DISKORS TAL-MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, L-ONOR TONIO BORG, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TAL-QORTI TAL-FAMILJA – VALLETTA – IT-TLIETA, 16 TA’ DIĊEMBRU 2003
pr1540
16/12/2003
| Sur | Prim Imħallef, Sinjuri Ministri, Segretarju Parlamentari, Sinjuri Membri tal-Ġudikatura, Sur Avukat Ġenerali, Sinjuri, |
| Illum | se niftħu l-bini ta’ Qorti ġdida. Iżda l-Qorti la jagħmilha l-bini, la jagħmluha r-regolamenti u l-liġijiet, u lanqas it-teknoloġija moderna; kollha affarijiet tajbin li jsaħħu l-proċess tal-ġustizzja, iżda l-Qorti tal-Familja, bħall-ġustizzja nnifisha, tiddependi min-nies. Ma taqax mis-sema. Ma tinħoloqx waħidha, iżda għax hi ġustizzja tal-bnedmin, tiddependi mill-bnedmin u l-impenn tagħhom lejha. |
| Huwa | għalhekk li ħadd ma jista’ jieħu l-proċess tal-ġustizzja b’mod leġġer u bla dubju l-iktar qasam tal-ġustizzja li jolqot in-nies, hi l-liġi dwar il-persuni u l-Qorti tal-Familja. Għaliex dan hu qasam ta’ ġustizzja fejn il-kawżi m’humiex l-aktar dwar proprjetà, ogġetti bla ruħ, iżda dwar il-ħajja tan-nies, u l-ħajja fis-sabiħ, u ħafna drabi fl-ikrah tagħha. Il-partijiet f’kawżi ta’ separazzjoni, per eżempju, huwa s-suġġett ukoll tal-kawżi nfushom. Dan jirrekjedi minna attenzjoni speċjali, dedikazzjoni speċjali, u kien għalhekk, u għal ebda raġuni oħra li l-Gvern nieda l-proċess sabiex ikollna Qorti tal-Familja, b’regoli speċjali għaliha li jkunu differenti mir-regoli normali, f’bini kompletament separat mill-bqija tal-Qorti, sabiex kull min hu involut f`kawżi u proċeduri f`dal-qasam tal-liġi, partikolarment il-konjuġi u t-tfal ma jidħlux fl-ambjent normali tal-Qorti izda f`ambjent differenti. |
| Anki | jekk dan se jġib xi ftit inkonvenjenza għall-konsulenti legali dan hu prezz li jiena konvint li lesti li jħallsu għall-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja. Meta ngħidu li l-familja hija ċ-ċentru tas-soċjetà dana rridu nuruh bil-fatti u mhux bil-kliem, bl-azzjoni konkreta fid-deċizjonijiet li nieħdu. L-istat għandu dmir illi jħares il-familja għax, kuntrarjament għal dak li jaħsbu xi wħud, l-Istat għandu interess fl-istituzzjoni taż-żwieġ; mhux sabiex jisforza lin-nies igħixu flimkien meta dawn iridu jisseparaw, iżda sabiex jassigura ruħu illi fejn hemm opportunità li żwieġ ma jitfarrakx, jara li jissewwa, u fejn dan ma hux possibbli jara li t-tfal ma jbatux mill-azzjonijiet tal-ġenituri tagħhom. Dan ma hux indħil iżda t-twettiq ta` obbligu. |
| Din | il-Qorti tal-Familja, li s-sura tagħha ilha tinbena, jista’ jkun li ma togħġobx lil kulħadd il-ħin kollu, iżda naċċertakom li jiena, u b’mod partikolari sieħbi l-kollega Dr. Carm Mifsud Bonnici, iltqajna ma` kull min stajna, biddilna dak kollu li stajna nbiddlu; emendajna abbozz wara abbozz, segwejna – xi kultant anki b’ċerta trepidazzjoni - il-progress tax-xogħlijiet f’dan il-bini, u tajna lilna nfusna data – l-aħħar ta’ din is-sena sabiex din il-Qorti niftħuha. Kien spiċċa ż-żmien ta’ l-istudju u l-White Papers, kummissjonijiet u rapporti, mill-kliem qbiżna għall-fatti u qed inwettqu l-wegħda imsemmija fid-Diskors tal-President tal-24 ta’ Mejju, 2003, fil-ftuħ ta’ din il-Leġislatura. |
| Dan | kollu ma kienx ikun possibbli li kieku ma bbenefikajnix mill-ħidma sfieqa u kontinwa ta’ l-ex Ministru tal-Ġustizzja Dr Austin Gatt li ħadem qatigħ sabiex illum stajna niftħu dan il-bini. |
| L-innovazzjonijiet | fil-proċeduri l-ġodda – mqabbla ma` dawk ta’ qabel – huma dawn li ġejjin: |
| a) | li nżidu d-doża ta’ umaniżmu fil-proċess innifsu. Dana stajna nagħmluh billi tiġi addottata proċedura iktar ħafifa; b’hekk f’kawżi ta’ separazzjoni, li se jieħdu l-parti l-kbira tax-xogħol ta’ din il-Qorti, il-proċeduri jibdew anki b’sempliċi ittra, li tiġi reġistrata fil-Qorti tal-Familja. |
| b) | Proċess ta’ medjazzjoni qabel ma’ l-karti jaslu għand l-Imħallef, li però dejjem għandu setgħa fuq il-proċess kollu mill-bidu sa’ l-aħħar tal-medjazzjoni. Dan isir f’żewġ stadji, l-ewwel stadju sabiex tiġi tentata rikonċiljazzjoni, u t-tieni stadju, f`każ li r-rikonċiljazzjoni ma ssirx, jikkonsisti fi sforz ġenwin sabiex is-separazzjoni issir b’kuntratt ’il bogħod mill-perikli, trawma u s-sofferenza li jġibu magħha il-litigazzjoni. Il-medjaturi jitħallsu mill-Gvern, sakemm il-partijiet ma jagħżlux il-medjaturi tagħhom stess. |
| c) | Fil-kawżi bejn il-konjuġi, anke meta dawn jiftehmu, ġieli jintnesew id-drittjiet tat-tfal. Huwa għalhekk li se jinħatru avukati li jieħdu ħsieb li l-interessi tat-tfal ma jiġux minsija jew skartati. |
| d) | Li maż-żmien anki fil-kamp kriminali, ir-reati kollha konnessi mal-familja u t-tfal jiġu deċiżi minn Qorti mwaqqfa għal dan l-iskop, li żżomm is-seduti tagħha f’dal-bini, bil-faċilità ta’ video-conferencing li qed tiġi nstallata f’dal-bini. Hemm awla ġdida li ġiet mibnija proprju għal dan l-iskop. |
| e) | Il-mandati kawtelatorji kollha għall-ewwel draba se jkunu jistgħu jinħargu mill-bidunett tal-proceduri, anki waqt il-medjazzjoni. |
| Dan | il-bini ta` erba sulari li qabel kien jakkomoda s-Sekond’Awla, il-Prim Awla Qorti Ċivili li tieħu ħsieb is-separazzjonijiet, l-annullamenti, u l-kawżi ta’ manteniment u kustodja tat-tfal, iż-żewġ Reġistri tal-Qorti Ċivili, dawk Superjuri u dawk Inferjuri, u l-Amministrazzjoni kollha, issa se jiġi dedikat biss għall-Qorti tal-Familja. |
| F’Ottubru | tas-sena li għaddiet kienu bdew ix-xogħlijiet strutturali li kienu jinkludu alterazzjonijiet u żjidiet strutturali. Il-bini huwa mgħammar bl-iktar faċilitajiet moderni u jinkludi, barra żewġ awli, uffiċċji għall-medjaturi, għall-għajnuna legali, l-avukat tat-tfal u Child Care Room. Dan barra ser ikun hemm sitt conference rooms u ovvjament uffiċċji għall-ħaddiema, sigrieti għall-Gudikatura eċċetra. Ta` min isemmi li ż-żewġ awli huma mgħammra b’sistema ta’ video conferencing fejn ix-xhieda, kemm dik viżwali kif ukoll dik mitkellma, tista` tiġi rrikordjata. |
| Il-bini | huwa mgħammar b’sistema ta’ arja kondizzjonata, skond kriterji ambjentali ta’ l-Unjoni Ewropea, sistema awtomatika ta’ sprinklers f’każ ta’ ħruq u sistema sofistikata għat-teknologija ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni. Ovvjament hemm faċilitajiet bażiċi bħal waiting rooms, toilets u lifts. Il-bini u l-faċilitajiet kollha huma aċċessibbli għall-persuni b’dizabilità. |
| L-ispiża | totali biex jitlesta l-bini tal-Qorti tal-Familja telgħet għal madwar Lm500,000 iżda l-Gvern iqis li din hija somma minfuqa sew biex toffri servizz adekwat sabiex il-ġustizzja dejjem ikollha wiċċ iktar uman. |
| Sinjuri, | kull bidla iġġib ċertu taqlib. Għandi f`moħħi bħalissa l-kliem ta` filosfu magħruf Taljan illi kważi ħames mitt sena ilu kiteb hekk: |
| “Min | jipproponi xi ħaġa ġdida jagħmel għedewwa minn dawk kollha li kienu jmorru tajjeb taħt l-ordni l-qadim; u jirċievi sostenn fjakk u biered minn dawk li jaqblilhom jekk jinbidlu l-affarijiet; is-sostenn ta` dawn ta` l-aħħar ikun biered in parti minħabba li jibzgħu mill-avversarji tagħhom, li għandhom il-liġijiet viġenti jsostnuhom, u in parti għaliex il-bniedem in generali hu xettiku; qatt ma jafda fl-affarijiet il-ġodda qabel ma jkun ivverifikahom mill-esperjenza”. |
| Għandna | nagħmlu l-almu tagħna kollu sabiex naraw li din il-Qorti tal-Familja ma nagħtuhiex gambetti hekk kif titwieled iżda nsostnuha u nieħdu ħsiebha mhux għal xi interess partikolari, lanqas għall-interess ta` dak jew ta` l-iehor, ta` din jew dik il-kategorija jew professjoni, iżda tal-ġid komuni; frażi li teludi definizzjoni preċiża iżda li kulħadd jaf u ihoss x`inhi, kunċett qawwi biżżejjed li jgegħilna nindunaw meta nitbegħdu minnu fil-kuxjenza tagħna u nagħrfu wkoll meta nkunu qed nersqu lejh. Naħseb li b`din il-Qorti tal-Familja qed nersqu lejn u mhux nitbiegħdu mill-ġid komuni. |
| Grazzi | ħafna |
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en