Għajnuna konkreta lill-qasam sportiv
Meta kien qed izur xogħol li qed jitwettaq minn ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fl-impjanti sportivi tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech qal li hi l-politika tal-Gvern preżenti li jgħin l-isports f’pajjiżna. Hu qal li dan kien qed jagħmlu
- billi jgħaddi lil għaqdiet sportivi bini u artijiet b’ċens biex minnhom imexxu l-attivitajiet sportivi tagħhom;
- billi jibni impjanti sportivi, jew jimmodernizza dawk li diġà għandna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien diġà bena padiljuni ta’ l-isport f’Għawdex u fil-Kottonera. Il-Gvern kien ta sehem qawwi biex jinbena l-padiljun ta’ l-Isport fl-Università ta’ Malta, bena l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq u mmodernizza l-impjanti sportivi fil-Marsa. Il-Gvern kien se jibni żewġ impjanti sportivi oħra, wieħed fl-inħawi ta’ Ħal-Safi/Ħal Kirkop u ieħor fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Francis Zammit Dimech qal li dawn kienu proġetti kbar li fihom ġew investiti miljuni ta’ liri, iżda l-Gvern kien jagħti l-għajnuna tiegħu ukoll fi proġetti iżgħar li ma jkunux qed jitwettqu minnu.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Kulleġġ ta’ San Alwiġi ntagħżel mill-Kumitat Olimpiku Malti bħala wieħed mil-lokalitajiet għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta s-sena d-dieħla. Hu qal li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ta għajnuna għal diversi xogħlijiet meħtieġa.
Id-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien qed iwaqqa’ tliet ikmamar u jwettaq xogħol ta’ skavar fuq area ta’ 350 metru kwadru f’fond sa żewġ metri. Hu qal li f’din il-ħidma kienet qed tingħata attenzjoni speċjali biex ma ssirx ħsara lil boundary wall.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kienet qed tingħata wkoll għajnuna biex jinbena blokk li jikkonsisti f’changing rooms, amenitajiet għal sport ta’ ġewwa u stands għall-ispettaturi.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li din il-ħidma turi li l-Gvern hu dejjem lest li jgħin biex jissaħħu l-impjanti sportivi f’pajjiżna għax irid li kull Malti jkun sportiv. Hu qal li permezz ta’ dawn l-impjanti qed jikbru l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fl-isport ta’ kull qasam u hekk qed ikunu mgħejjuna dawk li għandhom doti atletiċi partikolari.
Francis Zammit Dimech awgura li jsir użu tajjeb minn dawn l-impjanti li għandhom iservu biex ikollna żgħażagħ aktar f’saħħithom u biex anke niksbu riżultati aħjar f’kompetizzjonijiet reġjonali u internazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en