Left arrow Mur Lura

Proġett ta’ Restawr u Rijabilitazzjoni tat-Torri ta’ Mġarr ix-Xini

PR967
Date Icon 12/07/2002

Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq it-Torri ta’ Mġarr ix-Xini, fil-limiti ta' Ghajnsielem, fejn tkellmet dwar l-importanza ta’ dan il-proġett għal patrimonju arkitettoniku ta’ Għawdex.

“Permezz ta’ dan il-proġett ta’ restawr u rijabilitazzjoni qed tiġi mħarsa ħolqa vitali mill-katina tal-patrimonju kulturali u storiku ta’ pajjiżna, filwaqt li tkompli tissaħaħ l-istrateġija sabiex il-gżira ta’ Għawdex tikber dejjem aktar bħala destinazzjoni distinta turistika.”

Il-proġett ta’ restawr u rijabilitazzjoni tat-torri kostali li jgħasses il-bokka tal-bajja ta’ Mġarr ix-Xini u l-kosta tax-Xlokk ta’ Għawdex qorob ferm lejn it-tlestija tiegħu. Dan it-torri, li nbena fis-sena 1661, ġarrab ħsarat strutturali kbar mill-vandali matul is-snin sebgħin u tmenin.

Fis-snin suċċessivi dawn il-ħsarat komplew jaggravaw tant li dan il-monument storiku kien fil-periklu imminenti li jikkrolla u jintilef għal dejjem. Dan wassal sabiex id-dipartiment tal-Proġetti u Żviluppp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u s-soċjetà volontarja Wirt Għawdex jilħqu ftehim li jwassal għar-restawr u rijabilitazzjoni ta’ dan it-torri u ta’ l-ambjent rurali u naturali li jinsab mad-dawra tiegħu.

F’dan ir-rigward, matul l-aħħar disa’ xhur sar xogħol intensiv u estensiv sabiex tiġi kkonsolidata l-istruttura tat-torri u jinbnew mill-ġdid partijiet sostanzjali mill-ħitan faċċata tax-Xlokk u ta’ Lvant, l-opramorta, il-gardjola u l-imħażen tal-porvli li jinsabu fuq il-bejt, u t-taraġ li jwassal għall-entratura ewlenija tiegħu. Inbnew mill-ġdid ukoll, l-art tas-sular intermedjarju tiegħu u l-garigor li jwassal sa fuq l-istess bejt. Dawn l-interventi, flimkien mat-tikħil min-naħa ta’ barra, issa tlestew u fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda t-tikħil tat-torri minn ġewwa u l-installazjoni ta’ l-aperturi rispettivi.

Fl-istess waqt, fil-bidu ta’ din is-sena ngħata l-bidu ukoll għar-rijabilitazzjoni tal-passaġġ li nbena fl-istess żmien tat-torri, u li joffri aċċess lejn l-istess torri. Ir-rijabilitazzjoni ta’ l-ambjent rurali ta’ dawn l-akwati jinkludi ukoll it-tindif ta’ l-iskart u materjal ieħor tal-bini li tħalla jakkumola mad-dawra tat-torri matul is-snin u l-bini mill-ġdid tal-ħitan tas-sejjiegħ. F’dan ir-rigward, huwa ppjanat li matul din is-sena jkunu nbnew madwar kilometru ta’ ħitan tas-sejjiegħ fl-akwati tat-torri u tal-bajja ta’ Mġarr ix-Xini.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow