Korsijiet ta' Taħriġ għall-Għalliema
F'dawn il-jiem mijiet ta' għalliema qed jattendu għal numru ta' korsijiet ta' taħriġ bħala parti mill-In-Service Training li jingħataw kull sena. Il-Ministru Louis Galea attenda wieħed minn dawn il-korsijiet li jiffoka fuq it-tagħlim ta' l-Ingliż b'mod partikolari fuq is-sillabu l-ġdid ta' l-Ingliż. Dan il-Kors hu immexxi mis-Sur-Raymond Camilleri u qed isir fil-Liċeo tal-Bniet Maria Regina, u li fih qed jipparteċipaw 34 għalliem.
Bejn it-Tnejn, 8 ta' u l-Erbgħa, 10 ta' Lulju, qed isiru l-ewwel 46 Kors In-Service; numru ta' Korsijiet oħra jsiru f'Settembru li ġej. F'din is-sessjoni 1,752 għalliem qed jieħdu sehem f'dawn il-korsijiet li qed isiru f'diversi skejjel u istituzzjonijiet ta' taħriġ.
Il-Kors hu maħsub biex iħarreġ lill-għalliema dwar is-sillabu l-ġdid ta' l-Ingliż li se jiġi fis-seħħ f'Settembru li ġej. Is-sillabu l-ġdid ta' l-Ingliż sar biex jirrifletti l-prinċipji tal-Kurrikulu Nazzjonali kif ukoll il-bidliet li se jsiru fis-sillabu ta' l-Ingliż tas-S.E.C. (Secondary Education Certificate) u li se jiġu fis-seħħ fl-2004.
Fis-Sillabu l-ġdid hemm numru ta' bidliet kemm fl-iskopijiet ġenerali, fil-miri li jrid jikseb u fl-istrateġiji użati. Is-Sillabu jinkludi wkoll sezzjoni b'materjal edukattiv u riżorsi li l-għalliema jistgħu jużaw biex l-istudenti jitgħallmu jiktbu aħjar, kif ukoll glossarju bit-terminoloġija użata. Dan kollu għandu jwassal biex l-għalliema tagħna jkunu aktar imħarrġin u ppreparati biex jgħallmu lill-ulied il-poplu.
Il-Ministru Louis Galea qal li mill-bidu ta' din il-leġislatura, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni żdied b'mod sostanzjali l-ammont ta' fondi għat-taħriġ ta' l-għalliema, infatti dawn żdiedu minn Lm 30,000 għal Lm 300,000 - għaxar darbiet aktar. Hu qal li fil-qasam tat-tagħlim ta' l-Ingliż id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed twettaq diversi inizjattivi. Hu semma ir-Resource Centre li hu mgħammar tajjeb u li jipprovdi r-riżorsi għall-għalliema kollha. Semma wkoll it-taħriġ li qed jingħataw l-għalliema kif ukoll l-appoġġ li jingħataw pemezz ta' l-Education Officers li jżuru l-iskejjel u jagħtu pariri. Appoġġ simili jingħata mis-Subject Co-ordinators. Fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss, l-għalliema kollha ta' l-ewwel sena tas-sekondarja se jingħataw pakkett b'materjal edukattiv biex jikkumplimentaw ir-riżorsi li diġa' għandhom fl-iskejjel. Madankollu, il-Ministru qal li s-sillabu l-ġdid hu wieħed mill-aħjar għodod biex insaħħu t-tagħlim ta' l-Ingliż f'pajjiżna.
Il-Ministru tenna li t-tagħlim ta' l-Ingliż hu importanti ħafna għaliex din il-lingwa tiftaħ beraħ l-opportunitajiet ta' xogħol u ta' komunikazzjoni li jkollu l-polplu Malti mal-parti l-kbira tad-dinja. Il-Ministru qal li l-importanza tal-lingwa Ingliża qed tkompli tiżdied peress li hi l-lingwa li qed tintuża l-aktar fuq l-Internet. Dawn l-isfidi u l-opportunitajiet huma ndirizzati mill-Kurrikulu l-ġdid u għalhekk jeħtieġ li s-sillabi jinbidlu biex jirriflettu l-Kurrikulu Nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN