IKOMPLU L-KORSIJIET TA' TAĦRIĠ TA' L-GĦALLIEMA
Komplew il-korsijiet ta' taħriġ għall-għalliema (In-Service Courses) għal aktar minn 1700 għalliem f' 46 kors differenti. Il-korsijiet għall-għalliema isiru darbtejn kull sena, l-ewwel sessjoni issir fil-bidu tal-vakanzi tas-sajf u t-tieni ftit qabel ma tibda l-iskola.
Fost il-korsijiet li qed isiru bħalissa hemm numru ta' korsijiet li qed jiffokaw fuq il-kreattività u l-espressjoni tat-tfal, fost dawn hemm:
Kors ta' taħriġ dwar il-Ġinnastika Artistika fis-Sillabu SEC ta’ l-Edukazzjoni Fiżika.
Il-Kors ta’ taħriġ għall-għalliema ta’ l-Edukazzjoni Fiżika hu maħsub biex jagħti esperjenza fit-teorija u fil-prattika fl-elementi fundamentali tal-Ġinnastika Artistika bi tħejjija għas-sillabu ta’ l-Edukazzjoni Fiżika SEC. Għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika, li matul din is-sena skolastika introduċew kontenut u metodi ta’ tagħlim ġodda, qegħdin jippreżentaw l-esperjenzi tagħhom lill-parteċipanti fil-Kors.
Sittin għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Privati qegħdin jattendu l-Kors, li hu koordinat mill-Uffiċjal Edukattiv, J.W. Psaila. Albert Chun qiegħed imexxi s-sessjonijiet fil-Ġinnastika Artistika.
'Edward de Bono's Thinking Skills: Creative Thinking and Thinking Skills for Primary School Children'
Kors ieħor li fih qed jattendu 22 għalliema hu l-kors ta' żvilupp tal-ħsieb biex l-għalliema ikunu jistgħu ikunu aktar kreattivi kif ukoll jistimulaw il-ħsieb fl-istudenti tagħhom. Il-Kors li hu immexxi mis-Sinjura Sandra Dingli hu huwa bbażat fuq it-teknika żviluppata minn Dr. Edward De Bono li hu magħruf mad-dinja kollha għat-teknika tal-ħsieb laterali (lateral thinking).
Kulħadd jaqbel dwar l-importanza tal-kreattività u l-ħsieb kreattiv fis-soċjetà u fl-iskejjel tagħna, jekk lit-tfal ngħallmuhom kif jaħsbu, ikunu jistgħu jkunu aktar flessibli fil-ħsieb tagħhom. Din it-teknika, li għalkemm hija sempliċi hi effettiva ħafna, tgħallem lill-istudent jaħseb b'mod aktar awtonomu, ikollu aktar stima tiegħu innifsu u tagħtihom l-għodod biex ikunu jistgħu jiġġeneraw aktar ideat.
Din it-teknika ġiet introdotta fl-iskejjel ta' l-Istat permezz ta' proġett pilota fis-sena 2000. Dawk l-għalliema li kienu involuti f'dan il-proġett pilota, għamlu riċerka dwar l-effetti tat-tagħlim dirett lill-istudenti u r-rapport kollhu jinsab fuq http://home.um.edu.mt/create/ L-għalliema li qed jattendu dan il-kors ta' tlett ijiem se jitgħallmu aktar dwar din ir-riċerka u se jkunu involuti f'numru ta' workshops bl-użu tat-Thinking Skills. Fl-istess ħin qed isir ukoll kors taħt il-programm Comenius ta' l-Unjoni Ewropea fejn numru ta' għalliema barranin qed jingħataw kors simili hawn Malta dwar din it-tekinka. Hu maħsub li iż-żewġ gruppi ta' għalliema jiltaqgħu biex ikollhom xi sessjonijiet flimkien.
Kors għall-għalliema ta' l-Arti fl-iskejjel sekondarji - Dynamic Art Lessons
Fl-ispirtu tal-Kurrikulu Nazzjonali dan il-kors qed jiffoka fuq il-bżonn li l-istudenti ikunu fiċ-ċentru ta' l-esperjenza edukattiva. Edukazzjoni li tipprova tiżviluppa l-bniedem sħiħ ma tistax ma tagħmilx emfasi ukoll fuq l-Arti, id-Disinn, il-Mużika u d-Drama. Dawn is-suġġetti jagħmlu emfasi speċjali fuq l-Iżvilupp tal-kreattività l-immaġinazzjoni u l-espressjoni individwali ta' kull student. Kull suġġett jinvolvi kombinazzjoni unika ta' ħiliet, ideat u snajja u għalhekk kull suġġett hu element importanti fil-kurrikulu.
Din is-sena il-kors se jiffoka fuq kif l-għalliema jistgħu jippreparaw sessjonijiet attivi, eċitanti u dinamiċi ta' l-Arti bl-iskop li l-miri ġenerali u speċifiċi ta' l-Edukazzjoni ta' l-Arti, tkun fil-qofol ta' l-istrateġiji li jużaw l-għalliema. Dan għandu jwassal biex fl-istudenti inrawwmu sens ta' tfittxija, esperimentazzjoni, dokumentazzjoni u apprezzament estetiku.
Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jinvesti bis-sħiħ fl-għalliema u fit-taħriġ tagħhom għaliex hu importanti ferm li fl-iskejjel tagħna jkollna għalliema aġġornati u mħarrġa sew biex jagħtu l-aħjar esperjenza edukattiva lill-ulied il-poplu. Din is-sena il-vot għat-taħriġ ta' l-għalliema kien ta' Lm 300,000 għaxar darbiet dak li kien fil-bidu ta' din il-leġislatura.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN