Left arrow Go Back

Stqarrija mill-Ministeru ghar-Rizorsi u l-Infrastruttura - Gvern li qed iħares l-ambjent bil-fatti

pr445
Date Icon 03/04/2003

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech irrefera ghal dak li qal il-Kap ta’ l-Opożizzjoni, l-Onor. Dr Alfred Sant u minn esponenti oħra tal-Partit Laburista f’konferenza ta’ l-ahbarijiet, li fiha saru allegazzjoni u ntqalu nofs veritajiet li jirrikjedu tweġiba.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li mhux veru li l-kwalita’ ta’ l-ilma baħar kienet aħjar taħt Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998. Hu qal li Gvern Laburista fl-1987 ħalla diżastru fis-sistema tad-drenaġġ, li wasslet biex il-bajjiet ewlenin ta’ pajjiżna tniġġsu. Permezz ta’ pjan vast ta’ modernizazzjoni tad-drenaġġ, in-numru ta’ ġranet li fihom il-bajjiet tagħna ma kenux tajbin għall-għawm niżel minn 964 fl-1994 għal 130 fl-1996, 32 jum fl-1998 u 11 is-sena l-oħra.

Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern permezz ta’ masterplan, wettaq modernizazzjoni tas-sistema tad-drenaġġ fil-pajjiż. Issa, bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea se jkun ferm aktar faċli jinbdew tliet impjanti biex id-drenaġġ kollu jissaffa qabel jintefa’ fil-baħar. Bl-għajnuna ta’ l-UE, din is-sena se jinbena l-ewwel impjant ta’ tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex.

Ta’ min ifakkar illi għar-rigward tal-kwalita’ ta’ l-ilma, qatt daqs taħt gvern Laburista ta’ bejn l-1971 u l-1987 ma kellna kwalita’ ta’ ilma tax-xorb daqshekk ħażina. Dan għaliex Gvern Laburista kien iddeċieda li ma jħaddimx l-impjanti tad-desalinizzazzjoni u minflok għamel Malta għarbiel bil-boreholes b’rizultat li s-salinita’ telgħet għal livelli inaċċettabbli.

Illum, permezz ta’ impjanti ta’ reverse osmosis li nbnew mill-1987 ’l hawn, il-kwalita’ ta’ l-ilma tax-xorb f’pajjiżna tjiebet għal livelli li bħalhom qatt ma kellna.

Francis Zammit Dimech qal li hu assolutament inaċċettabbli li l-kelliema Laburisti jagħtu l-impressjoni li dwar l-għeluq tal-miżbliet ma sar xejn. Fil-fatt ma sar xejn fit-22 xahar li dam fil-gvern l-Onor. Alfred Sant, meta mar itir b’helicopter fuq il-Magħtab u bħas-soltu qal li l-proġett kien telaq.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn il-miżbliet ma jistgħux jingħalqu jekk qabel ma jsirx l-istudju xjentifiku dwar x’fihom, biex hekk ikunu jistgħu jiġu riabilitati mingħajr ma ssir ħsara lis-saħħa tal-poplu.

Il-Gvern preżenti hu marbut li jagħlaq dawn il-miżbliet is-sena d-dieħla, jew kważi sena qabel il-mira li għandu l-Partit Laburista. Biex dan iseħħ, trid tinħoloq l-infrastruttura neċessarja. Il-Gvern ħa miżuri sabiex parti sostanzjali mill-iskart mill-bini u kostruzzjoni, li jagħmel aktar minn 80 fil-mija ta’ l-iskart kollu, jibda jintrema’ fil-barrieri, biex dawn jiġu riabilitati u hekk titneħħa ġerħa kerha fuq l-ambjent Malti.

Minn ġimgħa ’l hawn, diġa intefa’ f’barriera aktar minn 5,000 tunnellata skart tal-bini, li qabel qed jiġi ikkraxxjat. Sadattant, il-Gvern lesta dak kollu meħtieġ sabiex jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar Package 1, li jkopri l-iskart kollu mit-twaqqigħ tal-bini u kostruzzjoni.

Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern se jimmodernizza wkoll l-Impjant tal-Kompostaġġ f’Sant’Antnin, permezz ta’ għajnuna finanzjarja li se tingħata mill-Unjoni Ewropea u li għaliha diġa tħejjiet id-dokumentazzjoni meħtieġa.

Hu qal li proġetti bħal dawn ma jistgħux iseħħu fi żmien qasir, jekk ma jkunx hemm l-għajnuna finanzjarja meħtieġa. Hu qal li jkun tajjeb li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jgħid lill-poplu Malti b’mod konkret minfejn se jġib il-flus biex iwettaq dawn il-proġetti.

Il-Gvern preżenti jaf li fit-tliet snin li ġejjin se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-UE u mill-Italja Lm37 miljun fis-sena. L-Onor. Alfred Sant qed iwiegħed il-ġenna fl-art u għadu ma qalx kemm se jżid it-taxxi jew kemm se jiddejjen biex iwettaq dawn il-wegħdi.

Il-Ministeru Zammit Dimech qal li Dr Alfred Sant tkellem ukoll dwar proġetti għall-ħarsien tal-wirt storiku u dwar tisbiħ. Hu qal li dawn it-tip ta’ proġetti bdew jitwettqu minn Gvernijiet Nazzjonalisti. Hu qal li kien permezz tal-Proġetti għar-Riabilutazzjoni tal-Belt Valletta, tal-Kottonera u ta’ l-Imdina, li twettaq xogħol importanti ta’ restawr u ristrutturazzjoni fil-bliet kollha mdawwra bis-swar f’Malta u kien permezz tal-Unit għar-Restawr, li twettqu aktar minn 100 proġett ta’ restawr mal-pajjiż kollu. Proġetti li se jitkomplew, anzi se jitkattru, b’għajnuna ta’ fondi mill-UE li tagħti mportanza kbira lill-kultura u l-identita’.

Francis Zammit Dimech fakkar ukoll li kien Gvern Nazzjonalista li fl-1996 wettaq l-ewwel proġett ta’ tisbiħ f’Marsaskala, b’investiment ta’ Lm2 miljun. Il-Ministru qal li minn dakinhar twettqu proġetti oħra f’Marsaxlokk, Birżebbuġa, Qawra, Buġibba, Gżira, Sliema u San Ġiljan. Hu fakkar li l-proġett ta’ San Ġiljan se jkun inawgurat il-lejla mill-Onor. Prim Ministru.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li Dr. Alfred Sant mhu iwiegħed xejn ġdid. Kull ma qed jagħmel hu li qed jirriċikla, jew jipproponi dak li diġa hemm jew li dak li se jitwettaq fil-gejjieni qarib isir snin wara. Wara kollox ma jistax isir mod ieħor, meta wieħed iqis li fl-ebda ħin l-Onor. Dr. Alfred Sant ma ta ndikazzjoni minfejn se jġib l-investiment neċessarju għall-proġetti ambjentali, li jekk nieħdu tnejn biss minnhom, l-istrateġija għall-iskart solidu u likwidu, trid investiment għalihom ta’ Lm120 miljun.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow