Se jigi Restawrat Il-Bieb ta’ Sant’Anna fl-Isla
Meta kien qed izur il-Kunsill Lokali ta’ l-Isla kif ukoll ix-xoghlijiet ta’ riabilitazzjoni fl-istess lokal, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech, qal li minn mindu dan il-Gvern waqqaf il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera twettqu diversi proġetti fit-tlett ibliet u l-Kalkara, li qed jagħtu ħajja ġdida lil dawn il-lokalitajiet u ġieħ lill-istorja tal-Kottonera li tmur lura mijiet ta’ snin.
Francis Zammit Dimech qal li wieħed mill-ewwel proġetti li wettaq il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera kien dak tax-Xatt ta’ l-Isla, li bejn l-1994 u l-1995 gie msebbaħ b’investiment ta’ madwar Lm200,000. Xogħol ieħor li twettaq fl-ewwel snin tal-Proġett kien dak tat-twaqqigħ u bini mill-ġdid tat-Torri ta’ l-Arloġġ tal-Knisja ta’ San Giljan u xogħlijiet ta’ pavimentar fi Triq Juan B. Azzopardi.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li jirriżultalu li fl-ewwel snin tal-Proġett kien sar investiment qawwi fl-Isla, fejn bejn l-1994 u l-1997 intefqu qrib il-kwart ta’ miljun lira.
Francis Zammit Dimech qal li flimkien mal-Kunsill Lokali, il-Proġett għar-Riabiltazzjoni tal-Kottonera għamel titjib fil-ġnien tal-Gardjola, saret mill-ġdid Pjazza Azzopardi, kienet restawrata l-Gardjola ta’ San Mikiel u l-istatwa ta’ San Mikiel. Bħalissa qed isir paviment u titjib fi Pjazza San Mikiel.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li għadħa kemm għalqet it-tender għar-restawr ta’ Bieb Sant’Anna. Hu qal li ħaddiema tal-Gvern diġa kienu qed iwettqu parti mill-proġett u li l-bqija kienet se titwettaq minn kuntrattur. Il-proġett ta’ Bieb Sant’Anna kien wieħed ta’ importanza kbira għall-Isla u jorbot ma’ numru ta’ proġetti li għandhom isiru fil-futur, inkluż ir-restawr tas-swar ta’ San Mikiel u l-inħawi ta’ madwar. Hu fakkar li l-Bieb ta’ Sant’Anna hu d-daħla ta’ l-Isla u l-aktar parti importanti tal-fortifikazzjoni.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-proġett ta’ Bieb Sant’Anna jinkludi restawr, pavimentar u sistema ta’ dwal. Hu mistenni li l-proġett kollu jitwettaq fi żmien 18-il xahar.
Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien qed jagħmel ħiltu biex ikun hemm riġenerazzjoni tal-Kottonera kollha. F’dan ir-rigward kien qed jitwettaq xogħol sew mill-privat, permezz taż-żewġ konsorzji li kienu qed jwettqu il-Proġett tal-Kottonera, kif ukoll mill-Gvern li permezz tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Unit għar-Restawr fi hdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kienu qed iwettqu diversi proġetti biex bini storiku fil-Kottonera jerġa’ jingħata d-dinjita’ li jixraqlu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN