IT-TIENI FAŻI TAX-XOGĦLIJIET FL-ISKOLA SIR ADRIAN DINGLI F'PEMBROKE
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea żar it-tieni fażi tax-xogħlijiet li qed isiru fil-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli f'Pembroke, wieħed mill-proġetti ewlenin tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada.
L-ewwel fażi tal-proġett tlesta qabel ma bdiet is-sena skolastika li għaddiet u minnufih beda x-xogħol fuq it-tieni fażi. Fl-ewwel fażi sar investiment ta' madwar Lm 800,000 fuq Blokk A u l-Blokk Ċentrali. Meta tkun lesta kompletament, fl-iskola Sir Adrian Dingli se jkun sar investiment ta' aktar minn Lm 2 miljuni.
It-tieni fażi tal-proġett għandha titlesta sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss. B'hekk fi żmien sentejn l-iskola kollha se tkun ġiet immodernizzata għal skola ta' għada bl-istandards meħtieġa.
Meta titlesta din il-fażi se jibda x-xogħol fuq il-faċilitajiet rikreattivi ta' l-iskola li jinkludi landscapingtad-diversi ġonna li hemm madwarha. Xogħol ieħor li jrid isir hu dak fil-multi-purpose hall.
Meta tkun lesta, il-faċilitajiet ta' l-iskola ser jinkludu aktar minn 50 klassi kull waħda bir-Resource Room tagħha, seba' laboratorji tax-xjenza, laboratorji tat-teknologija, laboratorji tal-Home Economics, laboratorji tal-Kompjuter, klassijiet għall-Arti, għall-Business Studies u għall-Environmental Studies u diversi klassijiet oħra speċjalizzati.
L-iskola kollha ser tkun kompletament konformi mal-linji ta' gwida tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar il-Kurrikulu Nazzjonali, l-aċċessibilita u s-sigurta'.
Waqt iż-żjara, l-Ministru Louis Galea qal li l-Fondazzjoni qed turi b'mod ċar kif il-Gvern qed jirnexxielu jwettaq proġetti fl-iskejjel, fi żmien anqas, b'effiċjenza, kwalita' u b'faċilitajiet superjuri, u fl-istess ħin b'kontroll aħjar fuq il-fondi pubbliċi.
Il-Ministru qal li meta jara x-xogħol li qed isir mill-Fondazzjoni jitħasseb kif il-Partit Laburista jhedded li jekk ikun fil-Gvern ixxolji l-Fondazzjoni u tmur lura għas-sistema l-antika. Żied jgħid li f'dawn l-aħħar erba` snin il-Gvern irnexxielu joħloq struttura li qed twettaq il-programm li għandu l-Gvern preżenti li fi żmien tmien snin, l-iskejjel kollha ta` l-iStat ikunu skejjel ta' l-aħjar kwalita'. Il-Gvern ser jkompli jsaħħaħ u jtejjeb l-operat ta' FTS biex iwettaq il-miri tiegħu ta' xogħol ta' kwalita' b'nefqa effettiva.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar proġett ieħor li ser jsir fil-lokalita' ta' Pembroke. Hu qal li l-Gvern permezz tal-FTS ser jibni skola primarja ġdida biex tilqa fiha l-popolazzjoni dejjem tikber ta' studenti minn dawn l-inħawi. Il-Fondazzjoni qed ikollha taħdidiet ma' uffiċjali għolja fl-Awtortia' ta' l-Ippjanar u hu mistenni li jinħarġu il-permessi preliminari fi żmien qasir.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934