TITWAQQAF KOALIZZJONI NAZZJONALI DWAR IS-SAĦĦA TA’ L-ADOLOXXENTI
Bit-twaqqif tal-Koalizzjoni dwar is-saħħa taż-Żgħażagħ, il-gvern qiegħed jonora wegħda oħra elettorali fil-qasam tas-Saħħa fejn kien wiegħed li titwaqqaf taqsima li tieħu ħsieb problemi li jolqtu liż-żgħażagħ, ikkawżati minn mard trasmess sesswalment, stress psikoloġiku, droga, xorb u ikel.
Dan qalu l-Onor. Dr Louis Deguara meta kien qiegħed iħabbar it-twaqqif tal-Koalizzjoni Nazzjonali għas-saħħa taż-Żgħażagħ, inizjattiva tal-Ministeru tas-Saħħa. Inizjattiva bħal din għandha tkun ta’ ghajnuna kbira għaż-żgħażagħ u tagħti sehem kbir fl-isforzi tal-gvern fil-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa biex aktar żgħażagħ iħaddnu stil ta’ ħajja li żżommhom ‘l bogħod mill-mard.
Il-gvern preżenti sa mill-ewwel xhur tiegħu, wera l-impenn favur il-promozzjoni u l-prevenzjoni billi ħatar għall-ewwel darba Direttur għad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u żied sostanzjalment il-fondi għad-dispożizzjoni ta’ dan id-dipartiment. Dan id-dipartiment għandu rwol importanti fis-settur tal-prevenzjoni tal-mard għaliex nuqqas ta’ mard ifisser nuqqas fin-nefqa għall-kura u użu aħjar ta’ riżorsi finanzjarji.
Illum f’dinja ta’ mingħajr fruntieri u b’ħajja mgħaġġla, iż-żgħażagħ Maltin huma suġġetti għal pressjonijiet li faċilment jistgħu jissarfu fi problemi għalihom u li finalment irid ikun l-istat li joffri dawk ir-rimedji neċessarji. Il-gvern dan jirrikonoxxiħ u għalhehkk qiegħed jieħu dan il-pass biex iħares u jassigura li fil-futur ikollna ċittadini fiżikament u mentalment b’saħħithom.
Fis-sena 2002, id-Diviżjoni tas-Saħħa permezz tad-Dipartiment għall-Promozjoni tas-Saħħa għamlet studju fost tfal ta’ l-iskola ta’ etajiet bejn il-ħdax –il sena u l-erbgħatax. Minn dan irriżulta li anke żgħażagħ Maltin, l-istess bħal żgħażagħ oħra jesperjenzaw problemi fl-adoloxxenza tagħhom. Problemi li jistgħu joriġinaw minn stress, tipjip, droga, dieta u alkoħol. Mill-istudju jirriżulta li f’ċerti oqsma minn dawn, iż-żgħażagħ Maltin qegħdin jaffaċjaw aktar problemi minn żgħażagħ ta’ pajjiżi oħra.
Konformi mal-politika tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa ta’ l-adolexxenti, il-Ministeru tas-Saħħa qiegħed iwaqqaf din il-Koalizzjoni Nazzjonali magħmula minn diversi għaqdiet li jaħdmu fost iż-żgħażagh u għalhekk għandhom ħafna x’joffru f’dan il-qasam. F’din il-koalizzjoni nsibu id-Diviżjoni tas-Saħħa, id-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni, il-Fondazzjoni OASI, id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, l-Aġenzija Sedqa u l-Caritas. L-għan ta’ din il-koalizzjoni huwa li jikkordina u jtejjeb il-varjetà wiesgħa ta’ servizzi li jolqtu ż-żgħażagħ offruti minn diversi entitajiet.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, f’rapport dwar is-saħħa u l-iżvilupp taż-żgħażagħ tirrakomanda lill-pajjiżi membri tagħha sabiex jidentifikaw il-bżonnijiet ta’ l-adolexxenti tal-pajjiż u li jikkomettu ruħhom għal attivitajiet u programmi xierqa, li jinkludu ż-żgħażagħ stess. Il-Gvern jemmen li permezz ta’ pjan ta’ azzjoni komuni bejn l-għaqdiet u aġenziji konċernati, jistgħu jiġu mfassla interventi speċifiċi u aktar effettivi skond il-bżonnijiet ta’ l-adolexxenti. Kull żagħżugħ għandu d-dritt għal ambjent li jipproteġilu saħħtu u jwasslu għal żvilupp aktar pożittiv.
Il-Ministru filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha rappreżentati f’din il-koalizzjoni, qal li l-Gvern japprezza din il-kollaborazzjoni u hu rikonoxxenti lejn dawn l-għaqdiet li jagħmlu tant ħidma u ġid fost iż-żgħażagħ Maltin.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934