Bidliet importanti fil-Kodiċi Ċivili
| Għadu kif ġie pubblikat | Abbozz ta’ Liġi li jdaħħal bidliet importanti fil-Kodiċi Ċivili, l-aktar fil-liġi tas-suċċessjoni. Il-bidliet l-iktar sinifikattivi qed jiġu elenkati hawn taħt: |
| Iktar | libertà għall-miżżewġin li jħallu l-proprjetà lil xulxin wara mewthom. Sal-lum miżżewġin li għandhom it-tfal ma setgħux iħallu lil xulxin iktar minn kwart fi proprjetà. Din il-projbizzjoni qed titneħħa, u sakemm jiġu osservati r-regoli tal-leġittima favur it-tfal, il-miżżewġin jistgħu jħallu l-proprjetà lil xulxin bla limitu. |
· Sal-lum meta jmut konjuġi bla testment, u ma jkunx hemm tfal, il-konjuġi li jibqa’ ħaj jiret biss nofs il-wirt; in-nofs l-ieħor imur għand il-qraba tal-mejjet. L-Abbozz jipproponi li min jibqa’ ħaj mill-miżżewġin jieħu l-wirt kollu hu.
· Sal-lum it-tfal mwielda barrra ż-żwieġ setgħu jirtu biss terz (1/3) tal-leġittima (minimu u li bil-fors trid tħalli lit-tfal) mill-wirt tal-ġenitur. Per eżempju jekk missier għandu żewġt itfal, wieħed mwieled fiż-żwieġ, l-ieħor barra miż-żwieġ, dak il-missier ma setax iħalli lill-wild tiegħu mwieled barra ż-żwieġ, iktar minn 1/18 tal-wirt tiegħu.
B’dawn l-emendi:
· Meta jsir testment, it-testatur (l-omm jew il-missier) jistgħu jħallu li jridu u kemm iridu lit-tfal imwielda barra ż-zwieġ;
· Il-leġittima (il-minimu li wieħed irid iħalli lil uliedu) se tkun l-istess kemm f’każ ta’ tfal mwielda fi jew barra ż-żwieġ;
· Fil-każ li ma jkunx hemm testment, il-posizzjoni ta’ tfal mwielda barra ż-żwieġ se titjieb konsiderevolment komparata mas-sitwazzjoni tal-lum.
· Il-kliem “tfal illeġittimu” qed jitneħħew kull fejn jidhru fil-Kodiċi.
Miżura oħra importanti hi dik li tiffaċilita l-qsim tal-wirt meta jkun għadda ċertu żmien u l-eredi jew il-ko-propjetarji ma jkunux ftehmu kif se jaqsmu l-proprjetà, allura f’dawn iċ-ċirkostanzi:-
· fil-każ ta’ wirt, kull eredi jkun jista’ jbiegħ sehmu indiviż minn proprjetà partikolari tal-wirt, mingħajr il-ħtieġa ta’ qsim tal-wirt;
· kull ko-propjetarju jkun jista’ jitlob lill-Qorti li tapprova il-bejgħ ta’ proprjetà skond prezz li l-Qorti jidhrilha ġust, u jekk ikun hemm ko-proprjetarju wieħed biss li jopponi, il-bejgħ jista’ jsir mingħajr il-bżonn ta’ irkant fil-Qorti.
· Il-leġittima sal-lum kienet dejjem meqjusa bħala porzjoni ta’ l-eredità, b’ hekk kull persuna intitolata għall-leġittima setgħet tibblokka l-qsim tal-wirt. Issa l-leġittima se tiġi konsiderata bħala dritt ta’ kreditu kontra l-eredità; dana se jnaqqas ostakolu ieħor għal qsim malajr ta’ l-eredità.
· Il-konjuġi li jibqa’ ħaj (“surviving spouse”) ikollu d-dritt ta’ preferenza fix-xiri tad-dar matrimonjali li fuqha ġa għandu dritt ta’ abitazzjoni.
· Ir-regola li t-tfal tat-tieni żwieġ ma jistgħux jirtu iktar mit-tfal ta’ l-ewwel żwieġ qed titneħħa.
· Meta jkunn hemm testment “unica charta”, u jmut wieħed mill-konjuġi, se jitħaffef il-proċess sabiex l-eredi jkunu jistgħu jakkwistaw kopja ta’ dik il-parti tat-testment li tirregola l-wirt tal-konjuġi li miet.
· Tibdil fis-sess jista’ jiġi annotat fl-att tat-twelid għal persuni mhux miżżewġa, basta ssir kawża għal dan l-iskop.
· Ir-rikonoxximent unilaterali minn missier ta’ tifel mwieled barra ż-żwieġ mhux se jibqa’ awtomatiku, iżda jrid ikun hemm il-kunsens ta’ l-omm, jew inkella ssir kawża għal dan l-iskop.
· Armla li terga’ tiżżewweġ se jkollha dritt illi zzomm il-kunjom ta’ l-ewwel żwieġ taghha jew izzidu mal-kunjom tat-tieni żwieġ tagħha; b’ hekk tkun tista’ jkollha l-istes kunjom bħal uliedha ta’ l-ewwel żwieġ.
| L-emendi | kollha li jolqtu il-ligi ta-suċċessjoni MA JAPPLIKAWX għall-eredità ta’ persuni li ġa mietu iżda japplikaw għall-futur biss. |
| Hemm diversi emendi oħra iżda qed jiġu sottolinejati dawk l-iktar | importanti. |
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en