Domanda qawwija għas-siġar tal-frott
Id-domanda għas-siġar tal-frott aktar milli rduppjat f’dawn l-aħħar erba’ snin kif jirrriżulta mit-talbiet li jsiru kull lid-Dipartiment ta’ l-Agrikultura. Il-pjani tad-Dipartiment huma li d-domanda annwali tibda tintlaqa’ kollha minn siġar imkabbra fil-mixtla li d-Dipartiment għandu f’San Vinċenz de Paul, tant li matul is-sena li għaddiet tħawlu u tlaqqmu aktar minn 20,000 rootstock biex jilħqu għall-bejgħ f’Jannar ta’ sena oħra. Id-domanda għas-siġar tal-frott żdiedet minn 4,358 fl-1999 għal 11,611 din is-sena.
Dan qalu l-Ministru għall-Agrikultura u s-Sajd, l-Onor. Ninu Zammit meta dalgħodu żar il-mixtla San Vinċenz de Paul, fejn qed isir il-qlugħ u rootstocks biex fil-jiem li ġejjin jibdew jitqassmu lil dawk li ordnawhom.
Il-Ministru Zammit spjega li l-mixtla San Vinċenz de Paul ġiet stabbilita uffiċjalment f’Jannar tas-sena 2000, meta għall-ewwel darba f’Malta, tkabbru siġar ċertifikati ħielsa mill-mard u l-virus. Dik is-sena, il-mixtla pproduċiet għall-bdiewa lokali 4,300 siġra ċertifikati tal-frott irqieq.
Biex setgħet titwaqqaf, inkisbet l-għajnuna taċ-CIHEAM, permezz ta’ l-Istitut Agronomiku f’Bari, inxtara makkinarju, tħarrġu n-nies billi ntbagħtu Bari u ġew Malta esperti minn żmien għal żmien, minn dan l-Istitut, biex jagħtu l-pariri u t-taħriġ ieħor meħtieġ.
Il-mixtla fiha b’kollox madwar 80 tomna raba. Il-ħamrija u l-pjanti jiġu ttestjati regolarment fil-laboratorji taċ-Ċentru tal-Bioteknoloġija tal-Pjanti f’Ħal Lija, biex ikun assigurat li m’hemm l-ebda mard f’din il-mixtla. Il-pożizzjoni tagħha hi ideali, għaliex hi maqtugħa sew minn art fejn jitkabbru siġar oħra tal-frott. Is-siġar fl-aħħar jiġu ċċertifikati b’sistema aċċettata fl-Ewropa li huma ħielsa minn kull mard.
Il-Ministru Zammit qal li parti sew mir-rootstocks li jitlaqqmu fuqhom qed jiġu pproduċuti f’Malta, fiċ-Ċentru tal-Bioteknoloġija tal-Pjanti.
Il-Ministru Zammit semma wkoll li minn sentejn ’l hawn fl-istess mixtla, inbeda l-proċess tat-tkabbir tax-xitel tas-siġar taż-żebbuġ ukoll ċertifikati ħielsa mill-mard u l-virus. Għal dan l-iskop intbagħtu wkoll ħaddiema jitħarrġu l-Italja fit-tilqim tas-siġar taż-żebbuġ. Din is-sena, din il-mixtla pproduċiet aktar minn 4,000 siġra taż-żebbuġ, imqassmin f’varjetajiet differenti: tal-mejda u taż-żejt.
Il-mixtla bdiet ukoll tipproduċi miż-żerriegħa s-selvaġġ taż-żebbuġ għat-tilqim.
Barra minn hekk, inbdiet ukoll ħidma biex jitkabbru dwieli tar-razza, inbid u mejda, ukoll ċertifikati mingħajr mard u virus.
Matul is-sena li għaddiet tkabbru aktar minn 20,000 xitla tas-selvaġġ tad-dwieli (rootstock) li se jinbiegħu bħala parti minn 47,300 ordnati mill-bdiewa Maltin. Dan minbarra ordni għal 57,000 dielja mlaqqma ta’ l-inbid u tal-mejda. Fl-istess waqt qed jitħejja aktar r-raba’, bit-testijiet kollha meħtieġa, biex jitħawlu l-mother plants ħalli minnhom jittieħdu kemm żraġen għas-selvaġġ (rootstock) kif ukoll għat-tilqim tad-dwieli tar-razza.
Il-Ministru Zammit enfasizza li l-iskop wara din il-ħidma hu biex il-bidwi Malti jkollu siġar b’saħħithom u għammiela kif ukoll biex is-siġar li qed nipproduċu fuq rootstock ġdid, bħal GF-677, Mirabolan u oħrajn, li huma reżistenti għal mard u jagħtu aktar produzzjoni, jieħdu post dawk antiki li llum intrikbu wisq minn mard li jtellef il-produzzjoni u l-kwalità tal-frott.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en