Left arrow Mur Lura

L-istorja u l-kultura jagħżluna minn kull nazzjon ieħor

pr1142
Date Icon 03/10/2003
Il-Ministru għat-TuriżmuFrancis Zammit Dimech dalghodu  ta bidu ghall-Festival tal-Birgu. Huwa beda biex fakkar li kienet l-istorja u l-kultura tagħna li kienu jagħżluna minn kull nazzjon ieħor.  Hu qal li fl-istess waqt l-istorja, il-kultura u l-arti kienu l-aqwa reklam għal Malta u għalhekk irridu mhux biss inħarsuhom u ngħożżuhom iżda nagħmlu minn kollox biex nippeżentawhom tajjeb quddiem il-poplu Malti u quddiem it-turisti li jiġu jżuruna.
FrancisZammit Dimech qal li l-Birgu kien il-benniena ta’ l-istorja millenarja ta’ pajjiżna. Hu fakkar  li fil-Birgu kien hawn wieħed mill-ewwel portijiet, kellna l-Forti Sant’Anġlu li jħares il-bokka tal-Port il-Kbir u kellna wieħed mill-ewwel postijiet li fih kienu jgħixu l-Maltin.
Il-MinistruFrancis Zammit Dimech qal li bil-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann,  il-Birgu sar il-belt tal-Kavallieri fejn bnew il-bereġ tagħhom u għexu sakemm bnew il-belt Valletta. Il-Kavallieri ħallew patrimonju kbir ta’ fortifikazzjonijiet, palazzi u djar fil-Birgu. Il-ġimgħa li għaddiet żar il-Collachio, l-inħawi fejn kienu jgħixu l-Kavallieri u fejn għad hemm bereġ u palazzi sbieħ. Hu qal li l-Kunsill Lokali tal-Birgu qed jagħmel minn kollox biex jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-Collachio, mhux biss għaliex ħafna mill-faċċati tad-djar f’dawn l-inħawi ġew restawrati, iżda wkoll għaliex gie rranġat il-paviment u tqiegħdu pjanti mat-toroq li qed jagħtuhom dehra mill-isbaħ.   Hu qal li minn dan saru anke konxji r-residenti li huma kburin li qed jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom biex l-inħawi jinżammu fi stat tajjeb.
FrancisZammit Dimech qal li l-ġimgħa li għaddiet f’isem l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ppreżenta cheque lis-Sindku tal-Birgu biex jitqiegħdu dwal dekorattivi fil-Colacchio. Il-Gvern Ċentrali permezz tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, l-Awtorita’ tat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali, kienu qed iwettqu diversi proġetti ta’ restawr fil-Birgu bl-iskop li bini storiku jerġa’ jingħata d-dehra li kellu qabel. Il-Ministru  fakkar li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu kienet qed tgħin finanzjarjament biex tiġi restawrata l-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur u biex jitwettaq il-proġett tal-Home Front Museum f’Couvre Porte fejn  hemm 1.2 kilometri ta’ shelters ta’ l-aħħar gwerra dinjija.
Il-Ministrugħat-Turiżmu qal li fix-Xatt tal-Birgu wkoll kienu qed jitwettqu diversi proġetti ta’ restawr bħala parti mill-proġett tal-Kottonera. Hu fakkar li l-bieraħ żar ix-Xatt tal-Birgu mal-ġurnalisti fejn raw xogħol ta’ restawr fl-Imħażen ta’ Caraffa u fejn żaru wkoll diversi xogħlijiet marbuta mal-proġett inkluż il-bini ta’ appartamenti u x-xatt taħt il-Forti Sant’Anġlu li se jissewwa b’nefqa ta’ aktar minn Lm300,000.
Il-Ministrugħat-Turiżmu qal li fl-isfond ta’ dan il-proċess ta’ riabilitazzjoni u restawr l-Awtorita’ tat-Turiżmu kienet qiegħda mill-ġdid torganizza l-Festival tal-Birgu. Hu qal li fit-tlitt ijiem li ġejjin Maltin u turisti se jmorru l-Birgu biex jaraw b’għajnejhom x’toffri dan il-lokalita’ storika ta’ pajjiżna. Hu qal li għal tlett ijiem sħaħ il-Maltin u l-barranin se jgħixu l-istorja ta’ pajjiżna billi jkunu jistgħu jduru mat-toroq tal-Birgu speċjalment fl-inħawi tal-Collachio, il-Forti Sant’Anġlu, il-post fejn kien miżmum fil-ħabs Caravaggio, Couvre Porte, il-post ta’ Aragona u bini ieħor storiku.
FrancisZammit Dimech qal li f’dawn it-tlett ijiem se jkun hemm fil-Birgu kunċerti korali u klassiċi, kunċert vokali ta’ mużika barokka, Lejla tal-Birgu b’taħlita ta’ ikel Malti u mużika moderna u pageant li fih se jkun imfakkar l-Assedju il-Kbir tal-1565.
Il-Ministrugħat-Turiżmu qal li l-Festival tal-Birgu daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet f’pajjiżna maħsuba lejn it-tkabbir tat-turiżmu intern u estern. Hu qal li ma kellux dubbju li kien hemm ħafna Maltin li ma kienux jafu biżżejjed dwar l-istorja ta’ pajjiżna. Hu qal li l-Festival tal-Birgu kien okkażjoni tajba biex il-Maltin imorru l-Birgu u jmissu b’idejhom l-istorja, il-kultura u l-arti ta’ pajjiżna. Hu qal li fl-istess waqt it-turisti ukoll kien se jkollhom l-okkażjoni li jduqu l-esperjenza ta’ din il-belt qadima mdawwra bis-swar. Hu qal li din kienet esperjenza unika għaliex il-Birgu kienet belt unika.
FrancisZammit Dimech irringrazzja lill-Product Planning and Development Directorate fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għat-Turizmu, lill-Kunsill Lokali Birgu u lil kulmin qed jagħti sehmu  biex dan il-festival ikun suċċess.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow