Left arrow Mur Lura

L-Ewwel Kors bil-Kompjuter fuq l-Internet

pr1001
Date Icon 29/08/2003

Issa wieħed jista` jagħmel il-kors fil-Fiżika sal-livell ordinarju tas-SEC minn fuq il-kompjuter mill-kumdita’ tad-dar bl-għajnuna ta’ lezzjonijiet, laboratorju virtwali u għajnuna li tinagħta bl-e-mail. Biex isir dan wieħed jista jidħol fuq l-Internet u japplika għall-kors. Dan ħabbru l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea, meta nieda l-ewwel kors ‘on-line’ offrut u ddisinjat f’pajjiżna. Il-ħidma fuq din l-inizjattiva twettqet fid-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni mid-Dipartiment ghall-Istudji Għola u Edukazzjoni għall-Adulti.

Il-Ministru Louis Galea, waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan is-servizz, qal li din hi opportunita` oħra ta’ tagħlim b’mod partikolari għal dawk l-adulti li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jitħarrġu f’ċerti suġġetti meta kienu l-iskola. Hi ukoll għajnuna mportanti għaż-żgħażagħ li qed isegwu l-istudji fil-Fiżika fil-livell sekondarju. Hu qal li l-kunċett tat-tagħlim tul il-ħajja (Life-long Learning) u d-Distance Learning, jiġifieri it-tagħlim li jsir b’korrispondenza jew f’dan il-każ permezz ta’ l-Internet, huma marbutin għaliex aktar ma l-edukazzjoni tkun flessibbli u viċina għall-poplu aktar ikun faċli li wieħed jitgħallem u jitħarreġ.

Id-Dipartiment qed joffri s-SEC fil-Fiżika ON-LINE bħala proġett pilota u hu mistenni li l-quddiem ikun hemm korsijiet oħra li jkunu ‘on-line’. Il-Kors jikkonsisti f’żewġ partijiet bi 15-il lezzjoni f’kull parti. Il-Kors se jkun magħmul minn:

  • Numru ta’ lezzjonijiet ta’ nofs siegħa fuq Channel 22.
  • Spjegazzjonijiet, noti u mistoqsijiet li jkunu fuq l-Internet.
  • Laboratorju Virtwali fuq l-Internet.

Ix-xogħol ta’ dawk li jsegwu l-kors irid jintbgħat bl-‘e-mail’ u jiġi kkoreġut u mibgħut lura lill-istudent ukoll bl-‘e-mail’. It-tariffa tar-reġistrazzjoni hi ta’ Lm25 li trid tintbagħat lid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni flimkien mal-formola preskritta li tinsab fuq l-Internet jew tinkiseb mill-Customer Care Service tal-Ministeru.

Il-Ministru Louis Galea faħħar ix-xogħol tad-Dipartiment u b’mod partikolari ix-xogħol li wettaq is-Sur Joseph Bonnici biex isir il-kors. Hu qal li d-Dipartiment se jkun qed jilħaq diversi miri. "Ser nghinu lill-istudenti tal-lum ikunu aktar preparati ghat-teknoloġija moderna u jagħrfu li hu faċli li tkompli titgħallem permezz ta’ l-istess teknoloġija. Ser ngħinu ukoll lil dawk li bħalissa jew qed jaħdmu jew inkella huma bla xogħol."

Il-Ministru temm jgħid li din il-ġimgħa kellu l-opportunita’ jitkellem dwar il-bżonn li pajjiżna jkun aktar krejattiv u innovattiv billi juża aħjar l-aktar riżors importanti li għandu – imħuħ il-Maltin. “Fl-edukazzjoni, bħal f’kull qasam ieħor irridu nkunu innovattivi billi nħaddmu strateġija pro-attiva u naraw kif nistgħu nużaw teknoloġiji u ideat b’mod ġdid. Jekk pajjiżna jrid jimxi ‘l quddiem u jisfrutta l-opportunitajiet li joffri s-suq Ewropew, irridu nżidu l-valur f’kull servizz u prodott li noffru. Hu għalhekk li l-Gvern qed jinvesti bil-qawwi fl-edukazzjoni, fil-kreattivita`, fl-edukazzjoni vokazzjonali u fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija," temm jgħid Louis Galea.

Kull min ikun irid aktar informazzjoni dwar dan il-kors jista’ jikseb ktejjeb ta’ informazzjoni mill-Kunsill Lokali jew inkella billi jmorru fuq is-sit ta’ l-Internet http://schoolnet.gov.mt/physics jew mis-sit tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni www.education.gov.mt. Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq in-numri 21224275, 25982429 jew 25982371

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow