L-M.C.A.S.T. IRID JIŻVILUPPA F'KULLEĠĠ TA' EĊĊELLENZA VOKAZZJONALI
Il-Prim Ministru, l-Onor. Dr. Eddie Fenech Adami żar il-Main Campus tal-Kulleġġ ta' l-Arti Xjenza u Teknoloġija (l-MCAST) li jinsab f'Kordin, fejn iltaqa’ ma' l-amministrazzjoni, l-istaff u l-istudenti ta' uħud mill-Istituti li jaqgħu taħt l-MCAST.
Il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea żaru l-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika (Electronics Engineering Institute), l-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ (Institute of Business and Commerce), kif ukoll l-Istitut il-ġdid tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u Kommunikazzjoni (Information and Communications Technology Institute).
Waqt iż-żjara, l-Prim Ministru seta jara x-xogħol ta' mmodernizzar li sar fil-bini tal-Kulleġġ, kif ukoll it-titjib fil-facilitajiet u r-riżorsi li għandhom dawn l-Istituti. Il-Kulleġġ fetaħ il-bibien tiegħu f'Settembru ta' l-2001 b'sitt istituti u ftit aktar minn 1,000 student. Illum fl-MCAST hemm aktar minn 2200 jistudjaw fi 33 kors full-time u 1,000 student f'60 kors part-time.
Il-Kulleġġ joffri edukazzjoni vokazzjonali f'diversi oqsma u kien maħluq biex jilqa fiħ kemm studenti li għadhom kemm ħarġu mil-livell sekondarju kif ukoll persuni li diġa qed jaħdmu u jridu jkoplu jitħarrġu jew jitħarrġu mill-ġdid.
Kien ilu jinħass il-bżonn ta' Kulleġġ Vokazzjonali minn meta l-Polytechnic li kien infetaħ mill-Prim Ministru Dr. George Borg Olivier fl-1970, kien ingħalaq. Filwaqt li kien hemm diversi istituzzjonijiet li kienu jservu tajjeb lil dan il-qasam xorta waħda kien inħoloq vojt kbir fis-settur vokazzjonali.
L-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika ġie miżjud b'sular ieħor u attreżżat b'aktar riżorsi u kompjuters. Inxtraw mijiet ta' kompjuters li ġew installati fi 15-il laboratorju ġdid tal-kompjuters. Ġew imtejba l-faċilitajiet fl-Istituti kollha inkluż dawk li jinsabu f'campuses oħra bħal dak ta' Tarġa Gap u tal-Kalkara u sar immodernizzar tal-kumpless sportiv ta' Kordin li jinsab biswit l-MCAST. Għal din is-sena akkademika nfetaħ ċentru ta' l-MCAST f'Għawdex biex b'hekk aktar studenti Għawdxin ikunu jistgħu jsegwu korsijiet f'Għawdex stess.
Din is-sena se jsir investiment massiv fil-Kulleġġ li jlaħħaq miljun u nofs liri. L-Investiment se jsir f'Learning Resource Centre, Canteen u faċilitajiet rikreattivi għall-istudenti, immodernizzar tal-bini u tal-workshops u faċilitajiet ġodda f'Targa Gap.
F'Settembru li ġej l-MCAST se jiftaħ tlett istituti ġodda
- L-Istitut ta' l-Inġinerija Mekkanika
- L-Istitut ta' l-Agrikummerċ
- L-Istitut tas-Servizzi Komunitarji (Health care pre-vocational courses, Hairdressing and beauty therapy etc.)
L-MCAST qed joffri diversi korsijiet ġodda f'livelli differenti u hemm korsijiet li għalihom m’hemmx bżonn kwalifiki akkademiċi. Sal-lum, il-Kulleġġ jgħallem sat-tielet livell (ekwivalenti għal 'A' level). F'Settembru li ġej, il-parti l-kbira ta' l-istituti se jkunu qed joffru r-raba' livell (Diploma/Higher Diploma). F'Settembru wkoll se jiżdiedu l-korsijiet għal dawk li jtemmu l-livell sekondarju bi ftit kwalifiki akkademiċi. Dawn il-korsijiet jgħinu lill-istudenti biex ikunu jistgħu itejbu l-ħiliet bażiċi u b'hekk isegwu korsijiet oħra fil-kulleġġ jew itejbu l-opportunitajiet ta' xogħol.
