INAWGURATA SKOLA TAL-MUŻIKA F’ĦAD DINGLI
L-Għaqda Mużikali Santa Marija Dingli inawgurat Skola tal-Mużika li ġiet dedikata lill-memorja ta’ l-ewwel Surmast minn Ħad Dingli, Guze` M. Spiteri. L-iskola ġiet inawgurata mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr Louis Galea. Fl-istess okkazjoni l-President tal-Għaqda s-Sur Kristinu Żahra poġġa l-ewwel ġebla f’kumpless ta’ żewġ swali ġodda li qed jinbnew fil-Każin tal-Banda. Dan kollu sar nhar il-Ħamis 11 ta’ Lulju, 2002, waqt programm strumentali esegwit mill-Banda Santa Marija taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Richard Bugeja bil-parteċipazzjoni tal-UK Kingston Grammar School Band taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Gareth Hemmings.
L-Għaqda Mużikali Santa Marija ħadet post ic-Circolo Dingli li kien twaqqaf fl-1920 biex irawwem sens kulturali u mużikali fost id-Dinglin. Iżda l-Banda ħadet is-sura li għandha illum meta kisbet is-servizzi ta’ l-ewwel Surmast minn Ħad Dingli, Guze` M. Spiteri, li ghalih giet imsemmija l-iskola tal-muzika. L-iskola ġiet imwaqqfa bl-għajnuna tal-Ministeru responsabbli għall-kultura u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli. Is-Sindku Joe Abela, f’diskors ta’ l-okkazjoni, faħħar l-inizjattiva u sostna l-appoġġ tal-Kunsill għas-suċċess tal-ħidma tal-Għaqda Mużikali.
Il-proġett tas-Sala qed isir fuq pjanta u taħt id-direzzjoni tal-Perit Charles Buhagiar M.P. u qed jinbena mill-voluntiera Dinglin membri tas-soċjetà.
L-inawgurazzjoni tbierket mill-Kappillan ta’ Ħad Dingli, Fr Ruben Deguara u saru diskorsi ta’ l-okkazjoni mill-President tal-Għaqda s-Sur Kristinu Żahra u l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr Louis Galea. Il-Ministru faħħar is-sehem tal-każini tal-banda f’Malta u Għawdex sew għat-tixrid tat-tagħlim u l-imħabba tal-mużika kif ukoll għall-impenn soċjali u ċiviku tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN