Left arrow Go Back

SEHEM IL-PRIVAT FI PROĠETTI TA’ RESTAWR

pr404
Date Icon 28/03/2003

Illum gie ffirmat ftehim bejn il-Progett ghar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u Pricewaterhouse Coopers, bl-iskop li jsir xoghol ta’ restawr fil-Knisja tal-Vitorja fil-Belt Valletta.

F’diskors li ghamel il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech wara dan l-iffirmar, hu qal li minbarra l-investiment li kien qed jagħmel kontinwament il-Gvern f’restawr tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, kien hemm ukoll għaqdiet volontarji u l-privat li kienu qed jagħtu sehemhom għall-ħarsien ta’ dan il-wirt.

Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura llum qed jaħdem fuq għadd kbir ta’ proġetti ta’ restawr f’kull rokna ta’ Malta, sew permezz tal-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina, kif ukoll permezz tal-Unit għar-Restawr. Hu qal li madanakollu l-Gvern waħdu qatt ma jista’ jwettaq il-proġetti kollha li jixtieq. Għalhekk jilqa’ kull għajnuna mis-settur privat u minn għaqdiet volontarji.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttara qal li l-Gvern kien qed iwettaq proġetti ta’ restawr fi sħubija bejnu u NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam bħal Din l-Art Ħelwa u l-Fondazzjoni Wirt Artna. Hu qal li Din l-Art Ħelwa, li hi l-aktar għaqda qadima fis-settur tal-wirt storiku, diġa ħadmet bis-sħiħ f’kollaborazzjoni mal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Hu qal li għalhekk il-kooperazzjoni li hemm illum bejn il-Gvern, Pricewaterhouse Coopers u għaqda volontarja għat-twettiq tal-proġett għar-retawr tal-knisja tal-Vitorja hu ta’ min ifaħħaraha.

Francis Zammit Dimech irringrazzja lid-diretturi ta’ Pricewaterhouse Coopers għall-ġest sabiħ tagħhom lejn il-ħarsien tal-wirt storiku tagħna. Hu qal li l-kontribut tagħhom ta’ Lm15,000 favur dan il-proġett għandu mportanza kbira. Hu irringrazzja wkoll lil Din l-Art Ħelwa li kienu strumentali biex inkisbet din l-għajnuna. Dr. Zammit Dimech qal li permezz ta’ din l-isponsorship se jsir ir-restawr tal-faċċata prinċipali u taż-żewġ ġnub tal-Knisja. Hu qal li t-tenders għal dan ix-xogħol kienu lesti u se jinħarġu f’dawn il-jiem.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja għandha importanza kbira għaliex kienet l-ewwel knisja li nbniet fil-belt kapitali. Hu qal li kien xieraq ukoll li dan il-ftehim jiġi ffirmat f’jum it-twelid tal-Belt Valletta, it-28 ta’ Marzu.

Francis Zammit Dimech qal li kien infurmat li dan il-proġett kien issa qabad ritmu tajjeb u kien jinkludi diversi fażijiet importanti. Hu qal li wara li sar titjib fis-soqfa u fl-urni li hemm fuq il-faċċata kienet restawrata wkoll il-parti monumentali tan-nofs ta’ l-istess faċċata, kif ukoll il-bust tal-bronz. Ix-xogħol ta’ restawr ta’ dan il-bust, li qed isir minn Sante Guido, issa wasal lejn tmiemu u llum diġa nistgħu nammiraw is-sbuħija fix-xogħol li hemm fil-ġebel u fl-irħam.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li ġie deċiż li minħabba li dan il-bust hu ta’ importanza kbira, dan għandu jinżamm ġewwa u floku titqiegħed kopja tiegħu.

Francis Zammit Dimech qal li parti oħra tal-proġett hi r-restawr tal-pittura tas-saqaf. Hu qal li biex dan il-proġett jitwettaq kellhom jitqabbdu żewġ restawraturi magħrufa biex jagħmlu analiżi u jwettqu l-proġett. Hu qal li kien infurmat li twettqet il-parti tar-riċerka u sar test fuq parti mill-pittura. Ix-xogħol se jitkompla aktar tard din is-sena. Il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta qed jistudja wkoll ir-restawr tal-pittura dekorattiva fuq il-parti t’isfel tal-Knisja.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li bħalissa l-Proġett għar-Riabiltazzjoni tal-Belt Valletta qed jirrestawra wkoll il-faċċata tad-dar tal-kapillan li kienet fi stat ħażin, b’partijiet minnha jaqgħu. Dan il-proġett, li qed isir taħt is-sorveljanza tal-perit Amanda Degiovanni, hu fi stadju avvanzat.

Francis Zammit Dimech qal li kien konvint li bil-ħidma ta’ kulħadd: Gvern, għaqdiet volontarji u settur privat, il-wirt storiku ta’ pajjiżna kien qed jingħata d-dinjita’ li jixraqlu biex jitgawda minn kulħadd.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow