SERVIZZI TA' APPOĠĠ U PROTEZZJONI FL-ISKEJJEL
"Tul dawn l-aħħar erba' snin il-Gvern ħadem biex jipprovdi policies u strutturi biex it-tfal imorru l-iskola f'ambjent san u protett li jkompli jħeġġeġ it-tagħlim". Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea qal dan waqt konferenza stampa li iffukat fuq il-ħidma taċ-Child Safety Services, organizzazjoni li nħolqot biex twettaq il-politika ta' protezzjoni tat-tfal mill-abbuż fl-iskejjel.
Il-Gvern ħoloq policies dwar l-abbuż tat-tfal, l-ibbuljar, l-abbuż minn sustanzi perikolużi u kodiċi ta' dixxiplina. Dawn il-policies huma maħsuba biex l-iskejjel tagħna jkunu ambjenti fejn kull ġenitur ikun moħħu mistrieħ li t-tfal tiegħu mhux ser jkunu f'periklu. Il-Ministru Louis Galea qal li l-Gvern waqqaf l-istrutturi meħtieġa biex l-iskejjel u l-istudenti jsibu l-appoġġ u l-protezzjoni meħtieġa. Il-Ministru qal li iċ-Child Safety Services hi l-ewwel struttura li nħolqot u li s'issa wettqet ħafna xogħol ta' fejda mat-tfal u mal-familji tagħhom kontra diversi tipi ta' abbuż.
Wara li kien ippublikat dokument bil-politika u l-proċeduri li għandhom jittieħdu f'każi ta' abbużtat-tfal f'Novembru 1999, iċ-Child Safety Services kienet stabbilita f'Jannar ta' l-2000 bl-iskop li tipprovdi servizz speċjalizzat li jaqdi l-bżonnijiet tat-tfal abbużati.
Iċ-Child Safety Services toffri servizz ta':
- Konsultazzjoni u appoġġ lill-iskejjel kollha meta jsiru jafu b'kaz ta' abbuz
- Programmi ta' Prevenzjoni għall-studenti fil-livell sekondarju, u għall-ġenituri.
- Tahrig lill-impjegati kollha tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, speċjalment lill-istaff kollu ta' kull skola.
- Counselling lill-vittmi ta' l-abbuż.
- Riċerka kontinwa
Louis Galea qal li l-istatistika miġbura miċ-Child Safety Services juru li minn meta twaqqfet, ħadmet fuq 800 rikjesta. Minn dawn aktar minn 720 kienu każi ta' abbuż li ġew mill-iskejjel kollha kemm dawk tal Gvern kif ukoll tal-Knisja u Indipendenti. Il-Ministru qal li għalkemm il-gravita` u t-tip tal-każi ivarjaw kull każ jingħata l-importanza meħtieġa.
Il-Ministru ħabbar li biex iċ-Child Safety Services tkompli żżid l-għarfien dwar id-diversi tip ta' abbuż, ġie ppublikat leaflet li ser jitqassam lil studenti fil-livell sekondarju u lill-ġenituri. Ser jsiru laqgħat ta' informazzjoni fl-iskejjel li joffru tagħrif bażiku ta' x'inhu l-abbuż, x'għandna nagħmlu meta t-tfal jitkellmu magħna, u fejn nistgħu nfittxu l-għajnuna.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-policies l-oħra. Il-Politika dwar l-Ibbuljar qed tara li kemm dak li jissejjaħ il-bully kif ukoll dak li jkun il-vittma tiegħu jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex joħorġu minn dan iċ-ċirku vizzjuż li ħafna drabi jaffetwaw il-ħajja ta' dawn it-tfal. Fil-qasam ta' l-Abbuż minn Sustanzi Perikolużi qed naħdmu flimkien ma' l-aġenzija Sedqa biex filwaqt li t-tfal jiġu edukati dwar dawn is-sustanzi inkluż id-drogi u l-alkoħol issir ħidma biex kull tip ta' abbuż jiġi eliminat minn kull-skola. Il-Kodiċi ta' Dixxiplina kienet ukoll parti mis-Safe Schools Programme. Il-Kodiċi ta' Dixxiplina tiffoka l-ewwel u qabel kollox fuq l-Imġieba t-Tajba. Il-kodiċi tagħti linji ta' gwida lill-iskejjel biex kull skola toħloq il-kodiċi ta' dixxiplina tagħha stess. Din il-kodiċi titkellem ukoll dwar l-imġieba ta' l-għalliema u tal-ġenituri.
Il-Ministru qal li dawn il-policies saru bi djalogu mal-persuni li huma qrib ħafna tat-tfal u ta' l-iskejjel u esperti f'kull qasam. Hu qal li dawn il-policies jagħtu linji ta' gwidi lill-iskejjel li qabel kienu jieħdu azzjoni ad hoc li mhux dejjem kienet tkun l-aħjar azzjoni.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar dak li qed jingħad dwar il-basktijiet tqal. Il-Ministru qal li sar rapport dettaljat li jagħti linji ta' gwida dwar x'għandu jsir u x'ma għandux isir biex it-tfal iġorru piż aċċettabbli u ma jagħmlux ħsara lilhom infushom kif ukoll lil dawk ta' madwarhom. Il-Ministru qal li kull skola ingħatat ir-rakkomandazzjonijiet biex kull skola toħloq l-iSchool Bag Policy tagħha.
Fil-fatt diversi skejjel illum ħadu diversi inizjattivi biex inaqqsu t-toqol tal-basktijiet għall-livelli aċċettabbli. Hemm skejjel fejn ħassew li l-aħjar mod kien li jipprovdu l-lockers filwaqt li skejjel oħrajn ħadu passi differenti, speċjalment meta l-ispazju ma kienx jippermetti, bħal xiri ta' settijiet ta' kotba doppji fejn wieħed jinżamm fil-klassi u set jinżamm id-dar.
Il-Ministru Galea qal li għalkemm għad fadal x'isir iħoss li f'din il-leġislatura inbnew pedamenti tajbin biex fuqhom inkoplu nkattru r-riżorsi, l-appoġġ u l-programmi edukattivi. Hu temm jgħid li Gvern ġdid irid jimpenja ruhu biex jibqa jinvesti f'dan is-settur għaliex il-protezzjoni tat-tfal u l-ħarsien tagħhom għandha tkun priorita' ewlenija f'kull programm edukattiv.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934