STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA DWAR UPGRADING TAL-COMPOSTING PLANT F’SANT’ANTNIN
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jirreferi għal rapport li deher f’sezzjoni ta’ l-istampa dwar il- programm TEAM li jixxandar fuq l-istazzjon televiżiv Super One.
Skond dan ir-rapport il-programm tal-lum se jiżvela pjani tal-Gvern biex jitkabbar l-Impjant ta’ Sant’Antnin għall-Kompostaġġ ta’ l-Iskart. Pjani li l-istess rapport jammetti li huma parti mill-Pjan għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura ma jistax jifhem x’jista’ jiġi żvelat minn Strateġija li ġiet ppubblikata f’Ottubru ta’ l-2001, li tqassmet lill-istampa u li minnha diġa` ġew stampati 2,500 kopja li l-parti l-kbira minnhom tqassmu lil għaqdiet u individwi interessati. Tiżvela, xi ħaġa li ħadd ma jkun jaf biha u mhux xi ħaġa pubblika u li ngħatat importanza nazzjonali.
L-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin titratta l-Impjant ta’ Sant’Antnin bħala faċilita` għall-immaniġġjar ta’ l-iskart li qatt ma laħaq il-miri li għalihom inbena. L-istrateġija titratta ukoll il-pjani tal-Gvern biex dan l-impjant jiġi upgraded bl-iskop li jakkomoda proċess ta’ trattament fil-magħluq mingħajr ma jkun hemm il-problemi ambjentali li ltqajna magħhom fil-passat. Il-proġett tal-Gvern hu li b’titjib ta’ l-impjant ikun jista’ jiġi proċessat ammont akbar ta’ skart milli qed ikun proċessat illum fl-istess waqt li ma jkun hemm ebda inkonvenjent għar-residenti. Dan ifisser li l-Gvern se jinvesti fi proġett li jkun ambjentalment ħafna aħjar milli hu llum. L-Istrateġija tagħti ukoll timeframe għal dan l-upgrading li hu l-aħħar ta’ l-2003.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jinnota li filwaqt li l-Gvern preżenti se jwettaq titjib fl-Impjant li diġa` hemm f’Sant’Antnin biex jagħmlu aktar environmentally friendly u jkun jista’ jirkupra l-ammont ta’ skart li għalih twaqqaf, il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni fid-dokument li ppubblika dwar il-politika ambjentali tiegħu qed jipproponi li jitwaqqfu composting plants bħal dak ta’ Sant’Antnin fi tlieta jew erba’ lokalitajiet strateġiċi f’Malta u Għawdex u mingħajr ma jgħid fejn. Jiġifieri jekk illum qed jakkużaw lill-Gvern li qed joħloq inkonvenjent għar-residenti ta’ Marsaskala jridu jifirxu dan l-inkonvenjent għal tlieta, erba’ lokalitajiet oħra.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jinnota li bil-politika li biha miexi, il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni qed iħares biss interessi partiġġjani u mhux l-interessi nazzjonali li fl-immaniġġjar ta’ l-iskart għandhom ikunu l-linji li jiggwidawna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN