Left arrow Go Back

Clean Up the World fil-25 ta’ Novembru - “Int tagħmel id-differenza”

pr1399
Date Icon 18/11/2003
L-edizzjoni ta’din is-sena tal-Clean Up the World, ser issir nhar it-Tlieta 25 ta’ Novembru.  Dan tħabbar waqt Konferenza Stampa li kienet indirizzata mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit u mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor.  George Pullicino.
L-għanprinċipali li wassal biex għall-ewwel darba din il-kampanja ser tkun organizzata bejn żewġ Ministeri huwa minħabba l-fatt li nħasset il-ħtieġa li din il-kampanja tingħata dimensjoni ikbar f’pajjiżna. Il-Kampanja Clean Up the World hija kampanja li ssir fuq skala internazzjonali u bħal fi snin imgħoddija, l-Gvern Malti ser ikun ukoll qiegħed jagħti sehmu b’mod attiv.
Il-Ministrugħar-Riżorsi u l-Infrastruttura Ninu Zammit qal li t-tema magħżula għal din is-sena ser tkun “Int tagħmel id-differenza”. L-iskop wara dan is-slogan hu sabiex f’din il-kampanja ikun hemm is-sehem attiv tal-komunita’ kollha, bħal kunsilli Lokali, Skejjel, NGO’s, għaqdiet volontarji, scouts, u entitajiet kummerċjali privati. L-għan ewlieni wara din il-kampanja hu li tinħoloq kuxjenza fost il-Maltin sabiex nibżgħu  għall-ambjent ta’ madwarna.
NinuZammit qal li bħas-snin imgħoddija, l-parteċipazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija waħda essenzjali minħabba l-fatt li ħadd daqs l-istess Kunsilli ma jaf x’inhuma l-ħtiġiet essenzjali fil-lokalitajiet speċifiċi. Għaldaqstant għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Clean Up the World, il-parteċipazzjoni tal-Kunsilli Lokali  qed titqies bħala ndispensabbli jekk irridu li pajjiżna jinżamm dejjem nadif. Huwa għalhekk li fil-25 ta’ Novembru, minbarra attivita’ ta’ tindif estensiv u speċifiku mill-ħaddiema tad-dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika, ser issir attivita’ ta’ tindif f’diversi lokalitajiet bil-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha li jixtiequ ambjent aktar nadif f’pajjiżna.
Il-Ministru NinuZammit ħa l-opportunita’ biex jaghti bidu ghal kampanja nazzjonali ghas-separazzjoni ta’ l-iskart,  fejn minn din il-ġimgħa stess, in-numru ta’ BringIn Sites ġew estiżi b’sitta.  Dawn il-“Bring in sites”  huma  postijiet li fihom ser ikun hemm  erba’ (4)  ‘bins’ separati ghal tipi differenti ta’ skart, bhalma hu l-hgieg, il-hadid, il-plastic u l-karti. B’hekk issa, n-numru  totali ta’ dawn is-siti (Bring in Sites)   jammonta għal erbgħa u għoxrin (24).
Il-MinistruNinu Zammit fakkar li sabiex il-Gvern jimplimenta l-istrateġija ta’ l-Immaniġjar ta’ l-Iskart jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-pubbliku. Jekk kulħadd jagħti sehemu, m’hemmx dubju li pajjiżna jinżamm nadif u jkollu sistema moderna u avvanzata ta’ kif niddisponu mill-iskart kollu ġġenerat f’pajjiżna.
Fitmiem l-intervent tiegħu, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura awgura kull suċċess għall-Kampanja Clean Up the World għal din is-sena.
Daparti tieghu, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent George Pullicino qal li l-Gvern jemmen li kampanji bħal dawn jgħinu biex ikabbru l-kuxjenza favur l-ambjent ta’ madwarna. B’kuntrast għal dak li kien jiġri fis-snin li għaddew, din is-sena l-Gvern qed jieħu inizjattiva differenti għall-Kampanja Clean Up the World.
Il-MinistruPullicino tenna li fis-snin li għaddew il-Gvern kien dejjem jagħżel sit speċifiku u l-entitajiet, gruppi volontarji, għaqdiet privati u kull min kien juri nteress, kienu jkunu mistiedna biex jaħdmu fis-sit magħżul mill-Gvern. Din is-sena l-Gvern għażel xi siti u żoni oħra u x-xogħol fihom qed isir mill-ħaddiema tal-Gvern stess.
Il-Gvernħeġġeġ ukoll entitajiet oħra bħalma huma l-Armata, id-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili, skejjel u organizzazzjonijiet privati biex huma wkoll jipparteċipaw billi jnaddfu siti jew żoni mill-ambjent tagħhom.
Il-Ministrugħall-Affarijiet Rurali u Ambjent qal li l-Ministeru tiegħu għażel sit f’Ta’ Qali li hu ta’ importanza anke mill-aspett rurali u minbarra xogħol ta’ tindif li nbeda xi jiem ilu u li diġa’ qed iħalli l-frott,  qed isir ukoll xogħol ta’ landscaping li għandu jiżgura t-tisbiħ tal-post.
Il-MinistruPullicino rrimarka li l-Gvern hu konxju mill-problema eżistenti ta’ rimi ta’ skart b’mod illegali f’ċerti żoni partikulari f’Malta u għalhekk għas-sena d-dieħla, qed tithejja kampanja kontra dan it-tip ta’ rimi. Bħalma sar f’żoni urbani, il-Gvern se jinstalla CCTVs anke f’żoni rurali u dan għandu jgħin biex min jikser il-liġi jinqabad u jkunu jistgħu jittieħdu passi kontrih.
George Pullicino temm jgħid li huimportanti li kullħadd japprezza li l-ambjent hu r-responsabbilta’ ta’ kullħadd.  Il-Gvern se jibqa’ jagħmel il-parti tiegħu pero’ irid ikun hawn aktar għarfien u sehem akbar mill-poplu. Il-Ministru Pullicino qal li issa huwa z-żmien li mill-kliem u l-kritika ngħaddu għal azzjonijiet konkreti favur l-ambjent tagħna li fl-aħħarnett ingawdu minnu aħna lkoll.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow