Left arrow Mur Lura

MODERNIZZAR TAS-SALA TAL-MEDIĊINA M6 Fl-ISPTAR SAN LUQA

pr442
Date Icon 02/04/2003


Bl-immodernizzar tas-Sala M6 issa s-swali kollha tad-Dipartiment tal-Mediċina fin-North Wing fl-isptar San Luqa joffru ambjent aħjar kemm għall-pazjenti u l-impjegati f’dawn is-swali. Dan sar matul l-aħħar snin minkejja li kien għaddej ix-xogħol fuq il-bini ta’ l-Isptar Mater Dei.

Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Louis Deguara, meta kien qiegħed jinawgura s-Sala M6 fl-isptar San Luqa wara xogħol li biddel kompletament id-dehra ta’ din is-sala.

Is-swali tal-mediċina huma l-aktar swali frekwentati fl-isptar u għalhekk xi drabi jkollhom numru ta’ pazjenti żejda. Il-Gvern qatt ma jirrifjuta li jagħti l-kura meħtieġa sempliċement minħabba nuqqas ta’ spazju. Dan joħroġ mit-twemmin tal-Gvern li jqis il-kura tas-saħħa bħala servizz soċjali li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd, l-aktar għal dawk żvantaġġati.

L-iffullar fis-swali tal-mediċina hija problema li l-Gvern qiegħed jagħmel l-almu kollu biex jiffaċċjaha. Ironikament il-problema ta’ l-iffullar hija riżultat ta’ kura eċċellenti li l-poplu Malti qiegħed jingħata. Kawża oħra hija l-każijiet soċjali l-aktar ta’ anzjani li ma jkollhomx fejn imorru wara li jkunu kkurati. Gvern b’kuxjenza soċjali ma jistax jaqbad lil dawn l-anzjani u jkeċċihom ’l barra biex jirbaħ sodda. Għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Politika Soċjali biex jiżdiedu n-numru ta’ sodod fil-komunità biex jitnaqqsu s-social cases fl-Isptar.

Illum bir-riformi fil-qasam tal-mediċina daħħalna l-kunċett tas-subspecialization fejn id-diversi swali huma dedikati għal mard differenti bħal diabete, mard respiratorju, mard tal-kliewi, mard ta’ l-imsaren, mard tal-qalb u mard tan-nervituri. Ġew introdotti bosta servizzi ġodda anki fil-qasam tal-mediċina. Dan qiegħed itawwal il-ħajja ta’ l-anzjani u għalhekk it-talba għas-servizzi qegħda tiżdied kuljum. Illum minkejja li pazjent idum anqas rikoverat fl-isptar, xorta waħda t-talba għadha tiżdied.

Fid-Dipartiment tal-Mediċina ġew introdotti servizzi ta’ dianjosi u trattament ta’ mard fid-demm, mard fil-ġogi, kardjoloġija u newroloġija u inħattru disa’ konsulenti ġodda. Pazjenti li qabel kienu jintbagħtu barra għall-kura, illum qegħdin jingħataw il-kura f’Malta minn tobba Maltin, b’riżultati tajbin ħafna tant li minn żmien għal żmien, l-isptar ikollu talbiet minn barranin biex jiġu kkurati f’Malta. Dan hu l-aqwa ċertifikat li qatt jista’ jkollhom is-servizzi offruti f’San Luqa.

Ix-xogħol kollu fl-M6 u fis-seba’ swali l-oħra sar minn ħaddiema tad-Diviżjoni tas-Saħħa li xogħolhom juri l-kapaċità tagħhom. Għalhekk tajjeb li wieħed jirringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proġett.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow