Left arrow Mur Lura

Programm ta’ afforestazzjoni

PR36
Date Icon 11/01/2003

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li kull sena l-Gvern jivvota flus għall-afforestazzjoni fuq art pubblika. Hu qal li dan qed isir biex fil-pajjiż, inħawi miksija bil-blat, jitħaddru billi jinksew bis-siġar. Dr. Zammit Dimech kien qed jitkellem waqt l-inawgurazzjoni ta’ wirja f’Pembroke dwar progetti ta’ afforestazzjoni.

Il-Minsitru qal li fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura hemm is-Sezzjoni għall-Parks u l-Konservazzjoni tal-Pajsaġġ li tieħu ħsieb proġetti ta’ afforestazzjoni. Hu qal li bħalissa din is-sezzjoni qed taħdem fuq diversi proġetti ta’ afforestazzjoni madwar Malta għas-snin li ġejjin. Dr. Zammit Dimech qal li dawn il-proġetti qed jinqasmu bejn boskijiet urbani u boskijiet rurali. L-iskop tal-bosk urban hu li nħaddru l-ibliet u l-irħula Maltin fl-istess waqt li jkunu identifikati zoni ta’ rikreazzjoni. Minn naħa l-oħra il-boskijiet rurali joħolqu ambjent addattat għal ħlejjaq u xtieli salvaġġi filwaqt li jsebbħu l-kampanja ta’ pajjiżna. Barra minhekk dawn il-boskijiet se jservu bħala postijiet ta’ rikreazzjoni u edukazzjoni għall-poplu Malti kif ukoll biex nikkonservaw il-karattru tal-pajsaġġ Malti.

Is-Sezzjoni għall-Parks u l-Konservazzjoni tal-Pajsaġġ qiegħda preżentament taħdem fuq żewġ imsaġar wieħed f’Pembroke u l-ieħor fil-Mellieħa filwaqt li fil-futur qarib hu maħsub li jinbdew proġetti oħra. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-ħidma tagħha din is-sezzjoni qed taħdem ma’ organizazzjonijiet mhux governattivi bħal Birdlife u Din l-Art Ħelwa, il-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra. Hu qal li x-xogħol qed isir ukoll b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Internazzjonali għal Studji Avvanzati Agronomiċi Mediterranji (CIHEAM), istituzzjoni li tagħmel xogħol konness ma’ agronomija fil-Mediterran.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-proġett ta’ Pembroke hu maqsum f’diversi fażijiet. Hu qal li

  • l-ewwel fażi nbdiet f’Marzu tas-sena l-oħra meta kienet illivellata l-art sabiex tkun aktar aċċessibbli għall-persuni li jiffrekwentaw il-post. Hu qal li l-Gvern żied il-ħamrija u tħawwlu madwar 1,400 pjanta li jikkonsistu f’24 speċi ta’ siġar u arbuxelli fil-maġġoranza tagħhom siġar indiġeni jew Mediterranji.
  • Fit-tieni fażi nbnew ħitan tas-sejjieħ biex seta’ jiġi livellat s-sit permezz ta’ torba u ħamrija. F’din l-arera se jitħawwlu 3,200 pjanta.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dawn iż-żewġ fażijiet ikopru firxa ta’ 18,000 metru kwadru u nvolvew diversi sezzjonijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura fosthom id-Distrett ta’ Pembroke u l-Garaxx tal-Gvern fil-Marsa. Il-Kunsill Lokali qed jieħu ħsieb it-tisqija tas-siġar filwaqt li naddaf ukoll ġwiebi li jinstabu fl-inħawi biex jintużaw għall-istess tisqija.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-proġett tal-Mellieħa hu tat-tip rurali u jinstab taħt it-Torri l-Aħmar, fl-inħawi tal-Għadira. Hu qal li l-proġett, magħruf bħala Foresta 2000, qed isir bi sħab mal-Birdlife, Din l-Art Ħelwa u l-Kunsill Lokali Mellieħa. Hu qal li l-proġett ikopri area ta’ madwar tliet kilometri kwadri. Hu qal li mhux il-ħsieb li s-sit ikun kollu bis-siġar iżda li l-proġett ikopri taħlita ta’ abitat ekoloġiku. Bħalissa qed titwettaq ħidma biex tkun kontrollata l-erożjoni tal-ħamrija. Għal dan l-iskop ingħalqu xi aċċessi filwaqt li l-Birdlife għalqet entratura b’kanċell. Fil-post se jitħawwlu siġar indiġeni fosthom il-bruk u ż-żnuber. Da parti tagħha, is-socjeta’ Din l-Art Ħelwa ħadet ħsieb tirranġa kamra abbandunata li se tintuża bħala interpretation centre minn fejn tinkiseb informazzjoni dwar il-proġett u l-inħawi ta’ madwar.

Francis Zammit Dimech qal li kien maħsub li f’dawn l-imsaġar ikun hemm zoni għal picnics u passaġġi miftuħa sabiex in-nies ikunu jistgħu jimxu matulhom mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ambjent naturali u lill-agrikoltura.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura filwaqt li rringrazzja lill-għaqdiet volontarji għas-sehem tagħhom biex qed jitwettqu dawn il-proġetti appella lil kulħadd biex iħares dawn l-imsaġar biex jitgawdew mill-poplu kollu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow