Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, FL-OKKAŻJONI TAT-TQEGĦID TA’ L-EWWEL ĠEBLA TA’ SKOLA U KUMPLESS SPORTIV ĠODDA FIL-KARWIJA – KIRKOP - 20 TA’ MARZU 2003

pr367
Date Icon 20/03/2003

Dan il-Gvern dejjem sostna li l-edukazzjoni hija l-istrument ewlieni ta' l-iżvilupp u li l-iskola hi meħtieġa daqs qatt qabel u trid tkun mill-aħjar. Aħna rridu li l-edukazzjoni timmira għall-iżvilupp tal-bniedem anke fil-qasam tal-valuri ċiviċi, umani u spiritwali. Matul dawn l-aħħar erba' snin u nofs wettaqna ħidma intensiva li tkopri d-diversi friegħi tal-qasam vast ta' l-edukazzjoni biex nersqu dejjem aktar lejn dawn il-miri.

Il-Gvern ħadem biex, bis-sehem sħiħ tal-partijiet soċjali kollha interessati fil-qasam edukattiv, sawwar Kurrikulu Nazzjonali ġdid. Fost ħwejjeġ oħra, il-Kurrikulu jemfasizza li l-ambjent tat-tagħlim fl-iskejjel hu element essenzjali u integrali tal-proċess edukattiv. Hemm rabta intima bejn, min-naħa ’l waħda, il-kondizzjonijiet fiżiċi, l-ispazji allokati, il-faċilitajiet offruti u r-riżorsi li l-ambjent ta' l-iskola jipprovdi, u, min-naħa l-oħra, t-tiswir ta' l-attitudnijiet, l-imġieba u l-iżvilupp ta' l-istudenti. Għalhekk qed naħdmu biex l-ambjent ta' l-iskejjel jinbidel u jiġġedded bis-sħiħ biex jaqdi l-ħtiġijiet ġodda.

Il-Gvern qed jinvesti mhux anqas minn Lm6 miljun direttament għall-implimentazzjoni tal-Kurrikulu l-ġdid. Waqqafna l-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu biex niffaċilitaw l-implimentazzjoni u insegwu r-riżultati tal-Kurrikulu f'kull aspett tiegħu. Ħsibna wkoll fit-taħriġ meħtieġ ta’ l-għalliema u l-amministraturi ta' l-iskejjel biex jaġġornaw ruħhom fit-tagħlim u fit-tmexxija ta' l-iskejjel billi f’dawn l-erba’ snin żidna dan il-Vot minn ftit eluf għal mijiet ta’ eluf ta’ liri fis-sena.

Daħħalna wkoll ħafna programmi u miżuri biex nassiguraw li kulħadd jasal u jikseb l-edukazzjoni meħtieġa għad-dinja tax-xogħol tal-lum u biex inbaxxu sa l-anqas livell possibbli l-illitteriżmu fost it-tfal u żgħażagħ. Bnejna mix-xejn infrastruttura għall-użu tal-kompjuter b'investiment ta' aktar minn Lm9 miljun lira biex daħħalna l-kompjuters f'kull klassi fil-primarja u fil-laboratorji ta' l-iskejjel sekondarji. L-istudenti kollha ser jibdew itemmu l-iskola bil-ħila li jafu jħaddmu l-kompjuter u issa qegħdin noffru l-European Computer Driving Licence lill-istudenti tagħna kollha fil-livell sekondarju.

Barra minn hekk qed inxerrdu u nwessgħu t-tagħlim tat-teknoloġija, kemm fil-livell sekondarju kif ukoll fil-livell primarju. Flok ma ħallejna l-istudenti jitgħallmu xi sengħa iżolati u segregati fi Skejjel tas-Snajja, bdejna noffru t-tagħlim tat-teknoloġija lill-istudenti kollha fl-iskejjel sekondarji u dalwaqt anke fil-junior lyceums.

Ħsibna wkoll biex nimplimentaw policies li jagħmlu l-iskejjel tagħna aktar sani fl-oqsma ta' mġieba tajba u dixxiplina, abbuż minn sustanzi, bullying, assentejiżmu, kif ukoll abbuż minn tfal. Bdejna nestendu l-ġurnata tat-tagħlim permezz ta' attivitajiet edukattivi, kreattivi u soċjali wara l-ħin ta' l-iskola għal tfal li jħossu il-bżonn ta’ aktar għajnuna fit-tagħlim. Żidna l-appoġġ psikoloġiku u ta' social workers filwaqt li qed inwettqu policy ta' inklużjoni mhux biss għal studenti bi bżonnijiet speċjali iżda wkoll għal studenti bi problemi personali, familjari u soċjali. Dawn huma xi eżempji tal-ħidma kbira li wettaqna fil-qasam ta’ l-edukazzjoni f’dawn l-erba’ snin u nofs.

Iżda l-Gvern ħaseb ukoll fit-titjib ta’ l-ambjent fiżiku ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat. Kien għalhekk li f'Mejju ta’ l-2001, waqqafna il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada – l-FTS - biex tkun strument ewlieni ta’ żvilupp u tħaddem sistemi innovattivi għall-bini, immodernizzar, tisbiħ u manutenzjoni ta' l-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi, inklużi sistemi ta' finanzjament sostenibbli għal dan l-iskop.

Fil-fatt, il-Gvern iddeċieda li fi żmien tmien snin, u b'investiment ta' Lm60 miljun, jimmodernizza l-iskejjel ta' l-istat f'Malta u f'Għawdex u jibni l-iskejjel meħtieġa għall-bżonnijiet t'għada. Dan ix-xogħol ġie fdat lill-FTS li mistennija twettaq programm aċċellerat ta' xogħlijiet biex fi żmien qasir u b'użu effettiv tal-fondi pubbliċi, pajjiżna jkollu skejjel ta' l-ogħla livell li jkunu jissodisfaw l-ideali mistennija mill-Kurrikulu Nazzjonali. Mit-twelid tagħha sa llum, l-FTS kellha ftit inqas minn sentejn ta' ħidma intensiva ħafna.

Sa tmiem is-sena 2002, il-Gvern permezz ta’ l-FTS diġa' sebbaħ 42 skola, klassijiet, swali u spazji oħra, kif ukoll ipprovda riżorsi fiżiċi moderni għat-tagħlim. B'kollox s'issa bdejna 79 proġett biex l-iskejjel isiru aċċessibbli ħalli jilqgħu fi ħdanhom studenti bi bżonnijiet speċjali u b’hekk inwettqu edukazzjoni inklussiva. Fl-istess ħin, qed inwettqu proġetti kbar, bħalma huma t-tkomplija tal-Junior Lyceum f’Sta Lucija, r-ristrutturar u t-trasformazzjoni tal-Junior Lyceum f'Pembroke, l-iskola primarja tal-Gżira, l-estensjoni ta' l-iskola primarja ta' Marsaskala, u qed naħdmu ħalli jibda x-xogħol fuq żewġ skejjel ġodda oħra fil-Mosta u f’Pembroke. Fil-fatt fl-2002, il-Gvern investa Lm4 miljun f’bini u manutenzjoni ta' l-iskejjel, filwaqt li din is-sena hu ppjanat li ninvestu mal-Lm5 miljun oħra.

Minbarra ħidma ta’ fejda fl-edukazzjoni, dan il-Gvern diġà wera kemm ħa bis-serjetà l-provvediment ta' faċilitajiet sportivi f'Malta u Għawdex bħala parti minn pjan li jaħseb għall-iżvilupp sħiħ taċ-ċittadin. Il-Kumpless Sportiv li għadna kif inawgurajna fil-Kottonera huwa xhieda oħra ta’ l-impenn tagħna u tal-kwalità ta’ xogħol li rridu inwettqu biex nagħtu spinta qawwija lill-isport mhux biss għaż-żgħażagħ imma għal kull min għandu ħajra sportiva. Ridna nilħqu livelli internazzjonali fil-faċilitajiet sportivi biex inkunu nistgħu nikkompetu b'aktar faċilità. L-organizzazzjoni tal-Logħob ta' l-Istati Żgħar ta' l-Ewropa fi ftit żmien ieħor għandha tagħti spinta qawwija f'dan il-qasam.

Indikazzjoni ta’ l-impenn tagħna joħroġ mill-fatt li filwaqt li s-sena l-oħra wettaqna investiment ta’ Lm875,000 għall-isport, din is-sena ivvotajna Lm550,000 għall-proġetti kapitali għall-isport. Dan jikkontrasta ħafna mal-Lm136,000 li ivvota l-Gvern Laburista fl-1998.

Huwa għalhekk b’sodisfazzjon li fil-preżenza tagħkom ser inqiegħed l-ewwel ġebla ta’ din l-iskola ġdida bl-awgurju li l-ulied u l-ġenituri ta’ dawn l-inħawi ta’ Malta jsibu fiha għodda mill-aqwa ta’ tagħlim, edukazzjoni u żvilupp. Aħna ser inkomplu nagħtu l-ogħla importanza lill-edukazzjoni għaliex għandna fiduċja sħiħa li l-Maltin u l-Għawdxin kapaċi jieħdu sehem bi frott kbir fl-opportunitajiet li ser iġġib magħha s-sħubija li għadna kif iddeċidejna ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow