Konferenza dwar il-liġi ta’ l-Ilsien Malti
pr1433
24/11/2003
| Il-Ministeru | ta’ l-Edukazzjoni organizza konferenza dwar il-Liġi dwar l-Ilsien Malti li twaqqaf ukoll il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti. Għal din il-konferenza, l-attendenza kienet waħda mżewqa b’personalitajiet minn diversi oqsma ta’ ħidma f’pajjiżna fostom il-President Emeritus Dr. Ugo Mifsud Bonnici. |
| Il-Ministru, | f’diskors ta’ l-għeluq qal li issa wasalna għaż-żmien tat-twettieq. Hu appella biex dawk kollha li ser ikunu nvoluti jgħarfu li l-ewwel skop li għalieħ għandha tintuża l-liġi hu biex poplu u istituzzjoniet jiġu edukati u jsiru aktar sensittivi dwar l-użu tajjeb tal-Malti u ta’ kemm hu fundamentali għall-identita’ nazzjonali tagħna. Il-Ministru awgura li l-qbil li diġa’ jeżisti fuq din il-liġi jkompli jissaħħaħ waqt id-dibattitu fil-Parlament. Huwa fisser li l-Kunsill ser ikun wieħed awtonomu f’dak kollu li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-lingwa Maltija. Il-liġi trid tikseb suċċess mhux bl-impożizzjoni u l-kastig iżda bl-edukazzjoni u l-persważjoni. |
| Il-Ministru | tkellem ukoll dwar l-Ilsien Ingliż li hu wkoll lingwa uffiċjali tagħna u hu parti mill-istorja u mill-patrimonju tagħna, li jagħtina vantaġġ komparattiv fuq diversi pajjiżi. Hu qal li ħadd m’għandu jinterpreta din il-Liġi bħala xi tnaqqis ta’ l-importanza ta’ l-Ingliż. Fil-fatt hu diġa’ qed jieħu miżuri biex anke din il-lingwa tissaħħaħ fl-iskejjel tagħna. Hu qal li jemmen li kif jgħid il-Kurrikulu Nazzjonali, m’għandniex inpoġġu dawn iż-żewġ lingwi f’pożizzjoni ta’ konfront iżda rridu nkomplu niżviluppaw iż-żewġ lingwi u nsaħħu l-bilingwiżmu. |
| Fil-Gazzetta | tal-Gvern ta’ nhar it-Tlieta, 18 ta’ Novembru 2003 ġiet publikata liġi ġdida maħsuba biex issaħħaħ l-ilsien nazzjonali. Il-Liġi dwar l-Ilsien Nazzjonali tikseb tifsira partikolari anki minħabba li l-ilsien Malti, l-uniku ilsien Semitiku li jinkiteb bl-alfabett Latin, issa huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. “Permezz ta’ din il-liġi ġdida, l-ilsien Malti qed ikompli jkun konsolidat bħala parti essenzjali mill-wirt nazzjonali, kif ukoll bħala l-għodda l-aktar demokratika biex il-poplu jesprimi lilu nnifsu,” sostna l-Ministru Galea. |
| Il-Liġi, | filwaqt li tagħraf li l-Malti hu element ewlieni ta’ l-identita’ nazzjonali Maltija, li jiġġedded kuljum fuq fomm il-Maltin, jipprovdi biex ikunu promossi politika u strateġija lingwistika xierqa għal żmienna. Il-Liġi preżenti hija r-riżultat ta’ żmien twil ta’ riċerka u konsultazzjoni u sar minn kollox biex jinkiseb l-aktar kunsens wiesgħa possibbli fost il-poplu. |
| Permezz | ta’ din il-Liġi, l-Istat, flimkien ma’ esperti u entitajiet lingwistiċi bħall-Akkademja tal-Malti u l-Universita’, qed jipprovdi biex il-lingwa Maltija tingħata dejjem aktar il-prijorita’ kollha li jistħoqqilha, ibda mill-iskejjel u spiċċa fil-manifestazzjonijiet letterarji u kulturali konnessi mal-lingwa nativa. |
| Għaldaqstant | ser jitwaqqaf il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti, bil-funzjoni li jwettaq pjan ta’ ħidma biex l-ilsien nazzjonali jkompli javvanza u jissaħħaħ fl-edukazzjoni, fix-xandir u fl-istampa, fil-qrati u fil-ħajja politika, amministrattiva, ekonomika, soċjali u kulturali tal-pajjiż. |
| Dan | il-Kunsill se jkun iffurmat minn ħdax-il persuna, taħt il-tmexxija ta’ President maħtur mill-Prim Ministru u magħżul minn fost persuni stabbiliti u kwalifikati fl-istudju tal-Malti. Il-Kunsill ser ikollu rappreżentanti minn diversi oqsma fosthom mill-Universita’, l-Akkademja tal-Malti, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti, l-Avukat Ġenerali, l-Għaqda tal-Malti u The Malta Press Club. Il-Kunsill se jkun mgħejjun minn esperti lingwistiċi li se jaħdmu f’kummissjoni teknika u f’numru ta’ kumitati speċjalizzati. |
| Il-Kunsill | ser ikollu Direttur Eżekuttiv u ‘staff’ ieħor biex ikun jista jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet ta’ natura tekniko-xjentifika jidħlu fis-seħħ bis-saħħa ta’ avviż publikat mill-Kunsill fil-Gazzetta tal-Gvern. |
| Kopja | ta’ l-abbozz ta’ liġi tinsab fuq il-sit tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni: |
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en