Aktar minn Lm2 miljuni f’kotba u materjal edukattiv fl-ewwel sena akkademika mill-introduzzjoni tal-‘card’ lill-istudenti Universitarji u Post Sekondarji
Fl-ewwel sena akkademika li matulha kienet introdotta s-sistema tal-cards għall-parti mill-Għotja ta’ Manteniment lill-Istudenti Universitarji u Post Sekondarji, intefqu b’aktar minn Lm2 miljuni minn dawn l-istudenti f’xiri ta’ kotba u materjal edukattiv biex jgħinhom fl-istudji tagħhom. B’hekk kien assigurat li dawn il-flus issa qed jintużaw verament għall-iskop li għalih huma maħsuba.
Sadattant, il-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jixtieq jinforma lill-istudenti kollha Universitarji u dawk fil-Livell Post Sekondarju li huma intitolati għall-Għotja tal-Manteniment u lis-sidien tal-ħwienet li qegħdin fis-sistema tal-‘cards, li din se tkun mitfija min-nhar is-Sibt 27 ta’ Lulju, sa l-1 ta’ Settembru li ġej.
Matul dan il-perjodu se ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq is-sistema u jkunu inklużi fiha l-istudenti ġodda li jsiru intitolati għal dawn l-Għotjiet fis-sena akkademika li jmiss filwaqt li jitneħħew minnha, studenti li issa spiċċaw mill-Universita’ jew mil-livell Post Sekondarju.
Fl-istess ħin, il-Bord jixtieq jistieden lil dawk is-siden ta’ ħwienet li jbiegħu materjal edukattiv li jintuza minn studenti li jattendu l-istituzzjonijiet edukattivi terzjarji u universitarji, li jixtiequ jidħlu fis-sistema biex ikunu jistgħu jibdew jaccettaw il-‘card’ ta’ l-Għotja tal-Manteniment, biex juru dan l-interess tagħhom billi jiktbu lic-Chairman, Bord ta’ l-Għotjiet tal-Manteniment lill-Istudenti, Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Floriana, biex jingħataw tagħrif dwar kif taħdem is-sistema.
Sadattant, fi tmiem l-ewwel sena akkademika li matulha ilha fis-seħħ is-sistema tal-‘Cards", il-Bord jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw is-sehem tagħhom biex is-sistema ħadmet b’suċċess u bi ftit li xejn intoppi.
Ir-ringrazzjamenti tal-Bord imorru lejn is-sidien tal-ħwienet (200) li daħlu f’din is-sistema; lejn il-kuntratturi tal-Bord li pprovdew u jmantnu s-sistema, Apco Ltd; lejn l-Uffiċjal tat-Teżor u dawk tal-Bank Ċentrali, li jgħaddu l-pagamenti involuti fis-sistema, lejn l-impjegati fl-Uffiċċji ta’ l-Istipendi fl-Universita’ fil-Junior College u fid-diversi istituzzjonijiet Post Sekondarji oħra u lejn l-uffiċċjal li jmexxi l-uffiċċju tal-Bord tal-Manteniment, lill-Impjegati fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, u fuq kollox lill-istudenti li draw u qed iħaddmu s-sistema.
Il-perjodu li fih is-sistema se tkun mitfija se jservi wkoll biex il-kontijiet individwali ta’ l-istudenti intitolati għall-għotjiet, ikunu aġġornati u jkunu addebitati bl-għotjiet tas-sena akkademika li jmiss.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN