Dan il-programm jgħin lill-għalliema u lill-istudenti jgħarfu x'inhu l-aħjar mod li biħ huma stess jgħallmu u jitgħallmu. Louis Galea qal li issaħħaħ ukoll is-servizz tal-Complementary Education favur tfal li qed jaqgħu lura fl-edukazzjoni permezz ta' aktar għalliema speċjalizzati.
Il-Ministru Galea qal li l-inizjattivi favur il-litteriżmu ma sarux biss għat-tfal u l-istudenti. Fil-fatt qed isir taħriġ ta' 30 għalliem biex minn Settembru li ġej jibdew jgħallmu lill-adulti li għandhom problemi ta' litteriżmu.
Il-Ministru qal li jekk jiġi mistoqsi jekk hux kuntent bil-livell ta' litteriżmu f'Pajjiżna hu jwieġeb "le" għax anke jekk jifdal persuna waħda li hi illitterata, il-gwerra tkun għadha ma ntrebħitx. Hu qal li għad hemm ħafna xi jsir f'dan is-settur u li l-Gvern qed jaħdem biex ir-rata ta' illitteriżmu tkompli tonqos kif naqset f'dawn l-aħħar snin. Il-Ministru qal li filwaqt li meta tieħu l-popolazzjoni kollha hemm 88.8% litteriżmu (jiġifieri 11.2% illitteriżmu) meta tieħu l-litteriżmu fost dawk li twieldu f'dawn l-aħħar 20 sena issib li 98% jafu jiktbu u jaqraw u għalhekk huma biss 2% li huma definiti illitterati skond l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.
Louis Galea qal li fl-istess ħin il-Gvern qed jindirizza forom oħra ta' litteriżmu li huma riżultat ta' l-iżvilupp mgħaġġel li minnu għaddej pajjiżna. Illum il-litteriżmu fit-Teknoloġija ta' l-Informatika qed isir importanti daqs dak bażiku speċjalment fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk f'dawn l-aħħar snin saru diversi inizjattivi biex aktar adulti ikomplu t-tagħlim u t-taħriġ tagħhom. Fost l-oħrajn il-Ministru semma l-ftuħ ta' l-MCAST u it-tagħlim tal-kompjuter għall-adulti (il-programm MyWeb).
Il-Ministru temm jgħid li l-Gvern issa qed jaħdem fuq Pjan Strateġiku dwar it-Tagħlim tul il-Ħajja u ħabbar li nħoloq direttorju tal-korsijiet kollha li jeżistu f'pajjiżna. Dan jinkludi aktar minn 1,520 kors minn 140 istituzzjoni tat-tagħlim li huma miġbura taħt 400 grupp differenti skond it-tip ta' kors. Dan id-direttorju irid jibda jiġi aġġornat b'mod regolari u jkun aċċessibbli għal kulħadd b'mod wiesgħa.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934