Left arrow Go Back

Diskors mill-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomici, waqt Konferenza organizzata mill-Kamra tal-Kummerc bit-tema: “Is-Suq Ewropew - L-ISFIDI U OPPORTUNITAJIET GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR” - SAN GILJAN

pr1220
Date Icon 16/10/2003

Eċċellenza u ħbieb,

Irrid nibda’ billi nirringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ għall-organizzazzjoni ta’ din il-Konferenza. Fil-fehma tiegħi, hija kontinwazzjoni tajba u f’waqtha ta’ diversi laqgħat pubbliċi li kont organizzajt flimkien mal-European Information Centre fejn kienu mistiedna numru kbir ta’ negozji żgħar u flimkien iddiskutejna kif in-negozji tagħna jistgħu jibbenefikaw mid-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Bħala bażi ta’ din id-diskussjoni, f’kull laqgħa li kienet indirizzata għal setturi differenti, konna ttrattajna d-dokument ta’ DG Enterprise "Enlargement: What can enterprises in the new Member States expect?"

Qed nirreferi għal din l-esperjenza għaliex proprju permezz ta’ dawk il-laqgħat jiena kont fhimt aħjar x’aspettattiva s-sidien tan-negozji żgħar tagħna għandhom, issa li aċċettajna li bħala pajjiż inkunu parti mill-Unjoni Ewropea.

Illum l-Unjoni Ewropea saret realta’, sfida u opportunita’ għal kull negozju, u dan għaliex kull negozju jifhem li l-Unjoni Ewropea tfisser ukoll bidliet kontinwi.

Jiena nemmen li f’pajjiżna n-negozju qed isir iżjed vulnerabbli għal kull ċaqlieqa, u wieħed mill-akbar investimenti li jeħtieġ in-negozju tagħna hija proprju t-trankwillita’ politika, soċjali u ekonomika. Grazzi għall-maturita’ politika, l-litigazzjonijiet ta’ żmien ir-referendum u żmien l-elezzjoni issa għaddew, u ħallew warajhom klima ta’ kunsens politiku. Dan il-qbil politiku rigward l-għarfien tad- direzzjoni li qabad pajjiżna lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea, issa saret opportunita’ li tiswa’ ħafna. Pero’, fija nnifisha din l-opportunita’ qed titlob issa iżjed responsabbilita’ minn kulħadd sabiex naraw li dan l-avveniment tassew isarraf fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi u xogħol għan-negozji tagħna.

Minn dan l-eżempju li fih pajjiżna diġa’ ħareġ rebbieħ, nistgħu naraw kif sfida kapaċi titbiddel f’opportunita’; u opportunita’ biex issir suċċess tirrikkjedi responsabbilita’.

Sfida tfisser riskju, u l-għażla ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea hija fiha nnifisha riskju li pajjiżna kellu jieħu sabiex jara li fis-suq globali huwa jibqa’ kompetittiv u ma jaqax lura. Dan ir-riskju issa jrid jitbiddel fi sfida u konsegwentement f’opportunita’.

Illum qegħdin niltaqgħu hawn biex nitkellmu wkoll dwar din ir-responsabbilita’ kollettiva. Għalhekk jiena nemmen li biex l-Unjoni Ewropea tkun suċċess għal kull negozju, aħna lkoll, kull wieħed u waħda minnha li qegħdin hawn u sħabna li jagħmlu dan il-pajjiz dak li hu, neħtieġu nkunu ndividwalment u kollettivament responsabbli.

Irridu nkunu responsabbli fir-rispett lejn ir-rejalta’ li tagħmel kull negozju u lil pajjiżna dak li hu. Kull wieħed irid jagixxi fir-realta’ ta’ dmirijietu li issa għandu f’din l-ekonomija li għadha kemm ingħaqdet ma’ ġemgħa ta’ ekonomiji oħra biex fuq ftehim komuni, jaraw li flimkien, individwalment u kollettivament jgħollu l-istandards ta’ l-għejxien tal-popli tagħhom u jkunu magħrufa bħala l-Ekonomija Ewropea, li skond id-deċiżjoni meħuda f’Lisbona, flimkien jagħmlu lilhom infushom “the most competitive and dynamic knowledge – based economy in the world".

Dan ifisser li din id-deċiżjoni meħuda kollettivament bejn il-pajjiżi membri, għandha tkun ikkunsidrata bħala deċiżjoni meħuda ndividwalment. Għalhekk dak li ġie deċiż f’Lisbona, għall-ekonomija Maltija jfisser li bħal ekonomiji oħra ta’ pajjiżi membri, irridu naraw li niżviluppaw l-ekonomija tagħna f’waħda mill-iżjed ekonomiji kompetittivi, dinamiċi u msejsa fuq l-informazzjoni.

L-Unjoni Ewropea tilħaq il-kriterji ta’ Lisbona kemm-il darba kull ekonomija fi ħdanha tiżviluppa. Għal din ir-raġuni, id-dokument ta’ DG Enterprise "Enlargement: What can enterprises in the new Member States expect?” jitratta r-relazzjoni li għandha tkun teżisti bejn kull negozju u r-realta' l-ġdida ta’ sħubija. Din ir-realta’ tfisser li issa kull negozju f’pajjiżna irid jara kif jagħmel ukoll lilu nnifsu negozju kompetittiv, dinamiku u ntelliġenti.

Fiha nnifisha, jiena nemmen li din l-isfida hija riskju għal kull negozju. Dan għaliex fis-suq preżenti, daqshekk kompetittiv, min mhux ser jirnexxielu jkun efficjenti, dinamiku u kapaċi jagħmel negozju ntelliġenti, jista’ jaqa’ lura. Illum post ħadd m’hu garantit. Sakemm wieħed jieqaf igerger, il-kompetitur tiegħu jista’ jgħaddih.

F’dan il-kuntest nieħu din l-okkażjoni biex nistieden lill-Kamra tal-Kummerċ ma’ għaqdiet kostitwiti oħrajn, inkluż dawk li jirrappreżentaw l-interessi tal-ħaddiema, li f’din iċ-ċirkustanza ġdida ma jibqgħux jaraw lilhom infushom daqshekk distinti minn xulxin, iżda jaraw li l-interess tagħhom ma jkunx biss individwali iżda nteress wieħed komuni, jiġifieri: kif ser nagħmlu lil pajjiżna u lil kull negozju, wieħed mill-iżjed kompetittiv, dinamiku u bbażat fuq l-informazzjoni, taħriġ u riċerka.

Nemmen li huwa riskju ghall-kisba tas-suċċess mixtieq, kemm-il darba nibqgħu naħsbu biss dwar l-interess settorjali tal-membri rispettivi. Nemmen li wasal il-waqt li kull settur irid jara x’meħtieġ li jsir biex din l-ekonomija tkun tista’ tagħmel il-bidliet meħtieġa.

Il-Politika tal-Gvern ukoll għandha quddiemha din l-isfida. Il-Gvern huwa konxju tar-responsabbilita’ li għandu, li issa jrid jara li l-ekonomija tagħna ssir ekonomija dinamika, kompetittiva u bbażata fuq l-informazzjoni, ir-riċerka u t-taħriġ.

Ikun riskju wkoll kemm-il darba ma jkunx hemm tahlitafir-responsabbilita’ li issa kull politiku jrid ikollu lejn din ir-realta ġdida ta’ pajjiżna. Biex il-Gvern jilqa’ għal din l-isfida qegħdin naraw wkoll il-Parlament iħejji strutturi ġodda li fihom jilqa’ diskussjoni politika ġdida, fuq livell totalment differenti milli s’issa konna naraw fil-Parlament tagħna. Illum il-Parlament tagħna ser ikollu iżjed dibattitu u jeħtieġ politiku aktar ippreparat u konxju tad-deċiżjonijiet li qed jieħu. Dan għaliex pajjiżna m’għadux iżjed iżolat. Illum għandna sehem akbar x’noffru.
Jiena diġa’ attendejt diversi drabi ghal-laqghattal-Kunsill tal-Ministri fuq il-Kompetittivita’. Qed nifhem li bħala politiku, s-sehem li nista’ noffri huwa differenti milli kif kien qabel. Fuq livell Ewropew, f'dawn il-laqgħat il-Gvern Malti qed ikun parti mit-tehid tad-deċiżjonijiet u għalhekk il-ħtieġa ta' preparazzjoni hija ferm akbar.
Fuq livell Nazzjonali, l-Gvern qed jieħudeċiżjonijiet li llum saru prijorita’ li ma jistgħux jibqgħu fuq l-ixkaffa għal għada. F’dan is-sens qegħdin, fil-fehma tiegħi, naraw Gvern dinamiku li jrid ibiddel dak li llum m’għadux jgħodd jekk irridu nkunu ekonomija kompetittiva’.
Kull sfida hija opportunita’ u kull opportunita'teħtieġ aktar responsabbilita’. Hawn qegħdin naraw kif jekk irridu noħorġu rebbieħa, rridu nkunu responsabbli lejn il-ħtiġijiet tal-poplu tagħna.
Il-Gvern jemmen li ma jistax ikollna żviluppekonomiku kemm-il darba ma jkollniex poplu ppreparat b’edukazzjoni aktar sħiħa, b’Universita’ li kapaċi tibdel u taġġorna għal-lum u b'MCAST li kapaċi joffri dak li jeħtieġ is-suq.
Illum m’għadux iż-żmien li nattiraw investimentta’ cheap labour. Illum nistgħu biss nattiraw investiment li jeħtieġ ħaddiema ntelliġenti. It-taħriġ sar dmir għal kull settur, u qed nara li s-sena d-dieħla tkun sena ddedikata għat-taħriġ fl-imprenditorija. L-industrija u s-settur tas-servizzi wkoll ma jistgħux jibqgħu kompetittivi jekk ma jinvestux fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna.
B’riżultat ta’ din il-konferenza, nixtieq naraKamra tal-Kummerċ aktar inklussiva u Kamra tal-Kummerċ li kapaċi tixpruna lill-membri tagħha jkunu aktar konxji ta’ żviluppi li qed iseħħu fis-suq globali.
Irridu naraw kif kollettivament niġġieldu l-ideatal-kumdita’. Kull min jaħdem komdu f’dan is-suq żgħir tagħna, jibda jirriskja li jitlef l-abbilita' kompetittiva tieghu. Wisq nibza' li dak li jiġri fuq livell individwali jista' facilment iseħħ fuq livell Nazzjonali. Ejjew naraw kif noħolqu mprendituri żagħżagħ li kapaċi jimirħu u jisfidaw swieq ġodda. Għandna bżonn imprendituri li kapaċi jirriskjaw fin-negozju. Jekk irridu nikkompetu, l-etika fil-kummerċ u l-ħarsien tal-valuri tax-xogħol huma mportanti daqs il-bżonn li nkomplu ninvestu f‘idejat ġodda.

Ma nistgħux naħsbu f’għada bl-idejat tal-bieraħ. Irridu ġenerazzjoni moderna li kapaċi tgħożż il-valuri tal-bieraħ li għadhom jagħmlu sens illum:-

Il-valur li jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-valur tar-responsabbilita' u l-valur tar-riskju.

Ma nistgħux nibqgħu inġibu ruħna ta’ tfal fid-dinja tal-kbar, fejn meta jfiġġ imprenditur, kulħadd idur għalih u jara x’jaqlalu; u kull awtorita’ tara kif issallbu u dan għaliex ikun qed jagħmel pjaċir lill-poplu tagħna u lilu nnifsu, jħaddem numru sabiħ ta’ ħaddiema fl-azjenda tiegħu. Jiena nemmen li huwa riskju għal pajjiżna kemm-il darba jkollna Awtoritajiet li nħolqu biex iservu lil min qiegħed fin-negozju, u minnflok, jispiċċaw fi ġlieda għal aktar territorju u poter. Jekk ma nkunux attenti, daqskemm dawn l-Awtoritajiet jistgħu jagħmlu ġid, jistgħu wkoll jagħmlu ħsara.

Din il-konferenza kellha bħala objettiv li tħares lejn ir-riskji u l-opportunitajiet. Jiena qatt ma ħbejt ir-realta’ taħt it-tapit. Dejjem emmint fir-rispett lejn ir-realta’. Iva nemmen li jekk ma nkunux kapaċi nagħmlu negozju ntelliġenti ser inkunu qegħdin nirriskjaw li naqgħu lura. Qed insejjaħlu negozju ntelliġenti, jiġifieri negozju bil-ħsieb, negozju li jkun riżultat tar-riskju li jittieħed wara evalwazzjoni. Jekk le, nirriskjaw li jkollna overtrading u dan jista’ jiswa’ wkoll prezz qares ‘l quddiem għall-konsumatur.

Il-konsumatur igawdi bi prezzijiet irħas, iżda jmur tajjeb ukoll b’negozji sodi li kapaċi jaqduħ tajjeb. Dan il-kumment qed ngħaddih fil-konfront ta’ l-argument li llum tant hawn kompetizzjoni, li jista’ jkun li l-profitabbilita’ tkun qed titnaqqar. Il-ħsieb fin-negozju għandna bżonnu. Rigward dan ukoll qed naħdem biex naraw li nnisslu kultura tassew imprenditorjali fejn id-deċiżjonijiet fis-suq jittieħdu b’għaqal.

L-U.E. tasal għas-suċċess ta’ l-ekonomija kollettiva tagħha meta tara kif toħloq l-aħjar ċirkustanzi li fihom jista’ jaħdem in-negozju iż-żgħir. Għal pajjiżna dan huwa riskju iehor kemm-il darba naqgħu lura fl-implimentazzjoni ta' dan l-objettiv. Jiena qed naħdem biex nara li permezz ta’ l-implimentazzjoni taċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar, naraw f’pajjiżna kultura ġdida ta’ mprenditorija. Sar ħafna iżda għadu mhux biżżejjed.

Meta nitkellmu dwar imprenditorija, qed nitkellmu dwar sfidi kbar għall pajjizna. Għalhekk fil-bidu ta' dan id-diskors, irreferejt għall-ħtieġa tar-responsabbilita’. Għaliex nemmen li jekk kapaċi nirrisponsabilizzaw lil kull min jista’ jieħu deċiżjoni u joffri servzz, inkunu qegħdin nagħmlu suċċess f’dan il-qasam.

Ic-Charter Ewropew huwa gwida tajba għalina lkoll kemm-il darba rridu naraw li nbiddlu l-isfidi f’opportunitajiet.

Inħeġġeġ lill-Kamra tal-Kummerċ titkellem aktar dwar dan l-eżerċizzju bħala eżerċizzju li joffri direzzjoni tajba fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Il-programm ta’ ħidma li fassalt u li qed naħdem biex nimplimenta permezz tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-direzzjoni politika tiegħi; u b’konsultazjoni ma’ oħrajn, jinkludi fih madwar 80 proposta. Huwa maħsub biex nirrispondu għall-ħtiġijiet bażiċi tan-negozji żgħar. Il-ħidma tagħna tinkludi azzjonijiet prattiċi li jġibu fis-seħħ dawn l-objettivi:

  • Edukazzjoni u taħriġ għall-Imprenditorija
  • Mezz irħas u eħfef biex jgħin in-negozji tagħna jibdew jaħdmu
  • Liġijiet u regolamenti aħjar
  • Taħriġ għal aktar nies tas-sengħa
  • Intejjbu l-aċċess permezz ta’ l-internet
  • Insaħħu I-kapaċitajiet teknoloġiċi ta’ l-intarpriżi ż-żgħar

Fil-prattika dawn l-objettivi meta nġibuhom fis-seħħ jinkludu ħidma li:

  1. tnaqqas il-burokrazija.
  2. ikollna aktar aċċess għall-finanzi mill-banek jew istituzzjonijiet oħra.
  3. twassal għal sistema aktar effiċjenti għall-ħruġ tal-liċenzji tan-negozji, u bdil ta’ l-idejn tan-negozji u kanċellazzjonijiet tal-liċenzji.
  4. Ikollna konsultazzjoni kontinwa mas-setturi kollha kummerċjali .
  5. inħaffu l-proċess ta’ għoti ta’ servizzi nfrastrutturali fiż-żoni ndustrijali li ma humiex ta’ l-MDC
  6. inpoġġu fis-suq id-disponibbilita' ta’ 200 tommna ta’ art għal użu ndustrijali speċifikament għan-negozji żgħar.
  7. investiment fil-manifattura li tagħraf il-ħtieġa ta’ l-istandards ta’ kwalita’.
  8. taħriġ għall-impjiegi ġodda u taħriġ għal min diġa’ qed jaħdem.

Din ħidma li hija għaddejja. Ħidma li hija maħsuba biex tinstiga kultura imprenditorjali f’pajjiżna. Il-Gvern huwa mpenjat li jara lil pajjiżna jkun tassew ekonomija kompetittiva u dinamika u fuq kollox ekonomija msejjsa fuq l-informazzjoni u t-taħriġ.

Sabiex jirnexxi pajjiżna jenħtieġ ekonomija ntelliġenti li ssir bil-ħsieb, riżultat ta’ sinerġija li kapaċi tfassal strateġija b’objettiv komuni u fejn kull min qed jieħu sehem fl-iżvilupp ta’ din l-ekonomija, jkun parti mit-teħid tad-deċiżjoni u għalhekk kapaċi jagħraf il-prijoritajiet.

Neħtieġu sinerġija bejn min qed jippjana l-iżvilupp, jindokkra l-ambjent u min qed ifassal il-politika ta’ l-industrija tal-manifattura, tas-servizzi u kif ukoll tat-turiżmu. Min qieghed fil-kummerċ irid jara kif ikun innovattiv bhal min qieghed fil-manifuttura. Ir-riċerka trid tkun il-qofol ta’ kull żvilupp għal kull tip ta’ ndustrija u negozju. F’dan il-kuntest kienet ukoll mahsuba biex topera l-Malta Enterprise li nistennew li tkun kapaċi tixpruna din il-hidma.

