TINDIF f’Kemmuna MINN DIVERSI TAQSIMIET TAL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA
Meta kien qed isegwi xogħol ta’ tindif li qed isir fil-gżira ta’ Kemmuna flimkien mal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li t-tindif ta’ Kemmuna minn materjal li akkumula tul snin twal, mhux biss hu parti mill-politika tal-Gvern li jnaddaf dan il-pajjiż, iżda jrid iwassal ukoll messaġġ li għal din l-amministrazzjoni t-tindif għandu jsir f’kull rokna tal-ġżejjer Maltin mingħajr eċċezzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li l-operazzjoni ta’ tindif li qed issir f’Kemmuna involviet diversi taqsimiet mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Involviet ħaddiema mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi, mill-Impjant ta’ Sant’Antnin u mill-Unit għal Servizzi ta’ Tisbiħ. Hu qal li biex din l-operazzjoni setgħet isseħħ kellhom jittellgħu f’Kemmuna 11-il trakk, inkluzi tnejn attrezzati b’high-up. Dan minbarra numru ta’ vetturi oħra.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li minn Kemmuna nġabru
- Seba’ vetturi, inkluż trakk abbandunat. Dawn il-vetturi ġew żarmati minn ħaddiema tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi u tniżżlu fuq il-moll bħala scrap metal biex jinġarru lejn Malta.
- Ħaddiema mill-Impjant ta’ Sant’Antnin naddfu l-iskart f’dak illi huwa magħruf bħala l-Bakery Buildings. Dan kien jikkonsisti l-aktar f’saqqijiet u għamara li ġew depożitati fil-post tul is-snin.
- Haddiema mill-Unit għal Servizzi ta’ Tisbiħ flimkien ma’ ħaddiema mill-Impjant ta’ Sant’Antnin ġabru bl-idejn madwar 200 xkora ta’ ħġieġ.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li xtaq jirringrazzja lis-Sur Salvu Vella, wieħed mir-residenti ta’ Kemmuna, li għen biex l-iskart kollu li nġabar, jitwassal sa fuq il-moll ta’ Kemmuna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien stmat li f’Kemmuna jiġi ġenerat madwar 500 kilogramm ta’ skart matul l-istaġun turistiku. Minn dan l-iskart nofsu hu bio-degradabbli. In-nofs l-ieħor hu fil-parti l-kbira tiegħu skart minn ippakkjar, li jinkludi ħġieġ, bottijiet u laned, plastik u kontenituri ta’ l-ikel.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-parti l-kbira ta’ l-iskart li tneħħa minn Kemmuna ilu abbandunat ghal perijodu ta’ 20 sena, ħafna minnu jmur lura għal meta kien qed jinbena r-razzett tal-majjali. Kien hemm ukoll numru kbir ta’ water heaters qodma li nġabru mil-landfill.
Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih jinnota li l-Friends of the Earth kienu f’kuntatt mal-bdiewa tal-lokal biex jintroduċu l-organic farming. Hu qal li dan kien jgħin lill-istess bdiewa u fl-istess waqt jagħti spinta biex jitħares l-ambjent ta’ din il-gżira sabiħa.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura appella lil dawk li jmorru għall-vaganzi tagħhom f’Kemmuna b’laneċ privati biex ma jħallux skart warajhom. Il-Ministru Zammit Dimech ħabbar li kien maħsub li ’l quddiem jiġu introdotti f’Kemmuna bring-in sites biex il-poplu jkollu fejn jiddisponi mill-iskart u li jkun hemm sinjali biex juru dawn is-siti.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja lil kull min ta sehemhu biex twettqet din il-hidma ta’ tindif u awgura li l-gżira ta’ Kemmuna tibqa’ tinżamm nadifa sabiex titgawda mir-residenti u minn dawk kollha li jżuruha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN