DISKORS TA’ L-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦAT-TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI U INVESTMENT, WAQT IS-SEMINAR TAL-MALTA EMPLOYERS’ ASSOCIATION: “DATA PROTECTION LAW: FROM AN EMPLOYER’S PERSPECTIVE” – FLORIANA - 11 TA’ NOVEMBRU 2003
pr1351
11/11/2003
| Grazzi | ta’ l-opportunità li nindirizza dan is-seminar. |
| Matul | id-diskussjoni tal-lum ser ikun hemm l-okkażjoni li tidħlu fil-fond ta’ l-applikazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tad-Data. Ċertament din hi liġi li għandha impatt fuq il-mod kif azjendi u organizzazzjonijiet differenti Maltin joperaw u hi ħaġa ċerta li din il-liġi se ġġiegħel lil ħafna minna jibdlu d-drawwiet ta’ kif konna noperaw. |
| Hu | tajjeb li nidħlu fid-dettalji u wieħed jifhem għalfejn dawn it-tibdiliet jeħtieġu jsiru anke jekk jistgħu għall-ewwel jidhru spejjeż skomdi u restrizzjonijiet li jagħmlu l-ħajja ta’ min irid ibiegħ ftit aktar kumplikata milli kienet qabel. |
| Iżda | meta nħarsu lejn id-dettalji u lejn l-inkonvenjenti li dawn id-dettalji jistgħu jaqalgħu m’għandna qatt naqilgħu għajnejna minn fuq l-iskop li għalih għandna liġi li tipproteġi l-privatezza taċ-ċittadini. |
| Kien | hemm żmien meta kien moda li għal kull tibdil li jrid isir kien ikun hemm min iweħħel fl-Unjoni Ewropea u li qed nagħmlu t-tibdil għax qed iġiegħlna xi ħadd jew biex nogħġbu lil xi ħadd. Fortunatament milli jidher din il-moda spiċċat, iżda jista’ jkun li għad hawn min jehwden li mingħajr l-Unjoni Ewropea ma kienx ikun hemm bżonn din it-tip ta’ liġi. Dan hu tehwdin fil-vojt. |
| Il-fatt | hu li pajjiżna hu parti mir-realtà dinjija fejn l-informazzjoni u l-ħażna tagħha huma l-aktar għodda importanti għall-kummerċ. Kull strateġija ta’ bejgħ hi mibnija fuq il-profil tax-xerrej, u l-profil tax-xerrej ikun preċiż u utli skond kemm tkun preċiża u utli l-informazzjoni fuqu. |
| Iżda | ċ-ċittadini m’humiex biss xerrejja. Din hi biss dimensjoni waħda tal-ħajja ta’ kull individwu. Kull ċittadin privat għandu d-dritt ikun rasu mistrieħa li d-dimensjoni tiegħu bħala xerrej ma teqridx il-privatezza li ħaqqu fil-bqija ta’ ħajtu. |
| Issa | ilna mitt sena ngħidu li t-teknoloġija tiffrankalna l-ħin u l-flus, toħloqilna opportunitajiet ġodda għal qliegħ kemm materjali u kemm spiritwali. F’dawn l-aħħar għoxrin sena r-rata t’avvanz bit-teknoloġija splodiet ’il quddiem u magħha splodiet ir-rata t’avvanz fil-qliegħ potenzjali minnha. |
| Iżda | ma’ dan l-avvanz żdied il-bżonn ta’ regolamentazzjoni li tassigura li l-ġdid ma jxejjinx id-drittijiet antiki tagħna lkoll. Bil-bżonn kollu li nippromwovu t-tkabbir teknoloġiku u t-tkattir tal-ġid, ma rridux ninjoraw il-fatt li l-abbuż mit-teknoloġija hu realtà li qed toħloq vittmi ġodda t’abbużi ġodda. Fost ir-riskji ta’ l-abbużi l-ġodda wieħed ma jistax jinjora r-riskju li l-privatezza li kull indivdwu għandu dritt għaliha tintilef u titjassar bl-għodda teknoloġiċi li suppost qegħdin hemm l-ewwel biex jagħmlulu ħajtu aħjar. |
| Iżda | l-privatezza u l-protezzjoni tagħha huma parti waħda biss mir-regolamentazzjoni l-ġdida li kien hemm bżonn. Għalkemm l-okkażjoni tal-lum ser tiffoka fuq din il-parti, hu siewi li din ukoll titqies fil-kuntest sħiħ tagħha. |
| Fl-istess | żmien li daħħalna l-liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottajna wkoll liġi li tirregola l-kummerċ elettroniku. B’din ħloqna l-ispazju biex tranżazzjoni li ssir f’forma elettronika jkollha l-istess protezzjoni u rabta fuq il-bejjiegħ u x-xerrej li dawn kien ikollhom kieku t-tranżazzjoni kienet qed issir b’metodi konvenzjonali. Mill-ġdid l-iskop hu li noħolqu fiduċja fit-teknoloġija … li min irid jixtri u min irid ibiegħ ikollu rasu mistrieħa meta jkun qed juża l-mezzi teknoloġiċi l-ġodda daqs kemm kien ikun trankwill kieku kien qed iwettaq it-tranżazzjoni wiċċ imb’wiċċ. |
| Il-liġi | dwar il-kummerċ elettroniku rrikkonoxxiet li bħalma wieħed jista’ jixtri u jbiegħ minn ħanut, wieħed jista’ jixtri u jbiegħ minn ġo l-Internet. Din hi realtà ġdida li teħtieġ regolamentazzjoni biex jitħarsu d-drittijiet tagħna lkoll. |
| Bl-istess | mod kellna nirrikonoxxu li bħalma wieħed jista’ jabbuża, jisraq jew iwettaq reat fid-dinja fiżika li nesperjenzaw konvenzjonalment, wieħed jista’ jabbuża, jisraq jew iwettaq reat billi juża t-teknoloġija l-ġdida bħala għodda tar-reat tiegħu. Din ukoll hi realtà ġdida li qed naffrontaw fil-kuntest leġislattiv permezz tat-tibdiliet li għamilna fil-Kodiċi Kriminali. |
| Nixtieq | nagħmel enfasi fuq l-għażla tal-kliem li qed nagħmel. It-terminu fil-lingwaġġ użat hu ‘cyber-crime’. Iżda xejn m’hu ġdid taħt il-kappa tax-xemx. It-teknoloġija ma ħolqitx forom ġodda ta’ kriminalità, iżda pprovdiet biss għodda ġodda għal kriminalità li ilha magħna minn dejjem. Bħal ħalliel li għadda mill-għasluġ għall-azzarin, ħalliel li għadda mill-azzarin għall-kompjuter, ħalliel baqa’. |
| Anki | jekk il-mottivi ta’ min hu fin-negozju u min iħaddem jistgħu jkunu lil’hinn minn kull dubju, it-teknoloġija li għandkom f’idejkom hi għodda li m’hux intom biss tużaw iżda ’l min tħaddmu wkoll. Impjegati jista’ jkollhom mottivi differenti minndawk ta’ min iħaddimhom u għalhekk jenħtieġu relazzjonijiet ta’ responsabbiltà u ta’ sigurezza biex minkejja din id-differenza possibbli fil-mottivi, il-garanziji ta’ serħan tal-moħħ għall-indivdwi privati jibqgħu bla mittiefsa. |
| Il-leġislazzjoni | biex niġġieldu dawn ir-realtajiet il-ġodda kienet biss il-bidu. Kellna mbagħad narmaw irwieħna istituzzjonalment biex inkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità anki f’dan il-kuntest il-ġdid. Il-Ministeru tiegħi kien ewlieni fost dawk li għamlu sforz biex is-Cybercrime Unit tal-Pulizija jkollha l-għodda u t-taħriġ biex tkun effettiva. |
| Ngħid | b’sodisfazzjon li l-Pulizija qed turi li aktar milli tapprezza x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħha f’dan il-qasam. It-talenti tagħha – u nsemmi bħala l-aqwa eżempju ta’ dan lill-Ispettur Paul Caruana – huma l-ewwel u l-aħħar tarka li għandna bħala ċittadini, mill-kriminali armati bl-aħħar teknoloġiji. |
| Il-Gvern, | permezz tal-Ministeru tiegħi, hu kommess li din l-effettività tibqa’ garantita. It-teknoloġija tinbidel, tiġġedded u titjieb kuljum. M’hemmx dubju allura li l-kriminali armati b’din it-teknoloġija qed jisfruttaw kemm jistgħu dan it-titjib għall-iskopijiet malinni tagħhom. |
| Min | jiġġieled fuq in-naħa tas-sewwa wkoll irid ikun armat. |
| Hu | pjaċir tiegħi nħabbar li mix-xahar id-dieħel ser inkunu qed naħsdu frott ieħor ta’ l-isħubija li pajjiżna qed jiżviluppa mal-Korporazzjoni Microsoft. Bl-għajnuna ta’ dik l-azjenda, fejn żgur hemm l-aqwa riżorsi u l-aqwa intelliġenza f’dan il-qasam fid-dinja, il-Pulizija Maltija ser tkun aktar effettiva f’din il-ġlieda. |
| Ser | nipprovdu taħriġ ta’ l-ogħla livell lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija li jiġġieldu l-abbużi tal-propjetà intelletwali. Mat-taħriġ estensiv u fl-ogħla livell, Microsoft qed jgħinuna wkoll biex il-Pulizija jkollhom l-għodda li għandhom bżonn biex ikunu effettivi. |
| Bl-intervent | tiegħi xtaqt nerġa’ nqiegħed it-tema li fuqha qed niffukaw il-lum fil-kuntest usa tagħha. Il-protezzjoni tad-data u l-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika huma żewġ elementi kruċjali u neċessarji biex noħolqu soċjetà u ekonomija ta’ l-informazzjoni fejn l-indivdwi jħossuhom protetti minn dawk li jridu jisirquhom jew jabbużaw mid-drittijiet tagħhom. |
| Hu | obbligu ta’ l-istat li fil-ħajja ta’ kuljum tagħna joħloq ambjent ta’ serħan tal-moħħ fejn kulħadd iħossu li jista’ jgħix, jixtri u jbiegħ mingħajr biża. Is-sigurezza hi meħtieġa biex ikollna l-prosperità. It-teknoloġiji l-ġodda ma biddlu xejn minn dan il-bżonn. Fil-kuntest elettroniku hi meħtieġa s-sigurezza biex noħolqu soċjetà fejn il-prosperità hi garantita u fejn l-onestà hi ppremjata. |
| Fundamentalment | għalhekk irid isir l-aġġornament fil-metodi ta’ kif naħdmu li qed niddiskutu hawn illum. It-tibdil li tridu tagħmlu hu parti mill-isforz biex il-kummerċ tagħkom jirnexxi f’kuntest ta’ serħan tal-moħħ u fejn il-klienti tagħkom ma jibżgħux jonfqu flushom u jafdawlkom informazzjoni dwarhom anke b’mezzi elettroniċi. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en