L-aġenda ta’ l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna m’hijiex monopolju ta’ Ministeru wieħed, jew tal-Gvern biss jew ta’ xi organizazzjoni waħda. Bil-kuntrarju għandha tkun l-aġenda komuni ta’ kulħadd li teħtieġ responsabbilita’ mill-kbir saż-żgħir.

Fil- Competitiveness Council, il-Ministri bdew jitkellmu fuq lista ta’ prijoritajiet li jridu jitħarsu biex tassew jibnu strutturi sostenibbli li kapaċi jsostnu lil kull min jopera fis-suq intern.

Il-prijoritajiet li l-Unjoni Ewropea qed taħdem dwarhom biex tara li verament tkun ekonomija kompetittiva, dinamika u bbażata fuq l-informazzjoni u taħriġ huma:

  1. The facilitation of the free movement of goods
  2. Integrating services markets
  3. Ensuring high quality network industries
  4. Reducing the impact of tax obstacles
  5. Expanding procurement opportunities
  6. Improving conditions for business
  7. Meeting the demographic challenge
  8. Simplifying the regulatory environment
  9. Enforcing the rules
  10. Providing more and better information

Dawn l-objettivi diga’ qed nara kif nibdew naħdmu fuqhom u b’hidma flimkien bejn il-Malta Standards Authority, id-Diviżjoni għall-Kummerċ u d-Diviżjoni għall-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta, nibdew l-ewwel fażi ta’ implimenatazzjoni ta’ dawn l-objettivi. Hekk naraw li bħal ekonomiji oħra li jagħmlu parti mis-Suq ta’ l-Unjoni Ewropea, pajjiżna wkoll ikun qed jagħraf dawn il-prijoritajiet.

Biex din il-ħidma li hija sfida fiha nnifisha, titbiddel f’opportunita’, nemmen li neħtieġu r-responsabbilita’ ta’ kull min għandu sehem x’jagħti lejn l-iżvilupp ta l-ekonomija tagħna.

Din il-ħidma ma teħtieġx biss l-impenn tal-Gvern, u rrid nghid li qed naħdem kontinwament biex insaħħaħ u nara li dawn il-prijoritajiet ikunu magħrufa, iżda teħtieġ ukoll is-sostenn ta’ kull min verament jgħid: “Jiena nemmen fl-importanza tan-negozji żgħar f’pajjiżna.” L-akbar riskju ikun jekk ħidma bħal din ma ssirx f’ghaqda sħiħa fil-Gvern innifsu, fis-Servizz Pubbliku u f;’kull Awtorita’ mwaqqfa biex tagħti servizz lil min qiegħed fin-negozju.

Il-qofol tal-politika Ewropea hija l-iżvilupp tal-Politika Imprenditorjali. Iżjed ma ngħarfu s-siwi ta’ din il-politika, iżjed inkunu qed indawwru l-isfida li għandna f'opportunita’. Jekk nibqgħu iżda, iżjed moħħna fl-interess personali u kullħadd moħħu biex jiġġustifika l-eżistenza tiegħu jew l-organizazzjoni tieghu, nemmen li d-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea joffri biss riskju.

Għalhekk nemmen li dan ir-riskju kapaċi nbiddluh f’opportunita’. Mhux jekk nilagħbu l-logħba tal-kliem, iżda jekk tassew niġbdu ħabel wieħed u naraw li naħdmu flimkien biex insaħħu l-impenn politiku fl-għola livell tiegħu. Jehtieg ukoll li ninkludu lil kull min tassew lest li jgħin biex naraw li l-implimentazzjoni ta’ Politika Mprenditorjali tkun l-unika direzzjoni lejn l-iżvilupp sostenibbli ta’ l-ekonomija, issa li aħna membri fl-Unjoni Ewropea.

Nawgura suċċess fil-ħidma tal-Kamra tal-Kummerċ,lil dawk l-għaqdiet kollha, lin-negozji ndividwali u lis-sidien tan-negozji żgħar, li flimkien qed jaħdmu biex jaraw li f’pajjiżna jkollna riġenerazzjoni ta’ attivita’ kummerċjali li kapaċi tifhem u tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-konsumatur tal-lum.
Jiena nemmen bis-sħiħ li l-kummerċ f’Maltakapaċi jiffaccja l-isfida tas-sħubija u joħloq ekonomija li ssostni l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-poplu tagħna.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow