Proġetti għall-iżvilupp tal-faċilitajiet f’Ta’ Qali
Meta kien qed jinawgura l-proġett ‘Plant your family tree’ fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru tiegħu kien mhux biss responsabbli għall-parks nazzjonali u reġjonali, iżda anke għall-afforestazzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li filwaqt li kien qed isir minn kollox biex jitkabbar u jissebbaħ dejjem aktar il-park nazzjonali f’Ta’ Qali kien qiegħed isir ukoll xogħol barra s-swar tal-Kottonera fejn f’Ħaż-Żabbar, art abbandunata kienet qed tinbidel f’park reġjonali. Ħidma oħra kienet qed issir biex titkabbar u tissebbaħ Kennedy Grove fl-inħawi tal-Qawra.
Is-Sezzjoni għall-Parks u l-Konservazzjoni tal-Pajsaġġ fi ħdan il-Ministeru tiegħu kienet bħalissa qed taħdem fuq l-afforestazzjoni ta’ żewġ siti, waħda f’Pembroke u l-oħra fil-Mellieħa. Hu qal li dwar dan il-programm ta’ afforestazzjoni kien se jitkellem għada meta se jinawgura f’Pembroke wirja dwar proġetti ta’ afforestazzjoni li qed jitwettqu.
Francis Zammit Dimech qal li matul is-sena li għaddiet fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali
- Tlesta xogħol ta’ pavimentar u tħawwlu siġar tal-ballut f’dak li hu magħruf bħala iċ-‘Ċirku tal-Ballut’. Hu qal li biex sar dan l-iżvilupp inħattet ‘muntanja’ ta’ terrapien u ġebel, qed jinbnew terrazini bil-ħamrija u ħitan tas-sejjieħ li se jservu ta’ lqugħ mir-riħ. F’din iz-zona, ta’ madwar għaxart itmiem, qed jitħawwlu madwar 10,000 siġra Maltija li qed jitkabbru mill-istess Sezzjoni. Il-Gvern qed jipprovdi ukoll imwejjed għall-picnics.
- Fil-picnic area beda jsir xogħol preparatorju biex jitħawwlu 230 siġra oħra. Biex is-siġar ikunu protetti mill-vandaliżmu s-sit iddawwar b’chain link sakemm jaqbdu s-siġar tal-prinjol u l-ballut.
- Bdew isiru tħejjijiet biex darba jitbattat is-sit tal-mitjar l-antik jibda żvilupp li jinkludi l-immaniġġjar aħjar tat-traffiku kif ukoll parkeġġ. Parti kbira minn dan is-sit se jkun allokat għall-użu ta’ rikreazzjoni sportiva.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul din is-sena kien maħsub li
- Titlesta żona ta’ madwar 10,000 metru kwadru bit-tħawwil ta’ siġar Maltin.
- Jinbnew faċilitajiet għall-pubbliku u visitors’ centre.
- Issir estensjoni tal-ġnien formali u zona ġdida ta’ rikreazzjoni minflok parti mill-mitjar.
- Se jingħata bidu għall-iżvilupp ta’ numru ta’ cycle routes li joffru kilometri ta’ rotot għaċ-ċiklisti professjonali u dilettant.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-ministeru tiegħu laqa’ bil-ferħ l-proposta ‘Plant your family tree’ li qed tkun imnedija mill-Programm Roots. Hu qal li din il-proposta kienet timmira li toħloq rabta bejn l-emigranti Maltin u d-dixxendenti tagħhom f’Malta billi jisponsorjaw siġra. Hu qal li għal dan l-iskop intagħżel sit fil-park nazzjonali f’Ta’ Qali fejn se jibdew jitħawwlu dawn is-siġar.
Francis Zammit Dimech qal li kull inizjattiva biex f’pajjiżna jitħawwlu aktar siġar kienet ta’ min jirrikmandaha. Hu qal li kien jinnota b’sodisfazzjon li f’dawn il-proġetti qed tingħata importanza lil siġar indiġeni u/jew siġar Mediterranji. Francis Zammit Dimech qal li anke s-siġra indiġena tagħtina identita’ li tagħmel lilna u lill-emigranti kburin li aħna Maltin.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931