STQARRIJA KONĠUNTA TAL-MINISTERU TA' L-INTERN U TAL-ĠUSTIZZJA
Il-Ministeri ta’ l-Intern u tal-Ġustizzja ddeskrivew bħala gidba l-allegazzjoni magħmula minn Dr Chris Cardona li Charles Attard "qiegħed il-ħabs bla ħtija."
Fil-fatt l-imsemmi Charles Attard kien ammetta l-involviment tiegħu fl-attentat ta’ qtil ta’ Richard Cachia Caruana, l-Assistent Personali tal-Prim Minstru, tliet darbiet. L-ewwel darba fi stqarrija li għamel lill-Pulizija fl-1996; it-tieni darba quddiem il-Maġistrat Inkwerenti u sentejn wara, meta żgur kellu ċans li jerġa’ jaħsibha, ammetta fil-Qorti l-istess involviment, fil-preżenza ta’ l-avukat tiegħu, fit-28 ta’ Settembru 1998; anzi dak inhar il-Qorti Kriminali, kif inhi obbligata skond il-liġi, tat żmien lill-istess akkużat sabiex jaħsibha, u minkejja li wissietu bl-aktar mod solenni dwar il-konsegwenzi legali ta’ tali ammissjoni, reġa’ ikkonferma din l-ammissjoni, u ġie ikkundannat 14-il sena ħabs fis-7 ta’ Settembru 1998.
Fis-26 ta’ April, 2001, l-istess Attard tilef bl-aktar mod assolut l-appell li għamel kontra l-ammissjoni li għamel hu stess. Il-kliem segwenti tal-Qorti ta’ l-Appell huma elokwenti biżżejjed:
"Il-Qorti tifhem li l-appellant f’ċertu ħin wara li evidentement xi ħadd kien tarrafflu xi informazzjoni fuq ix-xhieda ta’ Nicholas Jensen, u wara li seta’ intravveda xi possibiltà li is-sorte, id-destin tiegħu, jista’ jitbiddel, approfitta ruħu mis-sitwazzjoni, cioe ipprova jieħu vantaġġ minnha u ipprova jsib mezz kif jirtira mill-isqaq li kien poġġa lilu nnifsu ġo fih minħabba l-ammissjoni tiegħu. Dan hu metodu li addotta l-appellant li din il-Qorti sempliċement ma tistax tissanzjona."
Dr Chris Cardona bil-kliem u l-aġir tiegħu qed ipoġġi lilu nnifsu bħala ’l fuq mill-Qorti ta’ l-Appell – ħaġa din li la tagħmel ġieh lilu u lanqas il-Partit li jirrapreżenta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934