Left arrow Mur Lura

Settur li minnu tiddependi l-ekonomija ta’ pajjiżna

pr1381
Date Icon 14/11/2003
Metakien qed ikellem studenti li qeghdin jistudjaw fl-Universita’ fil-qasam tat-turizmu, il-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Francis Zammit Dimech fakkar li t-turiżmu lejn Malta ma kienx minn dejjem. Hu qal li l-ħolqien tas-settur turistiku kien wieħed minn żewġ alternattivi li sab il-Gvern Malti fil-bidu tas-snin Sittin għall-egħluq tal-bażi militari Ingliża li kienet tagħti mpjieg lil eluf ta’ ħaddiema Maltin.
Il-MinistruFrancis Zammit Dimech qal li fl-1964, is-sena ta’ l-Indipendenza, żaru Malta 38,000 turist. Sal-1970, sitt snin wara, in-numru ta’ turisti tela’ għal 170,000. Dan seta’ jseħħ għaliex twettaq programm qawwi ta’ bini ta’ lukandi li minn 36 tela’ għal 110 u li kien jinkludi lukandi b’ismijiet ta’ gruppi internazzjonali.  Francis Zammit Dimech fakkar li fil-ħarġa tal-magażin Svediż Traktoren Malta tfissret bħala “il-gżira tal-100 lukanda”.
Is-setturturistiku baqa’ jikber minn sena għall-oħra tneħħi għall-perijodu bejn l-1981 u l-1986, ħames snin li fihom in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna niżel minn 705,000 fl-1981 għal 490,000 fl-1983 u mbagħad reġa’ beda tiela’ bil-mod biex laħaq 574,000 fl-1986. Wara l-1987 it-turiżmu reġa’ beda’ tiela u tiela. Fl-1987 leħaq 746,000, fl-1992 qabeż il-miljun u baqa’ dejjem fuq il-miljun.
FrancisZammit Dimech qal li s-settur turistiku llum jikkontribwixxi għal kwart tal-ġid nazzjonali u għal 40,000 impjieg. Hu qal li dan hu settur dinamiku li minkejja l-għawġ  u l-inkwiet li jiltaqa’ miegħu kapaċi joħroġ b’rasu ’il fuq minn kull kriżi. Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-attakk terroristiku fuq l-Istati Uniti fil-11 ta’ Settembru 2001 wassal biex għall-ewwel darba f’20 sena s-settur turistiku internazzjonali naqqas fin-numru u fid-dħul. Hu qal li kien hemm ħafna li ħasbu li dan is-settur mhux se joħroġ malajr minn din id-daqqa aktar u aktar meta bħala riżultat ta’ dan l-attakk kien hemm diversi linji ta’ l-ajru li fallew. Iżda l-previżjonijiet kollha li saru ġew ippruvati ħżiena għaliex sa mill-2002 it-turiżmu reġa’ beda jirpilja.
Il-Ministrugħat-Turiżmu qal li anke din is-sena bdiet ħażin għas-settur turistiku. Hu qal li s-sena bdiet taħt il-minaċċja tal-gwerra fl-Iraq. Li ġiet u marret. Wara kien hemm l-epidemija tas-Sars, li wkoll wasslet biex is-settur turistiku naqqas fit-tkabbir tiegħu. Hu qal li appena din il-marda spiċċat is-settur turistiku reġa’ beda jingrana.
FrancisZammit Dimech qal li dawn l-avvenimenti bla dubbju ta’ xejn ħallew il-marka tagħhom fuq pajjiżna. Hu qal li f’ekonomija globalizzata pajjiżna kien jintlaqat min dak kollu li jseħħ madwaru u anke ’il bogħod minnha. Hu qal li matul din is-sena t-turiżmu f’pajjiżna kellu l-ups and downs tiegħu. Hu qal li sa l-ewwel tliet xhur tas-sena konna minn taħt meta nqabblu ma’ l-istess perijodu s-sena li għaddiet. Minn April bdejna nirpiljaw u bqajna nżidu fin-numru sa Lulju. Hu qal li f’Awissu u Settembru erġajna kellna tnaqqis iżda globalment fl-ewwel disa’ xhur tas-sena xorta waħda kien hemm żieda fin-numru ta’ turisti u fid-dħul minn dan is-settur.
Il-Ministrugħat-Turiżmu qal li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena żaru Malta 911,609 turist żieda ta’ 9,536 turist fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra jew ta’ 1.1 fil-mija. Fl-istess perijodu d-dħul mit-turiżmu kien ta’ Lm193.9 miljun jew ta’ Lm9.9 miljun aktar, jew ta’ 5.4 fil-mija fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra. Hu qal li minn ras għal ras in-nefqa mit-turisti żdiedet bi Lm8.78 għal Lm212.76.
FrancisZammit Dimech qal li statistika uffiċjali oħra turi li fl-ewwel seba’ xhur tas-sena li qegħdin fiha t-turisti li żaru pajjiżna qattgħu 6,008,679 lejl f’Malta, żieda ta’ tmienja fil-mija.
Il-Ministrugħat-Turiżmu qal li hi l-politika tal-Gvern li Malta ma tibqax aktar destinazzjoni għax-xemx, ramel u bajjiet. Hu qal li pajjiżna qed jiġi riklamat bħala esperjenza fejn min jiġi fostna jżurna għal xi ħaġa partikolari. Hu fakkar li Malta kellha 7000 sena ta’ storja b’monumenti anke aktar antiki mill-piramidi u Stonehenge. Il-Ministru Zammit Dimech qal li eluf ta’ turisti mill-Istati Uniti u l-Ġappun diġà qed jiġu fostna għal din l-esperjenza.
Il-MinistruZammit Dimech qal li niċeċ oħra li qed nibnu għas-settur turistiku f’pajjiżna huma dawk tal-konferenzi u inċentivi, tagħlim ta’ l-Ingliż, underwater diving, turiżmu reliġjuż u turiżmu sportiv. Hu qal li Malta kienet qed tinbidel ukoll f’ċentru ta’ yachting u ċentru għall-viżitaturi permezz ta’ cruise liners. Francis Zammit Dimech qal li tul l-aħħar 15-il xahar in-numru ta’ irmiġġi għall-yachts żdied b’aktar minn 400 biex illum hawn fil-pajjiż 1,500 irmiġġ. Hu qal li min-naħa l-oħra n-numru ta’ viżitaturi li qed jżuru Malta fuq cruise liners kiber b’ritmu mgħaġġel f’dawn l-aħħar sitt snin, minn 144,000 fl-1998 għal madwar 400,000 din is-sena. Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-bini tal-Cruise Liner Passenger Terminal, li mistenni jitlesta fi żmien sentejn u li hu koordinat mill-Ministeru għat-Turiżmu, mistenni li jkompli jkabbar lil dan is-settur u anke jibdel lil Malta minn port of call għal home port fejn vjaġġi permezz ta’ cruise liners jibdew u jintemmu f’pajjiżna.
Il-Ministrugħat-Turiżmu qal li minkejja li s-settur turistiku hu wieħed volatili ħafna xorta jirriżulta li l-investituri Maltin u barranin għandhom fiduċja sħiħa f’dan is-settur. Hu qal li dan hu konfermat minn numru ta’ proġetti li qed jitwettqu u mill-investiment li qed isir. Bħalissa qed jitwettqu 17-il proġett turistiku b’investiment ta’ Lm52 miljun. Hu qal li dawn jinkludu bini ta’ lukandi u estensjonijiet u żvilupp mill-ġdid ta’ oħrajn. Hu qal li flimkien ma’ dawn is-sbatax il-proġett qed jitwettqu ukoll tliet proġetti kbar: il-proġett tal-Kottonera, il-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne u l-proġett għall-Cruise Liner Passenger Terminal. Dawn it-tliet proġetti jinvolvu investiment ta’ Lm170 miljun. Hu qal li proġett ieħor li kien approvat f’dawn l-aħħar jiem hu dak għall-iżvilupp ta’ l-inħawi fejn kienu l-White Rocks.  Hu qal li dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar Lm25 miljun, hu koordinat ukoll mill-Ministeru għat-Turiżmu.
Il-MinistruFrancis Zammit Dimech qal li llum aktar żgħażagħ kienu qed iħarsu lejn is-settur turistiku għall-futur tagħhom. Fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi bħalissa qed jitħarrġu 718-il student li minnhom 112 qegħdin fuq internship. Francis Zammit Dimech qal li din is-sena 238 student bdew diversi korsijiet f’accomodation operations, hotel operations, extended training scheme, food and beverage service and supervisory studies, food and production – Level 2, food preparation and service – Level 2, food preparation and supervisory studies, higher diploma in hospitality management u extended skills training scheme – Gozo.
Il-Ministrugħat-Turiżmu ħeġġeġ lill-istudenti biex mhux biss jissuktaw fl-istudji tagħhom iżda biex ikomplu jispeċjalizzaw fid-diversi oqsma tas-settur turistiku. Hu qal li t-turiżmu kien, hu u jibqa’ settur importanti ta’ l-ekonomija f’pajjiżna li jiddependi mhux biss mill-investiment li jsir fih iżda aktar u aktar mir-riżorsi umani li jiġu f’kuntatt mat-turisti għas-servizz li jingħataw.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow