STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TA’ L-INTERN U L-AMBJENT
Dak li qal dalgħodu il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni l-Onor. Dr. Alfred Sant u kandidati oħra tal-Partit Laburista fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet, jimmerita tweġiba.
Il-kandidata Laburista għal Għawdex Justyne Caruana giet kwotata li qalet li l-leħen taż-żgħażagħ mhux qed jinstema’ speċjalment fil-qasam ambjentali. “Għaliex ma tistaqsix lil Onor. Joe Mizzi li proprju f’Jum l-Ambjent tas-sena l-oħra ta ħasla lill-għaqdiet ambjentali u ġie kkwotat li qal lil għaqdiet ambjentali biex ma jindaħlux fil-politika?" staqsa l-Onor. George Pullicino. "U dawn huma l-istess nies li fl-istess nifs jgħidu li se jagħmlu partnership ma’ l-għaqdiet ambjentali".
Dwar il-monitoring ta’ l-arja, il-Gvern fl-aħħar budget approva nofs miljun lira għal programm ta’ monitoring tal-kwalita` ta’ l-arja. Ġew pubblikati r-riżultati ta’ monitoring fuq il-kwantita` ta’ ċomb fl-arja li sar is-sena l-oħra mal-pajjiż kollu.
L-Onor. Joe Mizzi ftaħar li fl-1997 naqas l-iskart tal-bini li mar il-Magħtab. Is-Segretarju Parlamentari George Pullicino spjega li dan naqas proprju għaliex dak iż-żmien, naqset l-attivita` tal-kostruzzjoni tal-bini.
Fis-sentejn ta’ amministrazzjoni Laburista, kontra l-wegħda ta’ aktar trasparenza, tnaqqas l-aċċess għall-informazzjoni lill-pubbliku dwar applikazzjonijiet ta’ żvilupp. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Nazzjonalista fetaħ beraħ il-proċess ta’ l-applikazzjonijiet tal-bini, ħalli kulħadd ikun jaf x’qed jiġri.
L-Onor. Alfred Sant qal li jrid serjeta` fil-qasam ta’ l-ambjent.
"Fejn kien meta taħt il-Gvern tiegħu, l-Onor. Charles Buhagiar li kien Ministru responsabbli mill-Public Works, ma kienx iħalli li makkinarju tad-Dipartiment jintuża minn dik li kienet l-Awtorita` ta’ l-Ippjanar, sabiex jitwaqqa’ bini illegali?” staqsa l-Onor. George Pullicino. Min-naħa l-oħra, taħt Gvern Nazzjonalista seħħ l-ikbar programm ta’ twaqqiegħ ta’ bini llegali li qatt ra dan il-pajjiż.
Dwar il-kaċċa u l-insib, l-Onor. Dr. Alfred Sant qal li se jimxi mal-Konvenzjoni ta’ Berna. Jaf l-Onor. Alfred Sant li din il-Konvenzjoni ma tippermettix li jkunu minsuba l-ghasafar ta’ l-ghana? Min-naħa l-oħra bil-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni Ewropea, dan l-insib se jkun jista’ jsir. Il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni qed igħid ukoll illi ma jaqbilx ma’ l-amnestija li l-Gvern ta fuq għasafar ibbalzmati u li ma jaqbilx li jkun jista’ jsir insib fi Frar.
Rigward l-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Onor. Alfred Sant qal li din m’għandhiex tkun strument ta’ manipulazzjoni u favoritiżmu. “Fejn kien Dr. Alfred Sant meta f’Diċembru ta’ l-1996, wara xahrejn biss fil-Gvern, is-Sur Jimmy Magro, Segretarju Generali tal-Partit Laburista, kiteb lid-Deputat Mexxej, l-Onor. Dr. George Vella, li kien il-Ministru responsabbli mill-Awtorita` ta’ l-Ippjanar u qallu li l-proprjeta` li l-Partit tieghu għandu f’Pembroke, m’għandhiex tibqa’ tkun protetta ħalli jkollha valur kummerċjali u b’hekk il-Partit Laburista jġib prezz għola?" staqsa l-Perit Pullicino.
“Kif ma jistħix l-Onor. Dr. Alfred Sant, imbagħad jgħid li l-wirt nazzjonali għandu jkun protett ? Kif ma jistħix jitkellem fuq il-bżonn ta’ nuqqas ta’ ndħil politiku fl-applikazzjonijiet tal-bini?” Il-Perit Pullicino fakkar li l-Partit Laburista jrid li l-MEPA tinqasam f’erba’ dipartimenti, bil-poter totalment ikun f’idejn il-politiċi.
L-Onor. Dr. Alfred Sant kien ukoll ħabbar li se jibda jilqa’ dettalji dwar proġetti u idejat ta’ żvilupp, biex jibda jikkonsidrahom u wara jaqbeż il-proċess ta’ l-ippjanar; u jekk ikun fil-Gvern, jgħaddihom fil-Parlament. Il-Perit Pullicino reġa’ stieden lil Onor. Dr. Alfred Sant biex, sa qabel l-elezzjoni iwieġeb għall-mistoqsijiet li ġejjin:
- Se tagħmel pubbliċi s-sottomissjonijiet li se tirċievi, f’ġieħ is-serjeta` u t-trasparenza li titkellem dwarha?
- Se ssemmi min hemm wara dawn il-proposti ?
- Se ssemmi x’tip ta’ żvilupp qed ikun propost ?
- Se ssemmi fejn se jkunu dawn il-proposti ta’ żvilupp ?
- Jekk il-Partit Laburista jkun fil-Gvern se jitlob lill-applikanti jagħmlu studju dwar l-impatt fuq l-ambjent ?
Sakemm tibqa’ ma tingħatax tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet, tibqa’ l-biża’ li kull m’għandu f’moħħu l-Partit Laburista hu, li jreġġa’ l-arloġġ lura għaż-żmien meta kien il-Ministru u dawk ta’ madwaru, li jiddeċiedu xi żvilupp isir, liema żvilupp ġab sfreġju fuq l-ambjent ta’ pajjiżna fil-passat.
Bi proposta bħal din joħroġ aktar ċar li l-Partit Laburista mhux sinċier meta jitkellem favur l-ambjent minkejja l-kliem fieragħ li jgħid mill-Oppożizzjoni.
Min-naħa l-oħra, sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tfisser li l-Gvern, permezz ta’ għajnuna ta’ Lm81 miljun, ikkommetta ruħu li jtejjeb mhux biss l-ambjent iżda l-kwalita tal-ħajja tal-poplu kollu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934