STQARRIJA MILL-MINISTERU GHAL GHAWDEX: INVESTIMENT QAWWI F’GĦAWDEX GĦALL-ĠID TA’ L-GĦAWDXIN
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono dalgħodu indirizzat konferenza stampa fejn tat ħarsa lejn il-ħidma li wettaq il-Gvern f’Għawdex, f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs. Hija stqarret li "għalina, dak kollu li jolqot lill-Għawdxin u l-ġid ta’ Għawdex diġa’ jiġi l-ewwel kif turi l-ħidma li wettaqna f’Għawdex".
Il-Ministru Debono rreferiet għall-kritika min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni Laburista fejn dalgħodu riedet tpinġi lil Għawdex f’din il-leġiżlatura bħala gżira li donnha għexet fl-abbandun, fejn kien hawn telqa kbira u nuqqas ta’ proġetti. Il-Ministru Debono saħqet li qatt daqs f’din l-amministrazzjoni ma kien hawn Gvern li ta l-importanza lill-qasam ta’ l-edukazzjoni u lil dak tas-saħħa f’Għawdex fost l-oħrajn. Il-Gvern ta mportanza lil kull settur, naturalment skond il-prijorita’. It-titjib fil-kwalita’ tal-ħajja ta’ l-Għawdxin li jgħixu f’Għawdex hija riżultat dirett tal-progress li sar f’Għawdex permezz ta’ proġetti u inizjattivi li daħal għalihom il-Ministeru għal Għawdex.
L-investiment kapitali fil-qasam ta’ l-edukazzjoni kien wieħed ferm akbar minn dak li qatt kellu dan il-qasam f’Għawdex. Fil-fatt sar bini, titjib u modernizzar f’20 skola madwar Għawdex fosthom il-bini u attrezzar ta’ 7 laboratorji ġodda għall-iskola post-sekondarja ta’ Għawdex. Infetħet fergħa tal-MCAST li qiegħda toffri numru ta’ korsijiet li wħud minnhom qatt ma kienu offruti f’Għawdex qabel. Ingħatat attenzjoni partikolari lill-iskola għal tfal b’diżabilta’ f’Sannat.
It-tisħiħ ta’ l-infrastruttura ngħatat prijorita’ speċjalment kif jidher mill-investiment ta’ Lm750,000 f’bini mill-ġdid ta’ toroq arterjali u Lm250,000 f’xogħlijiet madwar 60 triq oħra. Gew investiti Lm109,000 f’bini ta’ culverts għall-ilma tax-xita.
Il-Ministru Debono rreferiet għall-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel li b’investiment ta’ Lm35 miljun qed jagħtu servizz f’aktar kumdita’, efficjenza u sigurta’. Il-ħin ta' stennija fil-portijiet sar relattivament qasir minħabba ż-żieda fil-kapacita' ta' ġarr ta' karozzi u passiġġieri bil-vapuri l-ġodda. Il-mollijiet tac-Cirkewwa – b’investiment ta’ Lm13-il miljun lira u l-proġett għal bini ta’ parkeġġ taħt l-art u Terminal ġdid fil-Port ta’ l-Imġarr f’Għawdex ser ikomplu jassiguraw vjaġġ bejn il-gżejjer f’aktar kumdita’. Fil-bidu ta’ din l-leġislatura reġgħu traħħsu n-nollijiet tal-vapur minħabba l-aspett socjali ta’ dan is-servizz għall-Għawdxin.
Il-Gvern impenja ruħu bis-serjeta’ għal soluzzjonijiet permanenti dwar il-problemi tad-drenaġġ u skart domestiku. Tkompla x-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ li qiegħed jiġi dirett lejn post wieħed fejn ser jinbena impjant għat-trattament tad-drenaġġ li nofs l-ispiża, jiġifieri madwar Lm1.5 miljun, ser jiġu mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan l-impjant il-kosta ta’ Għawdex tkun waħda kompletament nadifa.
Issaħħet il-provvista ta’ l-elettriku permezz tat-tieni submarine cable ta’ 33kV li jinkludi fibre optic cable biex it-telekomunikazzjoni bejn Għawdex u l-bqija tad-dinja tkun aktar efficjenti.
