Left arrow Mur Lura

L-GĦAQDA DINJIJA TAS-SAĦĦA TIPPUBLIKA L-WORLD HEALTH REPORT 2003

pr1567
Date Icon 19/12/2003

Il-bieraħ il-Ħamis 18 ta’ Dicembru 2003, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ippublikat ir-rapport dwar l-istatus tas-saħħa fid-dinja għas-sena 2003.

Ir-rapport janalizza x-xejriet fis-saħħa u jsib illi d-differenzi fost il-popli tad-dinja qed jikbru. Fil-waqt li fid-dinja żviluppata, l-life expectancy tan-nisa telgħet sa 78 sena, raġel fl-Afrika tropikali ma’ jgħix aktar minn 46 sena, bl-ikbar impatt ikun dak tal-epidemija tal-HIV/AIDS. Għal miljuni ta’ tfal, l-aktar Afrikani, l-ikbar sfida hi li jaslu sa l-eta’ ta’ 5 snin. Dan minħabba l-effett disastruz li qed iħalli mard infettiv. Fl-istess waqt, madwar id-dinja qed jiżdied il-mard kroniku, li minn hawn u ftit ieħor ser jibda jaffettwa wkoll lill-pajjiżi mhux żviluppati.

Il-WHO tidentifika l-HIV/AIDS bħala emergenza maġġura fil-qasam tas-saħħa li qed tmiss ir-reġjuni kollha tad-dinja b’miljuni ta’ mwiet u sofferenza ikbar għal miljuni ferm akbar ta’ nies. L-access għal prevenzjoni u l-kura ivarja b’mod sostanzjali. Jeħtieg azzjoni aggressiva sabiex il-kura u l-prevenzjoni jaslu anki fl-ifqar pajjizi.

Fl-istess waqt il-marda tal-polio li ħalliet ħerba kbira fis-sekli li għaddew, waslet biex tisparixxi mid-dinja. Fl-2002 ġew rappurtati 1900 każ ta’ paraliżi mill-polio fid-dinja kollha filwaqt li n-numru ta’ pajjiżi effettwati b’epidemija ta’ polio niżel għal sebgħa.

Fi żmien meta konna ħsibna li mard infettiv beda jispicca, qed naraw marda infettiva ġdida kull sena. L-2003 kienet is-sena tas-SARS. Rajna marda infettiva ġdida u qerrieda li nxterdet b’mod impressjonanti. Mhux inqas impressjonanti kien is-success li bih ġiet ikkontrollata f’qasir żmien anki jekk irridu niriflettu dwar il-bilanc bejn xjenza applikata u element ta’ fortuna li forsi evitalna milli naraw dizastru kbir fis-saħħa tad-dinja. Is-SARS tatna armi ġodda sabiex inħejju strateġiji aktar effettivi għall-kontroll ta’ mard infettiv li jista’ jinqala fil-futur. Irridu żgur inżidu s-sorveljanza għax kif rajna f’dawn l-aħħar 48 siegħa, is-SARS tista’ terġa titfaccja.

Il-WHO qed tisħaq għal strateġija ta’ prevenzjoni u kontroll dwar il-mard tal-qalb u c-cirkulazzjoni, il-mard konness mat-tabakk u l-effett tat-traffiku fuq il-bniedem. Dan il-mard qed jilħaq livelli epidemici anki fil-pajjiżi mhux żviluppati. Hemm bżonn azzjoni koordinata u din is-sena ġiet konkluża il-Konvenzjoni tal-WHO dwar il-kontroll tat-tabakk. Wieħed jittama li l-pajjiżi madwar id-dinja jirrispondu b’mod konkret. Il-WHO iddeskriviet l-imwiet u d-diżabilita` kawżati mill-incidenti tat-traffiku u l-problemi ambjentali minħabba nuqqas ta’ sigurta’ fit-toroq u fil-vetturi bħala l-epidemija moħbija ta` żmienna.

Dawn l-isfidi kollha jinħtieġu tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa fuq il-principji ta’:

  • access għal kulħadd għal kura bażika li tilqa’ għal ħtiġijiet bażici;
  • żvilupp ta’ servizzi fuq bażi ta’ ekwita skond ma’ jiflaħ l-iżvilupp ġenerali u l-qafas socjali tal-pajjiz;
  • sehem sħiħ tal-komunita’ fit-tifsil u t-tħaddim tas-sistemi tas-saħħa; u
  • ħidma ko-ordinata bejn is-setturi differenti li għandhom impatt fuq il-qasam tas-saħħa.

L-idealizmu ta’ Alma Ata (1978) u d-definizzjoni wiesa’ tal-kura primarja tas-saħħa ta’ 25 sena ilu jeħtieġu tifsira ġdida u aktar realistika fl-isfond tal-kriżijiet serji ta` llum li jinkludi:

  • nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa;
  • nuqqas ta’ informazzjoni sħiħa;
  • riżorsi finanzjarji limitati
  • l-isfida biex timplimenta politika tas-saħħa b’mira socjali f’ambjent dejjem aktar kompettitiv.

Jinħtieġu għalhekk sistemi ta’ kura integrata mibnija fuq dawn il-principji biex iġibu l-quddiem l-iżvilupp sħiħ tal-kommunita’ bis-sehem ta’ kulħadd.

Ir-rapport jintemm b’serje ta’ tabelli u statistici interessanti dwar is-settur tas-saħħa fil-192 pajjiż li jagħmlu parti mill-WHO. Għal darb’oħra il-pajjiżi tad-dinja inqasmu f’ħames gruppi skond il-performance fil-qasam tas-saħħa. Malta taghmel parti mill-grupp A jiġifieri tal-aqwa 35 pajjiz fid-dinja, b’mortalita’ baxxa ħafna kemm fost it-tfal kif ukoll fost l-adulti. Minn din l-istatistika jirriżulta li f’Malta nonfqu 8.8% tal-Prodott Gross Domestiku fil-qasam tas-saħħa bl-ispiża totali tinqasam f’żewġ terzi tinħareġ mill-Gvern u terz tinħareġ privatament mic-cittadin. Dan il-bilanc jinkiseb minkejja li l-ispiża ras għal ras ta’ Malta hija fost l-iżgħar – 818 Dollaru (PPP) kontra per eżempju 2800 Dollaru (PPP) fil-Ġermanja u 2000 Dollaru (PPP) fir-Renju Unit.

Ir-riżultati miksuba huma pozittivi ħafna u fuqhom tajjeb isiru żewġ riflessjonijiet:

  • l-istatistika ta` Malta għal life expectancy at birth tpoggina fit-22 post fost il-pajjiżi tad-dinja. Tajjeb wieħed jgħid li din l-kejl jiddependi ħafna fuq in-numru ta` mwiet fost trabi fl-ewwel jiem ta` ħajja. Xhieda ta` dan, huma l-istess statistici li qed jidhru fir-rapport tal-WHO dwar tfal li jmutu qabel jgħalqu l-ħames snin. Huwa car illi f’pajjiżi żviluppati fejn hemm liġijiet li jippermettu l-abort, inkluż l-abort terapewtiku, in-numru ta` mwiet ta` trabi huwa żgħir hafna. Malta ma tħaddanx din il-policy imma b’responsabilita`, terfa` l-piż akbar li jpoġġu fuq is-socjeta` maltija il-kura u l-attenzjoni li jeħtiegu tfal li jitwieldu b’diżabilita`.
  • meta l-WHO kejlet il-probabilita’ ta` mewt fl-eta’ bejn 15 u 60 sena, sabet illi l-irġiel Maltin għandhom ir-raba’ l-aktar rata baxxa fid-dinja filwaqt li n-nisa Maltin jinsabu fid-disa’ post. Dan ifisser success fi programmi immirati sabiex ikollna popolazzjoni b’saħħitha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prevenzjoni kif ukoll kura. Għandna l-evidenza ta’ ġenerazzjoni ta’ persuni aktar b’saħħithom li illum u fil-futur huma kapaci jagħtu kontribut siewi ekonomiku u socjali sabiex pajjiżna jkompli jissaħħaħ.

Dan ir-rapport u dawn ir-riżultati jimlewna bil-kuraġġ biex inkomplu bir-riformi fis-saħħa u biex inkomplu noffru servizz mill-aqwa lic-cittadini Maltin. Dan huwa rigal mill-isbaħ li nistgħu nagħtu lil xulxin bħala poplu għal dawn il-ġranet ta’ festi.

Kopja sħiħa tar-rapport tinsab fuq il-website tal-WHO: www.who.int/whr/2003/en/

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow