ATTIVITAJIET FIL-JUM EWROPEW TAL-ĠENITURI U L-ISKOLA
pr1203
14/10/2003
| Għat-tieni | sena konsekuttiva Malta qed tingħaqad ma’ pajjiżi oħra Ewropej biex tiċċelebra l-“Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskola”. Dan il-Jum beda jkun iċċelebrat fuq inizjattiva tal-European Parents’ Association (EPA), l-assoċjazzjoni Ewropea ewlenija tal-ġenituri. L-iskop ta’ dan il-Jum hu li jenfasizza l-importanza li l-ġenituri jinvolvu rwieħhom u jipparteċipaw fl-edukazzjoni ta` uliedhom. L-enfasi hi fuq il-bżonn li l-ġenituri u l-għalliema jaħdmu id f’id għal ġid tat-tfal tagħna. |
| Il-Ministru | ta’ l-Edukazzjoni, L-Onor. Louis Galea żar numru ta’ skejjel fejn saru attivitajiet marbuta ma’ din l-inizjattiva. Il-Ministru żar l-iskejjel primarji ta’ San Pawl il-Baħar, Mosta, Attard u l-iskola speċjali Guardian Anġel. |
| Waqt | dawn iż-żjarat il-Ministru Louis Galea tkellem mal-ġenituri dwar l-importanza ta’ l-involviment tagħhom fil-qasam edukattiv b’mod partikolari fit-tagħlim tat-tfal u fl-attivitajiet li jsiru fl-iskejjel. Hu qal li fix-xhur li ġejjin il-Ministeru tiegħu ser jkun qed jiftaħ dibattitu nazzjonali dwar diversi riformi li jridu jseħħu fil-qasam edukattiv. Il-Ministru tenna li wasal iż-żmien li ssir analiżi kritika ta’ kif qed jiġi implimentat il-Kurrikulu Nazzjonali biex ikompli jissaħħaħ. Il-Ministru semma wkoll ix-xogħol siewi li wettqu il-Fondazzjonijiet kemm fit-tisbieħ ta’ l-iskejjel kif ukoll fit-tisħiħ ta` l-litteriżmu. Hu qal li hawn ukoll il-Gvern irid ikompli isaħħaħ dawn l-organizzazzjonijiet biex ikunu jistgħu joffru aktar programmi fl-iskejjel ta’ l-iStat. |
| Il-Ministru | qal li f’pajjiżna diġà għandna sistema edukattiva tajba għal kulħadd. Madankollu hemm bżonn li naslu biex inkunu nistgħu ngħidu li qed noffru edukazzjoni ta’ kwalità f’kull livell. Sabiex dan iseħħ, il-Gvern irid jiddiskuti x’bidliet hemm bżonn u jistgħu jitwettqu biex l-iskejjel isiru aktar awtonomi, ikun hemm aktar kontinwità minn livell għall-ieħor, u biex id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni tisgura l-għola livelli ta’ kwalità fl-edukazzjoni kemm fi skejjel ta’ l-iStat u kemm fi Skejjel oħrajn. Biex dawn ir-riformi iseħħu irid isir djalogu kostruttiv u mifrux biex l-imsieħba kollha ikunu involuti. |
| Il-Ministru | Galea tkellem ukoll dwar l-involviment ta’ l-iskejjel fil-programmi edukattivi ta’ l-Unjoni Ewropea partikolarment fil-programmi Socrates u Comenius. Hu qal li dawn il-programmi huma ta’ benefiċċju kbir għall-iskejjel u ghat-tfal u l-għalliema li jipparteċipaw fihom. Il-Ministru inawgura “Comenius Area” fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard biex fiha jitpoġġew eżempji tax-xogħlijiet tat-tfal mill-iskejjel Ewropej li huma msiehba ma’ din l-iskola. Il-Ministru qal li l-esperjenzi li qed jakkwistaw l-istudenti Maltin huma essenzjali biex ikunu aktar miftuħin għall-ideat u l-kulturi Ewropej kif ukoll biex jindunaw li għalkemm differenti minn xulxin hemm ħafna affarijiet li huma komuni. Fl-istess ħin l-istudenti qed jitgħallmu jużaw it-teknoloġija tal-kommunikazzjoni bħall-kompjuters. Il-Ministru qal li dan l-iżvilupp ifisser li numru ta’ tfal jafu jużaw din it-teknoloġija aħjar mill-ġenituri tagħhom u għalhekk hemm bżonn li l-ġenituri jaġġornaw ruħhom u jsegwu dak li jkunu qed jagħmlu t-tfal biex jiżguraw li ma jkunx hemm abbużi. |
| Din | is-sena ’l fuq minn 75 skola qed jipparteċipaw b’diversi programmi u inizjattivi edukattivi mtellgħin mill-iskejjel flimkien mal-ġenituri, biex ifakkru il-‘Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskola’. Fosthom insibu taħdidiet dwar temi edukattivi, attivitajiet soċjali, seminars, open days, wirjiet, ftuħ ta’ libreriji u kmamar speċjalizzati, laqgħat bejn l-għalliema u l-ġenituri, u attivitajiet oħra. Il-programm kien ikkordinat mill-Parents in Education Forum (PIE) li hu forum li twaqqaf dan l-aħħar u li qed jiġbor flimkien dawk l-assoċjazzjonijiet u organizzazjonijiet li qed jaħdmu fill-qasam tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri. L-istess Forum għadu kif ippublika ċ-Charter tad-Drittijiet u d-Dmirijiet tal-Ġenituri maħruġ mill-EPA. |
| L-Assoċjazzjoni | Kunsilli Skolastiċi (AKS) flimkien ma’ l-AEDE (Malta) qed torganizza ukoll laqgħa għall-ġenituri dwar l-istreaming nhar il-Gimgħa 17 ta’ Ottubru fl-Istitut Kattoliku bejn l-għaxra ta’ filgħodu u nofsinhar. Il-Prof. Kenneth Wain se jkun il-mistieden ewlieni u l-pubbliku, partikolarment il-ġenituri huma mistiedna jattendu u jipparteċipaw fid-diskussjoni b’mod attiv. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en