B’referenza għal dak li ntqal mill-kelliema Laburisti dalgħodu dwar l-oqsma tal-biedja u tas-sajd u dwar kemm kienu pilastri ewlenin fis-snin sebgħin u fit-tmeninijiet, il-Ministru Debono qalet illi l-Gvern preżenti, bil-fatti mhux bil-kliem biss, jemmen li l-biedja u s-sajd huma żewġ oqsma mportanti għall-ekonomija u l-ambjent tipiku tal-gżejjer Maltin, b’mod partikolari f’Għawdex fejn matul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs twettqet ħidma intensiva sabiex din l-industrija tkompli tissaħħaħ. Din il-ħidma ssarrfet f’kilometri sħaħ ta’ ħitan tas-sejjieħ, passaġġi fir-raba’, xogħol ta’ modernizzar fil-Pitkalija, il-Biccerija u l-Cold Stores, it-twaqqif ta’ l-iskema tar-reġistrazzjoni ta’ l-art agrikola u għadd ta’ laqgħat ta’ informazzjoni ma’ bdiewa u raħħala Għawdxin. Il-Ministru Debono semmiet ukoll iż-żjara ta’ ħmistax-il ġurnata fil-Ġermanja li għamlu bdiewa Għawdxin meta ntbagħtu mill-Ministeru għal Għawdex biex jaraw sistemi simili ta’ operat fil-Ġermanja. Barra dan il-bejgħ tal-prodott agrikolu għawdxi mill-Pitkalija kompla jiżdied filwaqt li ngħatat għajnuna finanzjarja ta’ madwar Lm80,000 lill-bdiewa u s-sajjieda għall-ġarr tal-prodotti tagħhom lejn Malta.
Biex aktar Għawdxin ikollhom xogħol f’Għawdex stess, inħoloq xogħol f’Għawdex għal madwar 60 ħaddiem Għawdxi li ġew trasferiti minn Malta permezz tat-trasferiment ta’ xogħol tal-Gvern li issa qiegħed isir minn Għawdex.
Matul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs l-industrija f’Għawdex ingħatat kwazi Lm500,000 f’incentivi għal taħrig u trasport bejn il-gżejjer filwaqt li r-rata tal-qgħad f’Għawdex niżlet għall-inqas livell li qatt kienet. Twaqqfet ukoll il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex. In-numru ta’ kontijiet fil-banek Għawdxin żdiedu b’20,000 bil-waqt li d-depożiti fil-banek żdiedu b’ Lm60 miljun.
Il-qasam soċjali speċjalment dak ta’ l-anzjani f’Għawdex kompla jissaħħaħ permezz ta’ inizjattivi li minnhom gawdew numru kbir ta’ anzjani għawxin, fosthom il-ftuħ ta’ l-ewwel Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani f’Għawdex, l-introduzzjoni tas-servizz tal-Platt Sħun u l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ l-Universita’ tat-Tielet Eta’. Infetaħ l-ewwel centru għall-Għaqdiet mhux Governattivi filwaqt li ngħataw iktar minn Lm52,000 f’incentivi lill-istess għaqdiet.
Twaqqfet l-ewwel Assocjazzjoni tal-Baned għal Għawdex. Tkompla l-programm ta’ restawr u manutenzjoni fuq siti storici fosthom fic-Cittadella u t-Torri ta’ Mġarr ix-Xini. Saru wkoll diversi festivals fosthom il-Festival ta’ Kulturi ta’ Gżejjer Ewropej.
Tnieda wkoll il-proġett ta' Mixjiet fil-Kampanja għal Għawdex. Twaqqfet l-ewwel Assocjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu bil-għan li l-operaturi f’dan is-settur jingħaqdu u biex tiżdied il-promozzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta.
Fil-qasam ta’ l-isport saru xogħlijiet ta’ bini ta’ żewġ club houses fix-Xewkija u f’Kerċem u ta’ modernizzar u manutenzjoni fuq għadd ta’ faċilitajiet madwar Għawdex, fosthom fil-Kumpless Sportiv.
Wieħed mill-oqsma li l-aktar kien indirizzat kien dak tas-saħħa fejn żdiedu 13-il servizz ġdid tas-saħħa li qed jingħataw mill-Isptar Generali ta’ Għawdex. Qabel dawn kienu jingħataw f’Malta u l-pazjenti Għawdxin kien ikollhom jinżlu Malta. B’hekk tnaqqas b’mod konsiderevoli l-iskariġġ għal numru kbir ta’ Għawdxin li issa jistgħu jinqdew minn Għawdex stess. Tlesta l-proġett ta’ tkabbir u modernizzar fir-Residenza Sant’Anna. Sar refurbishment fis-swali ġenerali tan-nisa u irġiel u ta’ l-irġiel anzjani, fid-dipartiment ta’ l-emerġenza fejn inbniet daħla ġdida tad-dipartiment ta' l-emerġenza fl-Isptar, waiting room u porters lodge u tkompla x-xogħol ta' modernizzar. Ġiet installata l-arja kundizzjonata fl-isptar kollu. Inxtara appart ġdid, ġie modernizzat wieħed mit-teatri ta’ l-operazzjonijiet u ġiet introdotta ambulanza ġdida.
Ir-realta’ ġeografika ta’ Għawdex tfisser li l-Għawdxin jixirqilhom attenzjoni partikolari. Biex din l-attenzjoni tingħata, il-Gvern waqqaf mill-ġdid il-Ministeru għal Għawdex biex jamministra, jikoordina, joħloq u jwettaq l-inizjattivi meħtieġa. Bis-saħħa ta’ dan, seħħ titjib reali u tanġibbli li sar b’għaqal u ħsieb. L-impenn biex Għawdex ukoll jibbenefika minn kwalita’ ta’ ħajja aħjar kien mifrux fuq numru kbir ta’oqsma. Din hija azzjoni konkreta u fattibli li Gvern Nazzjonalista jagħti lil Għawdex.
Fid-dawl ta’ dan jistona ħafna dak li jintqal mill-Partit Laburista, li għadu vag f’kif jitkellem dwar liema struttura u rappreżentanza ser jagħti lill-Għawdxin. Alfred Sant m’huwiex cert dwar il-pożizzjoni tal-Partit Laburista għal Għawdex. Illum, lejlet elezzjoni ġenerali għadu m’hux f’pożizzjoni li jikkonferma jekk fl-eventwalita’ li l-Partit Laburista jkun fil-Gvern wara t-12 ta’ April 2003, hux ser iżomm il-Ministeru għal Għawdex jew inkella xi forma ta’ amministrazzjoni oħra. Il-poplu Għawdxi llum jaf bil-fatti kemm Ministeru għal Għawdex jindirizza l-ħtiġijiet ta’ Għawdex u l-Għawdxin. Issa qiegħed jiġi ppreżentat b’certezza u fatti konkreti min-naħa tal-Gvern u incertezza sħiħa min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni.
Il-Ministru Debono qalet li Partit Laburista ma joffri ebda futur għal Għawdex. Donnu li t-tmexxija tal-Partit Laburista tgħix fi żmien ieħor jew saħansitra f’pajjiż ieħor, tant li fil-Programm Elettorali li ħareġ il-Partit Laburista ma hemm ebda idea ġdida imma biss referenza għal inizjattivi diġa’ eżistenti bħal li kieku dawn ma jeżistux u ser ikun il-Partit Laburista fil-Gvern li jintroducihom f’Għawdex. Il-Partit Laburista jgħid li fl-eventwalita’ li jkun fil-Gvern ser jibda jitratta lil Għawdex u lill-Għawdxin bħala prijorita’, bil-għajta ta’ “l-ewwel int”. Il-Ministru Debono saħqet fuq kemm huma diġa’ prijorita’ Għawdex u l-Għawdxin għall-Gvern fejn il-proġetti u inizjattivi li twettqu matul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs urew bic-car kemm tabilħaqq il-Gvern jagħti każ tal-gżira ta’ Għawdex.
Il-Ministru Debono rreferiet għall-appoġġ kbir ta’ 60% li l-Għawdxin taw lill-Gvern preżenti biex Malta tkun membru ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Hija qalet illi dan il-poplu Għawdxi għamlu mhux biss għaliex fehem li l-Gvern irnexxielu jakkwista pakkett vantaġġjuż għal Malta u Għawdex imma għaliex il-Gvern ippreżenta u qed jippreżenta fatti u figuri u mhux l-incertezza u l-ħolm tal-Partit Laburista.
Il-Ministru Debono temmet l-intervent tagħha billi qalet illi Għawdex jista’ jimxi ’l quddiem, kif dejjem għamel s’issa, b’amministrazzjoni Nazzjonalista li verament, bil-fatti mhux bil-kliem, tifhem il-ħtiġijiet ta’ Għawdex u l-Għawdxin. Ta’ min jinnota li qatt daqs din l-amministrazzjoni ma kien hemm flus ivvotati għall-proġetti kapitali f’Għawdex, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-aħħar Budget ippreżentat. Gvern serju li dejjem iggarantixxa biss il-Partit Nazzjonalista, dejjem emmen fil-ħtieġa tal-Ministeru għal Għawdex u għalhekk huwa biss dan il-Gvern li jwiegħed li jibqa’ jagħti s-sostenn kollu meħtieġ lil Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934