L-MCAST hu ukoll ċentru ta' tagħlim tul il-ħajja li joffri korsijiet full-time u part-time, kif ukoll korsijiet filgħaxija. Il-flessibilita tal-kulleġġ hi meħtieġa biex dawk li diġa qed jaħdmu u jridu jagħmlu re-training jew jitħarrġu f'xi qasam ġdid jistgħu jagħmlu dan b'aktar faċilita'. L-MCAST hu miftuħ mit-08:00 a.m. sat-8:00 p.m., kważi s-sena kollha.
Il-Kulleġġ qed jieħu sehem fil-programmi edukattivi ta' l-UE b'mod partikolari l-programm Leonardo da Vinci. L-MCAST għandu u qed jiżviluppa diversi ftehim ma' Istituti barranin bħall-Kulleġġ Sussex Downs ta' l-Ingilterra, l-Kulleġġ Estates Management-UK, SLV Munich-Ġermanja u Flag Ship-UK.
L-MCAST issieħeb ukoll ma’ diversi Kumpaniji u Industriji Maltin biex joffri taħriġ kif ukoll biex jiżviluppa programmi edukattivi ta' rilevanza għall-Industrja. Fosthom insemmu kumpaniji li għandhom kuntatt kontinwu ma’ l-istitut tan-Negozju u l-Kummerċ bħal Farsons, Maltacom, Banek, MITC (Insurance), Institute for Financial Services (IFS), A.F.M., Malta Maritime Authority u diversi oħrajn. Il-parti l-kbira tal-Bord tal-Gvernaturi ġejjin mill-industrija u għalhekk jikkontribwixxu biex it-tagħlim fl-MCAST ikun tagħlim li jwassal biex l-istudenti jkunu kapaċi jaħdmu fid-dinja tax-xogħol ta' llum u ta' għada u jkunu aġġornati kemm jista jkun.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-MCAST irid jiżviluppa f’Kulleġġ ta' eċċellenza vokazzjonali. Il-Kulleġġ għadu fil-bidu ta' l-Iżviulpp tiegħu u biex jilħaq il-milja tiegħu irid jibqa jsir investiment sostanzjali bħal ma sar din is-sena. Hu qal li l-Gvern f'din il-leġislatura, wettaq diversi inizjattivi ta' importanza kbira għall-edukazzjoni. L-MCAST hu wieħed minn dawn l-inizjattivi.
Il-Ministru qal li għalkemm l-Oppożizzjoni mill-ewwel bdiet tikkritika din l-istituzzjoni, illum qed tgħid li trid tiftaħ il-bibien għal aktar studenti. Il-Ministru qal li għalkemm jieħu gost jara li anke l-Oppożizzjoni bdiet tifhem l-importanza ta' l-MCAST, l-istorja anke dik reċenti, turi li kien il-Gvern Nazzjonalista li fetaħ il-bibien ta' l-edukazzjoni terzjarja u issa anke tal-qasam vokazzjonali. Hu tenna li għall-kuntrarju, l-Partit Laburista fil-Gvern għandhu storja ta' xeħħa u limitazzjonijiet f'dan is-settur. Anke fis-sentejn ta' bejn l-1996 u l-1998, il-Gvern precedenti Laburista beda jnaqqas l-opportunitajiet għal dawk li riedu jkomplu jistudjaw fl-Universita', fejn kien naqqas l-istipendju b'aktar minn nofs.
Il-Ministru qal li għal kuntrarju ta' dak li tgħid l-Oppożizzjoni, dan il-Gvern investa b'mod qawwi fl-edukazzjoni f'kull qasam u wettaq diversi inizzjativi li diġa bdew jagħtu l-frott. L-MCAST hu eżempju ċar tas-serjeta' li biha mexa l-Gvern. L-investiment li sar f'din il-leġislatura jlaħħaq Lm 8 miljuni u qed imur direttament fl-edukazzjoni ta' ulied il-poplu, li hu l-aħjar investiment għall-ġejjieni, għodda importanti biex inkattru x-xogħol u garanzija ta' ġid u prosperita' għalina.
Stqarrijiet Oħra:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934