Left arrow Mur Lura

Investiment fit-tfal u l-istudenti Maltin ta’ aktar minn Lm16-il miljun

pr1161
Date Icon 06/10/2003

"Illum qed naħsdu l-aktar benefiċċju mportanti tal-ftehim li għamel il-Gvern Malti mal-Korporazzjoni Microsoft fi Frar 2003. Mil-lum, kull student u kull tifel u tifla ta’ l-iskola Maltin, jistgħu jiġbru kopja mill-uffiċċji kollha tal-Maltapost tas-software tal-Microsoft Windows XP; Microsoft Office XP; Microsoft Visual Basic .NET."

"F’din l-inizjattiva kollha, mill-bidu sa l-aħħar; jiġifieri mir-reġistrazzjoni sad-distribuzzjoni ta’ dan is-software, ma nfaqniex sold wieħed ta’ finanzi pubbliċi. Dan kien possibbli grazzi għall-Korporazzjoni Microsoft, għal dan l-investiment; grazzi għall-isponsors kollha li għenuna fir-reġistrazzjoni, produzzjoni u distribuzzjoni tal-prodott, kif ukoll grazzi lis-Segretarjat ta’ l-eMalta, li għamel dan kollu possibbli b’xogħlu."

Il-Ministru ghat-Teknologija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment, l-Onor. Austin Gatt qal dan f’konferenza tal-ahbarijiet li fiha habbar id-distribuzzjoni tas-software tal-Microsoft.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-kritika li saret minħabba d-dewmien fid-distribuzzjoni. Huwa spjega li wara r-reġistrazzjoni fil-Belt f’Marzu 2003, kien hemm talba kbira għal dawk li ma setgħux imorru jirreġistraw dak inhar. "Ftaħna r-reġistrazzjoni mill-Kunsilli Lokali u vverifikajna kemm kien hemm bżonn kopji tas-software. Il-proċess ħa sa Ġunju li ghadda. Minħabba d-domanda li kellhom ħafna Kunsilli Lokali, intalbu żewġ estensjonijiet. Eventwalment, bdiet il-produzzjoni ta’ madwar 300,000 CD barra minn Malta. "

Il-Ministru Gatt wieġeb ukoll għall-kummenti li saru minn naħa tal-Oppozizzjoni Laburista. Huwa fisser li kuntrarju għal dak li qal l-Onor. Leo Brincat, fir-raba’ stqarrija tiegħu, illum għandna xhieda li dak li ġie mwiegħed qabel l-elezzjoni sar realta’. U għalhekk, għal darb’oħra, l-Onor. Leo Brincat kien żbaljat meta qal li din kienet gimmick. Il-Ministru Gatt fisser ukoll bħala nġusta l-kritika li dehret fuq il-media tal-Partit Laburista li s-software se jitqassam l-ewwel "lil tal-qalba" … Il-verita’ hi li mil-lum, kull tifel u tifla jew student, jista’ llum imur jiġbor is-software.

Il-Ministru Austin Gatt spjega fid-dettal xi jfisser dan l-investiment. Kull pakkett ta’ software qed jitqassam għal prezz nominali ta’ Lm10.50 minflok Lm550. “B’kollox ser inqassmu 30,000 pakkett … jiġifieri investiment fit-tfal u l-istudenti Maltin ta’ aktar minn Lm16-il miljun. Mhux biss. Iżda:

  • Kull min iħallas il-liċenzja ta’ Lm10.50 għandu dritt b’xejn għal kull aġġornament (update) li tista’ toħroġ il-Microsoft għal dawn it-tlett pakketti;
  • Kull min iħallas il-liċenzja ta’ Lm10.50 għandu dritt b’xejn għall-verżjoni Maltija tas-sofware tal-Microsoft li dalwaqt toħroġ;
  • Il-ftehim mal-Microsoft hu validu għal tlett snin. Kull tifel u tifla jew studenti Maltin jistgħu jixtru bl-istess prezz issussidjat kull ġenerazzjoni ġdida ta’ dawn il-pakketti ta’ software li tista’ toħroġ fit-3 snin li ġejjin."

Il-Ministru Gatt semma’ wkoll il-ftehim li ntlaħaq fi Frar li għadda mal-Microsoft, u ta ħarsa wkoll lejn il-benefiċċji li baqa’ x’nieħdu bħala pajjiż. Dawn jinkludu taħriġ għall-Pulizija, Dwana u uffiċċjali oħra responsabbli li jiġġieldu l-piraterija u s-serq tal-propjetà intelletwali; software mibni apposta għall-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità skond id-diżabilità speċifika tagħhom, b’koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jirrapreżentawhom.

Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru Gatt spjega li dan ix-xahar reġa kellu laqgħat oħra f’Ruma mal-Viċi-President tal-Microsoft, responsabbli mill-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofsani, Jean Philippe Courtois; u kien hemm qbil miż-żewġ naħat li l-ftehim ta’ Frar ħalla benefiċċji għaż-żewġ naħat.

Fil-fatt il-Microsoft qed tuża l-ftehim ma’ Malta bħala mudell dinji ta’ partnership bejnha u bejn Gvernijiet oħra. Dr. Gatt semma wkoll li bdew taħdidiet biex jkun hemm it-tieni ftehim li jkun jinkludi benefiċċji ġodda għall-Maltin biex intejbu l-vantaġġi fit-teknoloġija għall-ħaddiema u l-istudenti Maltin. Il-Ministru Gatt irrimarka li filwaqt li huwa kmieni wisq biex jingħataw dettalji, żgur li jkun hemm ċans fejn wieħed jispjega aktar. Huwa temm, li bħalma ghamilna llum, nerġgħu nuru li m’aħniex interessati fil-gimmicks.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow