INDIRIZZ MILL-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA – SALA TAL-GRAN KUNSILL, IL-PALAZZ, VALLETTA – 13 TA’ DICEMBRU 2003
Meta s-sena l-oħra indirizzajtkom f’din is-sala f’Jum Ir-Repubblika, għidtilkom li:
“Il-poplu Malti riesaq lejn sena ġdida li fiha hu mistenni jieħu deċiżjonijiet li jibqgħu jinħassu għal snin twal, għal ġenerazzjonijiet ta’ Maltin.”
Komplejt ngħid li:
“Id-djalogu f’pajjiżna huwa mibni fuq il-konfront tal-fehmiet politiċi. Nistqarr li għalkemm xi drabi dan il-konfront jista’ jiġi interpretat bħala firda, il-partiti politiċi tagħna juru sens ta’ responsabilità fil-mod kif iwasslu l-fehmiet kontrastanti tagħhom. Għaliex id-diversità fl-opinjonijiet, meta liberament diskussi u onestament imfissra, m’humiex firda iżda djalogu f’demokrazija f’saħħitha.
Fondamentali għal kull demokrazija, però, huwa li f’kontest ta’ fehmiet differenti, għandha torbot sovrana r-rieda tal-poplu. Din hija d-demokrazija: id-dibattitu, il-vot, ir-rispett tad-deċiżjoni tal-poplu.”
Il-fatti tawna raġun lilna lkoll. Ir-rieda sovrana tal-poplu ġiet rispettata mill-forzi politiċi kollha f’pajjiżna u għax huma forzi demokratiċi, jemmnu fl-osservanza tar-rieda tal-poplu.
Il-poplu Malti fl-1 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla, se jkun parti mill-Unjoni Ewropea. Għal dawk li emmnu fih, dan it-tragward huwa l-otteniment ta’ ħsieb politiku: għall-poplu Malti kollu kemm hu, huwa l-bidu ta’ triq oħra li pass wara l-ieħor tkompli ssaħħaħ in-nazzjon Maltija: l-ewwel bil-kisba ta’ l-Indipendenza, it-tieni bil-vot fil-Parlament Malta saret Repubblika, it-tielet bil-vot popolari, kemm fir-referendum u fl-elezzjoni ġenerali, ġie affermat post Malta fl-Unjoni Ewropea.
Malta fl-Unjoni Ewropea mhix fini fiha nfisha iżda hija mezz kif il-poplu Malti jagħraf il-futur tiegħu fir-reġjun li fih jappartjeni, politikament, kulturalment u ekonomikament. Din l-appartenenza ta’ Malta mhix biss in-nisġa ta’ sekli ta’ l-istorja ta’ pajjiżna, iżda hi wkoll mod kif inħarsu fil-futur ġrajjietna, marbuta ma’ ġrajjiet ta’ pajjiżi Ewropej li flimkien irridu ngħixu skond il-prinċipji fondamentali li jagħmluna ċittadini Ewropej: il-ħarsien tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem, il-ħajja u l-vitalità tad-demokrazija, il-kultura u ċ-ċiviltà ispirati mill-prinċipji Kristjani, is-solidarjetà fost il-popli, l-impriża libera u s-suq ħieles mibni fuq il-valuri soċjali.
Din hija l-Ewropa li aħna nemmnu fiha: Ewropa li temmen fil-paċi mhux bħala retorika, iżda bħala strument ta’ żvilupp tal-ġnus: u għax hija bbażata fuq il-volontà ta’ paċi għan-nies ta’ rieda tajba ma tistax tkun Ewropa introverta – li tħares ġewwa nnifisha – iżda hija Ewropa li għandha tkun miftuħa lejn il-ġirien tagħha. Huwa f’dan il-kontest li Malta fl-Ewropa tħares lejn il-Mediterran.
Il-Mediterran iqarribna lejn il-pajjiżi li jixxabtu fuq dan il-baħar. Il-Mediterran joħolqilna dak is-sens ta’ multilateraliżmu li fuqu l-politika barranija ta’ pajjiżna għarfet tinseġ ir-rabtiet tagħha. Kliem il-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II lill-poplu Malti, biex inkunu
"bennejja ta’ pontijiet bejn il-ġnus tal-baħar Mediterran, bejn l-Afrika u l-Ewropa"
jibqgħu fondamentali għal pajjiżna. Jiena nemmen li dan il-messaġġ, filosofija politika tal-poplu tagħna, għandu jitniżżel fil-bronż fuq il-faċċata ta’ dan il-Palazz b’tagħlim u ispirazzjoni għalina lkoll.
F’Jum ir-Repubblika aħna nagħrfu l-kwalitajiet nazzjonali tagħna f’kontest ta’ solidarjetà lejn il-poplu tagħna. F’dan l-isfond għandna ngħożżu l-lingwa Maltija, espressjoni ħajja tal-poplu tagħna: ngħożżu l-bandiera li għal sekli sħaħ, anki meta dominati mill-barrani, għarafnieha bħala s-simbolu tagħna lkoll: ngħożżu l-innu nazzjonali tagħna, talba lill-Alla biex iħarisna, biex iseddaq l-għaqda fil-Maltin u sliem.
L-unuri u l-ġieħ li se nagħtu llum huma xhieda tal-vitalità ta’ dan il-pajjiż li jħares fis-servizz lil għajru, bħala l-ogħla ġieħ li jista’ jkollu. Kull sena meta nagħti dawn l-onorifiċenzi niftakar fil-ħafna oħrajn li rendew u qegħdin irendu servizz lill-poplu Malti u li m’aħniex pubblikament nimmanifestaw ir-ringrazzjament tagħna lejhom. Irrid bħala President ta’ Malta, nagħti ġieħ lil dawk kollha li qegħdin jaħdmu ta’ kuljum biex Malta ssir iktar ħielsa, iktar avvanzata, iktar solidali – lil dawn irrid ngħid grazzi f’isem il-poplu Malti.
L-istorja timxi ’l quddiem: l-avvenimenti tal-lum huma ġrajjiet storiċi ta’ għada: l-istorja tinbena kuljum: l-istorja nagħmluha aħna.
Din hija l-ħames darba li jiena kellimtkom bħala President ta’ Malta f’Jum ir-Repubblika. Din ir-Repubblika, j’Alla jgħaddu ħafna snin oħrajn minn fuqha, j’Alla tkompli jkollha mexxejja li jagħtuha fidi fil-futur u prosperità dejjiema, j’Alla din ir-Repubblika tagħna tkompli tgħix, tkompli tikber, tkompli twarrad.
Grazzi
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en