Investiment qawwi biex jitħares il-wirt storiku ta’ pajjiżna
Meta kien qed jippartecipa f’serata kulturali marbuta max-xoghol ta’ restawr li twettaq fil-Knisja ta’ Lapsi f’San Giljan, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li kull sena l-Gvern, permezz tat-Taqsima tar-Restawr u tal-Proġetti tar-Riabilitazzjoni fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, jinvesti aktar minn miljun lira fi proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku f’Malta.
Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar erba’ snin, minbarra dan l-investiment regolari, l-Gvern kien għamel investimenti straordinarji fi proġetti ewlenin fosthom
- Il-Kavallier ta’ San Gakbu fikl-belt Valletta li b’investiment ta’ Lm4.5 miljun inbidel f’Ċentru għall-Kreattivita’;
- Il-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Caterina d’Italia fejn sar investiment ta’ kwart ta’ miljun lira;
- Il-Berga ta’ l-Italia li b’investiment ta’ qrib il-miljun lira ngħatat lura d-dehra oriġinali tagħha.
Francis Zammit Dimech qal li wieħed mill-proġetti ta’ restawr li twettaq f’dawn l-aħħar snin kien dak tal-Knisja ta’ Lapsi. Hu qal li din il-knisja kellha importanza storika mhux biss għaliex tmur lura għas-sena 1729 iżda minħabba l-istil arkitettoniku tagħha. Il-Ministru Zammit Dimech qal li din il-knisja ħadet post struttura li ġarrbet ħsara mit-terremot ta’ l-1693 wara li kienet diġa nbniet fil-post oriġinali ta’ knisja li kienet telgħet fl-istess post fl-1580.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li wara li fl-1853 San Ġiljan sar Viċi-Parroċċa, il-Knisja tkabbret għad-doppju li kienet, u meta Dun Ġużepp Xerri nħatar Kappillan fl-1891, il-knisja reġgħet tkabbret għal dak li hi llum.
Francis Zammit Dimech qal li tul is-snin il-Knisja ġarrbet diversi ħsarat. Għalhekk f’nofs is-snin disgħin it-Taqsima tax-Xogħlijiet intalbet twettaq l-ewwel xogħol ta’ restawr f’din il-knisja meta l-kampnar inħatt u nbena mill-ġdid minħabba l-istat li kien fih wara li ntlaqat minn sajjetta.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar snin sar xogħol ta’ restawr tal-pittura tas-saqaf tal-knisja wara li partijiet minn din il-pittura fi tnejn minn navi ċentrali kienu qed jinqalgħu u jaqgħu. Il-ħsara kienet mhux biss waħda estetika iżda anke ta’ periklu għal min imur fil-knisja. Minn studju li sar, nstab li l-kawża prinċipali tal-ħsara kienet il-membrane li tqiegħdet fuq is-saqaf xi għaxar snin qabel. Dan wassal biex tbiddel l-ekwilibrju tal-kundizzjonijiet tal-pittura. L-ilma li kien daħal bejn il-membrane u s-saqaf beda jnixxi fuq in-naħa ta’ ġewwa fejn hemm il-pittura b’detriment għall-istess pittura. Aktar testijiet saru fiċ-Ċentru Malti għar-restawr f’Bighi biex ikun aċċertat il-livell ta’ umdita’ u l-kontenut tal-melħ.
Oriġinarjament, ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-pittura tas-saqaf kienu maħsuba li jindirizzaw il-ħsara lokalizzata u biex ikun evitat il-perikllu. Darba ttella’ l-iscaffolding kien deċiż li x-xogħlijiet ta’ restawr jiġu estiżi biex ikopru il-parti ċentrali kollha tan-nava. Issa li x-xogħol tlesta, l-pittura tul in-nava kollha tal-knisja reġgħet ġiet restawrata għall-istat oriġinali tagħha. Il-Ministru Zammit Dimech qal li barra x-xogħol ta’ konsolidament, ir-restawr inkluda t-tindif ta’ saffi ta’ nugrufun li akkumula tul is-snin, ir-restawr ta’ l-induratura bid-deheb kif ukoll ir-riġenerazzjoni tal-pittura.
Francis Zammit Dimech qal li ried jifraħ u jirringrazzja lir-restawraturi speċjalizzati Taljani minn Sider-Itera spa għall-ħidma li wettqu biex ġie realizzat dan il-proġett. L-ispeċjalisti Taljani kienu mgħejjuna minn ħaddiema mill-Unit għar-Restawr. Hu qal li r-ringrazzjament tiegħu imur ukoll lejn il-Unit għar-Restawr li bil-ħidma tiegħu salva ġojjel ieħor ta’ arkittettura u storja f’pajjiżna. Francis Zammit Dimech ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jkompli x-xogħol ta’ restawr fuq l-artal u fuq il-parti ta’ wara tal-Knisja.
Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tar-restawr kienet waħda kbira tant li kienet qed tixpruna lis-settur privat li wkoll jagħti sehmu fit-tħaris tal-wirt storiku ta’ pajjiżna. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li pajjiżna kien jitqies minn ħafna nies li jżuruna bħala damma ta’ ġojjelli storiċi u artistiċi. Hu qal li t-teżori kbar li għandu pajjiżna ridna mhux biss inħarsuhom iżda nagħmlu minn kollox biex nagħtuhom lura l-ġieħ li jixirqilhom biex jitgawda minnha li ngħixu f’dawn il-gżejjer u mill-eluf ta’ barranin li jżuruna kull sena.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931