ŻEWĠ MAGNI TA’ L-ULTRA SOUND ĠODDA F’SAN LUQA
Minkejja l-bini ta’ l-isptar Mater Dei, il-Gvern xorta waħda baqa’ għaddej fuq titjib ta’ servizzi li jingħataw mill-isptar San Luqa. Il-Gvern qiegħed jinvesti f’apparat li ’l quddiem jittieħed f’Mater Dei, imma li l-pazjent se jkun igawdi minnu mil-lum.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara meta kien qiegħed jinawgura żewġ magni ġodda ta’ l-Ultra Sound li swew investiment ta’ Lm110,000.
Il-Ministru żied jgħid li, fl-istess ħin, baqa’ għaddej ukoll programm ta’ moderniżżar fl-isptarijiet u proprju l-ġimgħa d-dieħla ser tinfetaħ is-Sala tal-Mediċina M6 fl-isptar San Luqa u l-Out Patient tad-Dermatoloġija fl-isptar Boffa. Inbdew ukoll il-proċeduri ta’ tendering għall-moderniżżar tal-Female Ward u l-ftuħ ta’ Forensic Unit ġdida fl-isptar Monte Carmeli.
Id-Dipartiment tar-Radjoloġija huwa wieħed mill-aktar dipartimenti frekwentati fl-Isptar San Luqa. Fil-fatt hu kkalkulat li f’dan id-dipartiment f’sena isru madwar 110,000 investigazzjoni li minnhom 10,000 huma ultra sound.
Il-magni li kellna sal-lum inxtraw erbgħatax il-sena ilu. Huwa ovvju li l-pass mgħaġġel li biħ tiżviluppa l-mediċina kien jitlob li jiġġedded dan il-makkinarju. Il-magni l-ġodda għandhom il-kapaċità li jagħmlu dijanjosi aktar preċiża.
Ser inkunu qegħdin ngħollu bil-bosta il-kwalità tas-servizz li noffru. Ser tiġi evitata il-ħtieġa ta’ diversi scans fuq il-pazjent kif kien isir sal-lum. L-images li jipproduċu dawn il-magni ser ikunu bil-kulur u ħafna aktar ċari u preċiżi. B’hekk id-deċiżjonijiet kliniċi jittieħdu fi żmien iqsar u dan jista’ jkun determinanti sabiex tingħata l-kura meħtieġa f’waqtha.
Dawn il-magni għandhom sistema ta’ power doppler li permezz tagħha jistgħu jsiru studji fuq iċ-ċirkolazzjoni tad-demm f’arterji u vini tal-ġisem. Joffru ukoll il-possibiltà li jsiru biopsies mingħajr il-ħtieġa ta’ operazzjoni.
Peress li din it-teknoloġija hija waħda diġitali ser jkun possibli li l-iscans jiġu maħżuna u memoriżżati eletronikament u b’hekk fil-futur meta jiftaħ Mater Dei jkunu on line għal min jeħtieġhom.
Dawn il-magni bdew jaħdmu mill-bieraħ u għandhom iħaffu x-xogħol u hekk il-pazjent jinqeda aktar malajr.
Dan il-Gvern ilu s-snin jinvesti f’taħriġ u tagħlim biex ikollna ħaddiema aktar kwalifikati li jkunu kapaċi jilqgħu anke għall-isfidi ta’ teknoloġiji ġodda. Permezz tal-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa, il-Gvern qiegħed joffri l-opportunità lill-infermeriera u paramediċi li jikbru professjonalment. Bħalissa fid-diversi korsijiet fir-Radjoloġija ġewwa dan l-Istitut hemm 38 studenti jsegwu Diploma Course, 11 BSc u 12 b’diploma li se jkomplu għal BSc.
Fl-aħħar, il-Ministru rringrazzja lil dawk kollha mill-kbir saż-żgħir li jaħdmu fid-Dipartiment tar-Radjoloġija. Il-poplu għandu għax ikun grat tax-xogħol fejjiedi li jagħmlu b’risq il-pazjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934