sala gdida fl-iskola primarja ta’ h’attard
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea inawgura s-sala l-ġdida ta' l-iskola primarja Tumas Dingli f'Ħ'Attard. Is-sala hi parti minn xogħol estensiv li twettaq f'din l-iskola b’investiment ta’ aktar minn LM 700,000.
Is-sala tiflaħ sa 600 persuna u hi mgħammra bil-faċilitajiet meħtieġa biex tintuża b’mod flessibbli bħala multi-purpose hall fejn isiru assembleji u attivitajiet ta’ drama, mużika, sport, u attivitajiet oħra. B’hekk l-iskola ghandha dak kollu meħtieġ biex isservi ta’ ċentru ta’ tagħlim u kultura għall-komunita` kollha ta’ Ħ’Attard.
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni studja l-iżviluppi demografiċi f’din il-lokalità fejn jirriżulta li n-numru ta’ familji żgħażagħ kiber ħafna f’numru ta’ żoni ġodda. L-iskola kellha titkabbar biex takkomoda numru akbar ta’ tfal u biex twettaq il-ħtiġijiet tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid.
Ix-xogħlijiet fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard kienu jikkonsistu fil-bini ta’ sular fuq il-blokk tal-kindergarten, proġett li pprovda tmien klassijiet ġodda u faċilitajiet sanitarji, anke għal persuni b’diżabilità. Inbena kuridur li jgħaqqad il-blokki flimkien bil-faċilità ta’ lift. Inħolqot entratura ġdida, inbniet sala b’faċilitajiet anċillari, u kienu mmodernizzati l-blokki eżistenti. Il-Gvern, f’din l-iskola tul dawn l-aħħar sitt snin, investa madwar Lm 700,000.
L-ewwel fażi tal-proġett tmexxiet mit-Taqsima Bini u Manutenzjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, filwaqt li t-tieni fażi tmexxiet mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS). L-FTS użat materjali u disinji moderni biex is-sala ikollha ambjent sabieħ li jilqa' u tkun tista tintuża b'mod flessibli għal attivitajiet varji.
F'din is-sala, l-art saret tal-parquet, biex tintuża wkoll għal attivitajiet sportivi. Fejn kien hemm bżonn intużaw materjali Fire Retarding għal aktar sigurta'. Taħt is-sala hemm spazju li mistenni jiġi żviluppat f'gymnasium bħala parti mill-faċilitajiet sportivi ta' l-iskola li ser jiġu żviluppati madwar l-iskola fil-leġislatura li jmiss.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Louis Galea, fisser is-sodisfazzjon tal-Gvern li wassal biex l-iskola primarja ta’ Ħ’Attard illum issir waħda mill-aktar skejjel moderni li għandha d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Hija skola li toffri ambjent mill-aqwa għat-tagħlim kif ukoll ambjent xieraq ta’ xogħol lill-impjegati kollha li jaħdmu fiha.
Il-Ministru qal li l-Gvern qed jaħdem biex l-iskola issir ċentru ta' tagħlim u kultura għall-komunita` kollha. "Ma rridux li l-iskola tibqa` post għat-tfal biss, maqtugħa mill-bqija tal-familji tal-lokal. Irridu li tfal, kbar u anzjani isibu fl-iskola ċentru dinamiku ta' tagħlim, kultura, arti u kreattivita`".
Il-Ministru Galea qal li fid-dinja tal-lum it-tagħlim huwa aktar prezzjuz mill-ġid materjali. Iċ-ċavetta ta' kull suċċess u żvilupp hi l-edukazzjoni - mill-bidu u tul il-ħajja kollha kemm hi. Hu qal li għalhekk il-Gvern preżenti jagħti l-ogħla importanza lill-edukazzjoni.
Il-Ministru ħabbar li wara li tlestew ix-xogħlijiet ta' tkabbir u tisbieħ ta' l-iskola kif ukoll ix-xogħol fuq is-sala, ser jibda x-xogħol fuq fażi oħra ta' żvilupp. F'din il-fażi se jsir investiment qawwi fil-faċilitajiet sportivi madwar l-iskola. B'hekk Ħ'Attard ikollu ċentru mill-aqwa li jkun ta' ġid kbir għat-tfal, żgħażagħ, familji u għaqdiet fil-ħajja soċjali u kulturali.
Waqt l-inawgurazzjoni tkellem wkoll s-Sindku ta' Ħ'Attard is-Sur Norbert Pace, li filwaqt li rringrazzja lill-Ministru għall-impenn personali tiegħu fl-iskola ta' Ħ'Attard, qal li minn mindu twaqqaf il-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard sar investiment ta' aktar minn Lm 1.7 miljun, investiment li minnu qed tgawdi l-komunita' ta' Ħ'Attard.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934