Restawr tas-St Nicholas Curtain Wall f’Bormla
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih ikun mill-ġdid f’Bormla fejn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura permezz tad-diversi taqsimiet tiegħu, kien qed iwettaq ħidma biex tkun riġenerata din il-belt imdawwra bis-swar u li tinkludi parti sostanzjali mill-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Waqt li kien qed izur xoghol ta’ restawr li qed isir f’dak li huwa maghruf bhala s-Saint Nicholas Curtain Wall, il-Ministru Zammit Dimech qal li l-parti l-kbira tax-xogħol li qed isir, qed ikun imwettaq u finanzjat mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u mill-Unit għar-Restawr. Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor, bħat-twaqqigħ tal-ħajt tal-Baċir Numru 1 tat-tarzna u l-bini floku ta’ ċint b’ħadid dekorattiv fuqu, twettaq minn ħaddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan l-istess Ministeru.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li bejn l-1994 u l-2001 il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera waħdu nvesta aktar minn miljun lira fi progetti ta’ restawr u riabilitazzjoni fil-Kottonera.
F’dawn l-aħħar ftit snin il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera wettaq f’Bormla diversi proġetti li kienu jinkludu r-restawr tal-Mina ta’ Santa Liena, xogħol strutturali fil-Verdala, xogħol fil-kappella tal-Kruċifiss fil-Knisja Parrokjali, ir-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ San Pawl, il-pavimentar ta’ quddien id-dar ta’ l-Anzjani, xogħlijiet fi Pjazza Santa Margerita, xogħlijiet fi Triq il-Pellegrinaġġ, Triq Daħlet it-Tliet Ibliet u Pjazza Paolino Vassallo u r-restawr tal-gallerija ta’ l-Azzjoni Kattolika.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li r-restawr ta’ St Nicholas Curtain Wall, li jifforma parti mill-Cottonera Lines, kien proġett tal-Unit tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tieghu. Hu qal li dan il-proġett kien stmat li jiswa madwar Lm80,000. Francis Zammit Dimech qal li kien qed isir restawr ta’ trollijiet u tal-ħitan tas-swar fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ Polverista Gate. Hu qal li l-proġett kien jinkludi ukoll it-tiswija u l-kisi mill-ġdid tal-bjut.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li proġetti bħal dak tar-restawr ta’ St. Nicholas Curtain Wall kienu qed jagħtu lill-fortifikazzjonijiet ta’ pajjiżna l-ġieħ li jixirqilhom. Ftit metri ’l bogħod minn fejn kien qed jitwettaq dan il-proġett il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien qed jagħmel xogħol ta’ restawr fuq il-Mina ta’ Santa Liena. Fuq in-naħa tax-xellug tal-mina beda jitnaddaf minn kwantità kbira ta’ terrapien u skart ieħor tal-kostruzzjoni li ntefa’ mas-swar u għattihom. Hu qal li dan it-tindif diġà kixef parti mis-swar u li darba dan ix-xogħol jitkompla nkunu qed nagħmlu pass ieħor lejn li nikxfu s-swar tal-Kottonera biex jitgawdew minn kulħadd.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li għal dan il-Gvern, ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera kienet titqies bħala impenn totali. Qal li dan l-impenn kien qed jintlaħaq sew permezz ta’ proġetti kapitali mportanti bħal dak tal-bini tad-dar ta’ l-Anzjani u tal-Kumpless Sportiv f’Bormla, permezz tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Unit għar-Restawr kif ukoll permezz tal-Proġett tal-Kottonera li kien qed jitwettaq tul ix-xatt tal-Birgu u li issa qabad ritmu tajjeb.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura awgura li dawn il-proġetti jitgawdew mir-residenti tal-Kottonera u li jwasslu biex aktar Maltin u barranin jżuru dawn l-inħawi biex huma ukoll jammiraw il-ġojjelli ta’ l-istorja li hawn f’dawn l-inħawi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN