Il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat jaħdem biex il-prodott ta' l-Artiġjanat Malti u Għawdxi jkun aktar apprezzat u mibjugħ
“Il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat huwa tagħkom l-Artiġjani u l-Imprendituri li għandkom interess li taraw li f’pajjiżna ssir ħidma biex l-artiġjanat ikun apprezzat u promoss, kemm mal-barranin kif ukoll mal-Maltin u l-Għawdxin. Il-prodott ta' l-Artiġjanat fih valur u rridu naraw li flimkien naħdmu biex dan il-prodott jasal fis-suq, ikun ippreżentat aħjar u mibjugħ iżjed."
Dan kien il-messaġġ li bih is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ghas-Servizzi Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo inawgura attivita’ organizzata mill-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, waqt it-Trade Fair tan-Naxxar, fejn fih kienu esebiti u mibjugħa prodotti ta’ l-Artiġjanat Malti u Għawdxi. F’din l-attivita', is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qassam ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil diversi Artiġjani li flimkien u bl-għajnuna ta' l-istess Kunsill u l-Ambaxxata Maltija f’Ġinevra, ħadu sehem f’esibizzjoni ta’ l-Artiġjanat Malti u Għawdxi li ttellgħet fil-librerija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Ġnus Magħquda f’Ġinevra.
Il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat qiegħed jgħin biex l-artiġjani jkunu jistgħu jieħdu sehem f’fieri u wirjiet f’diversi pajjizi, bl-għajnuna ta’ l-Ambaxxata ta’ Malta ta’ kull pajjiz rispettiv. Il-Malta Day li ser tkun organizzata f’Londra mill-Ambaxxata Maltija hija opportunita’ ohra fejn l-artiġjani ġew mistiedna jieħdu sehem f’fiera barra mill-pajjiz. Fil-futur, jista’ jkun hemm ukoll l-opportunita’ li Artigjani Maltin jesibixxu l-prodotti taghhom fis-Saudi Arabia.
Din il-ħidma qed tkun ikkordinata ma' l-Ambaxxati Maltin li għandna f’diversi pajjizi fejn dawn ġew mistiedna jaħdmu biex jippromwovu l-prodott ta' l-Artiġjanat Malti u f’dar-rigward qed ikollna kollaborazzjoni sħiħa.
"Permezz ta' l-apprezzament ta' l-Artiġjanat Malti u Għawdxi f’dawn l-attivitajiet, qed ngħinu biex l-artiġjani jkollhom opportunita’ li jaraw il-prodotti tagħhom apprezzati u jifhmu li għandhom prodott tajjeb u ta’ valur biżżejjed, biex ikun mibjugħ fis-suq. Li jonqos huwa li nkomplu naħdmu fuq il-marketing biex inqarrbu artiġjani u mprendituri flimkien. Il-Kunsill Malti għall-artiġjanat għandu jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu fis-sena li ġejja u s-snin ta’ wara, fejn għandna naraw ħidma li twassal għas-suċċess ta' l-Artiġjanat Malti u Għawdxi. Biex naslu għal dan is-suċċess, il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat ser jippubblika r-reġistru ta’ l-Artiġjani u Mprendituri bil-għan li l-Artiġjani u l-Imprendituri li għandhom interess fl-artiġjanat ikunu aktar magħrufa." kompla jgħid is-sur Vassallo.
Is-Segretarju Parlamentari Vassallo temm billi awgura lil dawk kollha preżenti u stieden lill-Artiġjani biex jaħdmu flimkien u jagħtu l-kontribut tagħhom biex il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat ikollu pjan ta’ ħidma li jirrifletti l-ħtigijiet ta’ l-istess Artiġjani.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN