INDIRIZZ TA’ L-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ L-ISKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU – IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 10 TA’ JANNAR 2003
Onorevoli Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin,
Dekan tal-Korp Diplomatiku,
Eċċellenzi
Membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,
Li nilqa’ lil Korp Diplomatiku għall-iskambju ta’ l-awguri għas-Sena l-Ġdida mhix sempliċiment ċerimonja tal-protokoll. Hija kif fid-diplomazija, il-pajjizi jirrelataw bejniethom, kif iħarsu ’l quddiem biex jaħdmu flimkien u kif jesprimu r-rieda tagħhom li jipparteċipaw l-ideat u l-prospetti matul is-sena. Irrid nirreċiproka ix-xewqat tagħkom u naqsam magħkom xi ħsibijiet fuq interessi komuni.
Eċċellenzi, intom tafu li Malta kkonkludiet in-negozjati tagħha ma’ l-Unjoni Ewropea. Il-konklużjonijiet ta’ Copenhagen fetħu l-bieb għall-Ewropa ġdida mifruxa mill-Lvant għan-Nofsinhar; Ewropa li darba għal dejjem ser twaqqa’ l-ħajt li jaqsam il-bieraħ minn għada. Għal darb’ohra l-Ewropa miexja ’l quddiem.
Kienet triq twila għal Malta minn meta ssottomettiet id-domanda tagħha biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-Lulju ta’ l-1990. Il-Gvern tiegħi, fuq il-mandat mogħti lilu mill-elettorat, ser jgħaddi lill-poplu dak li ġie ottenut bħala riżultat tan-negozjati. B’hekk ser ikun il-poplu, l-arbitru finali, li jiddeċiedi fuq is-sħubija. Dan ser isir bis-saħħa ta’ strumenti u leġislazzjoni, li l-Kamra tar-Rappreżentanti għandha, sabiex jiġi żgurat li r-rieda tal-poplu tiġi espressa bil-libertà kollha. Il-vot għandu jkun liberu u ġust u eżerċitat fil-parametri tad-dialettika politika li l-partiti Maltin ilhom li wrew fil-maturità tagħhom. Nemmen li l-partiti politiċi, li l-leġittimità tagħhom tiddependi fuq is-sostenn tal-poplu, ser jirrispettaw ir-rieda sovrana tal-poplu. Id-deċiżjoni fuq is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ser ikollha effetti fit-tul, effetti li ċertament mhumiex limitati fuq il-ġenerazzjoni preżenti iżda ser iżidu r-rilevanza tagħhom maż-żmien.
Fil-politika hemm realtajiet li ma jistgħux jiġu injorati. Prinċipalment din hija il-pożizzjoni ġeostrateġika ta’ Malta bħala pajjiż Ewropew fiċ-ċentru tal-Mediterran. Aħna, li għexna s-sofferenzi tal-gwerra, il-kolonjaliżmu u d-dominanza tas-setgħat barranin fir-reġjun tagħna, fhimna li r-rwol attiv tagħna bħala stat newtrali, jista’ jagħtina rilevanza fir-relazzjonijiet internazzjonali, jista’ jkun sinifikattiv, rwol ibbażat fuq prinċipji u kompatibbli ma’ l-interessi tagħna. Hu għalhekk li nemmnu fil-legalità internazzjonali. Dan hu għaliex pajjiżi minn dejjem ta’ l-appoġġ tiegħu lin-Nazzjonijiet Uniti u l-Karta tagħha.
Dan hu kollu rifless fis-sostenn kontinwu tagħna lill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Malta ma tistax taċċetta l-użu tal-forza jekk mhux skond il-Karta. Pajjiżi matul is-snin insista fuq il-bżonn li n-Nazzjonijiet Uniti tissaħħaħ, li jiġu attwati riformi sabiex tiġi stabbilita t-tieni ġenerazzjoni ta’ Nazzjonijiet Uniti għall-paċi u libertà fis-seklu wieħed u għoxrin.
Ninsabu mħassba fuq kull marġinalizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll fuq it-theddid ta’ l-użu unilaterali tal-forza li mhux konformi mal-Karta u l-Organi tagħha. Aħna mħassba wkoll fuq ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li sa llum għadhom mhumiex implimentati. Nikkonsidraw li n-nuqqas ta’ l-implimentazzjoni ta’ ċerti riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà huwa kaġun prinċipali fil-kriżi tal-Medju Orjent.
Stat Palestinjan mhix xi viżjoni ġdida li skoprejnieha llum iżda hija deċiżjoni li tmur lura għaż-żmien meta bl-istess riżoluzzjoni ġie mwaqqaf l-Istat ta’ Iżrael.
Nara ħafna għerf fil-kitba ta’ Amos Oz, ikkonsidrat minn ħafna bħala l-aqwa kittieb ħaj Iżraeljan, li fl-essays tiegħu intitolati "Israel, Palestine and Peace" qal kif ġej:
“Kemm il-mibgħeda kif ukoll l-imħabba huma ostakoli bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani. Il-mibgħeda hija riżultat ta’ ħafna snin ta’ ġlied bla waqfien, il-ġlied li huwa riżultat ta’ l-imħabba li tgħaqqad lilhom u lilna ma’ l-istess art twelidna. Xejn fid-dinja ma’ jista jħoll din l-imħabba, li dawn iż-żewġ nazzjonijiet għandhom lejn arthom. Iż-żewġ popli ġa taw prova ta’ l-imħabba tagħhom kemm bis-sagrifiċċji li għamlu kif ukoll permezz tal-memorja u l-appartenenza. Żewġ popli stinati, żewġ popli li daqu ħafna s-sofferenzi u l-persekuzzjoni, żewġ popli li wrew mill-ġlied bejniethom li huma kapaċi kemm għad-determinazzjoni kif ukoll għad-devozzjoni - fl-aħħar it-tnejn li huma għandhom issa l-possibbilità li jbiddlu dawn il-virtù fil-bini ta’ dar ‘semi-detached’tagħhom."
Naħseb li l-kunċett ta’ dar "semi-detached" hija reali ferm. Nemmen li n-nazzjonijiet rappreżentati hawn għandhom ir-responsabbilità li jgħinu dawn iż-żewġ popli “stinati u determinati” li jirrealizzaw dak li hu tagħhom.
It-terroriżmu, instigat minn individwi, gruppi jew xi stat, mhux soluzzjoni. It-terroriżmu hu l-qtil ta’ l-innoċenti.
Malta tħares lejn il-futur b’determinazzjoni. Qatt ma konna pajjiż, wisq anqas poplu, li nibżgħu minn għada. Aħna poplu li ngħixu għal għada. Naħseb li l-imħabba għall-familja tagħna, l-imħabba għat-tfal u n-neputijiet tagħna hija karatteristika tal-Maltin. Hija proprju din l-imħabba li tagħtina l-fiduċja fil-futur għax nafu li d-deċiżjonijiet li nieħdu llum ser ikollhom impatt kbir fuq il-futur ta’ wliedna.
Aħna poplu rikk fid-diversità ta’ l-opinjonijiet. Aħna wkoll, però, poplu li ladarba nieħdu deċiżjoni naraw li din id-deċiżjoni tiġi mwettqa kemm għalina u kemm għal min jiġi warajna.
Eċċellenzi, intom illum, bis-saħħa tar-relazzjoni tagħkom magħna, tafuna u tifhmuna sewwa. Aħna nemmnu fil-kultura tal-paċi; nemmnu li għandna responsabbilità li nippromwovu djalogu u mhux konflitti bejn iċ-ċiviltajiet. Malta f’salib it-toroq taċ-ċivilitajiet, tista’ tilħaq il-ġirien tagħha fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar.
Bħala diplomatiċi intom għandkom responsabbilità biex tiksbu l-paċi. Tistgħu taqblu jew ma taqblux ma’ Dag Hammarskjold meta qal:
"Hija d-diplomazija, mhux id-diskorsi jew il-voti, li għandha l-aħħar kelma fuq il-proċess tal-paċi"
Naħseb li d-dinja hija mibnija fuq ftehim ma’ xulxin. Iżda hemm ħajta tad-deheb li torbot dan il-ftehim: din hija l-fibra li ġġiegħel lin-nazzjonijiet jersqu lejn xulxin biex iħaddnu r-rieda tal-paċi fi twemmin sħiħ li l-paċi tista’ sseħħ biss minn bnedmin ta’ rieda tajba. Dan għalmitna l-istorja.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931