STQARRIJA MILL-MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI DWAR L-AZZJONI INDUSTRIJALI MILL-MALTA UNION OF TEACHERS
Meta l-Kunsill tal-Malta Union of Teachers (MUT) ta direttiva lil-għalliema biex ma jgħaddux il-marki ta’ l-istudenti lill-Kapijiet ta’ l-Iskejjel kienu jafu sewwa li din id-direttiva kienet se tolqot ħażin lill-istudenti nfushom u kienet se toħloq problema, b’mod partikulari f’ċerti livelli ta’ edukazzjoni, fit-tqassim ta’ l-istudenti skond ir-riżultati miksuba.
Il-Kunsill tal-MUT issa jrid jerfa’ wkoll ir-responsabbiltà tad-deċiżjoni li ħa minflok ma jipprova jgħaddi din ir-responsabbiltà fuq id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni jew il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni. Fiċ-ċirkostanzi partikulari, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni qed tieħu l-passi meħtieġa biex tipprova ttaffi l-impatt negattiv tad-direttiva tal-Kunsill tal-MUT. Fil-fatt id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni illum informat lill-Kapijiet ta’ l-Iskejjel statali li sakemm jiġu deċiżi provvedimenti oħra huma għandhom isegwu il-linji gwida li bagħtetilhom dwar it-tqassim ta’ l-istudenti għas-sena skolastika li jmiss.
Wieħed irid josserva li l-ġenituri u l-istudenti għandhom id-dritt ikunu jafu r-riżultati ta’ l-eżamijiet u kif ikunu marru fis-suġġetti differenti li l-istudenti jistudjaw. Li l-Kunsill ta’ l-MUT juża l-eżamijiet u l-marki ta’ l-istudenti fi kwestjoni industrijali mal-Gvern hu illeġittimu, inġust u jmur kontra l-valuri professjonali ta’ l-għalliema. Id-direttiva tal-Kunsill tal-MUT toħloq tensjoni bla bżonn lil-ġenituri u lill-istudenti propju meta kienu se jibdew xhur ta’ mistrieħ. Il-korrezzjoni tal-karti ta’ l-eżamijiet u l-mogħdija tar-riżultati ta’ l-istudenti lill-Kapijiet ta’ l-Iskejjel huma dmirijiet li minn dejjem kellhom l-għalliema li dwarhom ma hemm ebda kwestjoni industrijali.
Għal darb’oħra l-Kunsill tal-MUT ta ultimatum u direttivi lill-membri tiegħu waqt li kienu għadhom miftuħa d-diskussjonijiet bejn il-Union u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u bejn il-Union u l-Management and Personnel Office ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-Kunsill ma jistax jistenna li jagħti ultimata u direttivi u d-diskussjonijiet ikomplu qishom ma ngħatawx direttivi li primarjament iħallu effett ħażin fuq l-edukazzjoni ta’ l-istudenti.
Il-Kunsill ta’ l-MUT jaf li ħadd daqs il-Gvern preżenti ma għamel ġid u irrispetta l-klassi ta’ l-għalliema. Fi kwestjonijiet industrijali u negozjati dwarhom ma’ l-MUT sew il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni kif ukoll il-Gvern urew komprensjoni u prudenza kbira f’kull ma għamlu u qalu s’issa. F’dawn in-negozjati Gvern u Union huma marbutin mill-parametri ta’ x’tiflaħ u ma’ tiflaħx is-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi, minn x’inhu l-ġid veru ta’ ulied il-poplu fl-iskejjel, minn rispett veru għall-aspettativi leġittimi ta’ l-għalliema, u minn rispett għall-awtonomija akkademika kif titlob il-Liġi dwar l-Edukazzjoni. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li fil-kwestjoni preżenti mal-Kunsill ta’ l-MUT huwa qed jinterpreta b’mod ġust u fidil dawn il-parametri.
Il-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni kif ukoll il-Management and Personnel Office dejjem lesti li jkomplu bid-diskussjonijiet biex jintlaħaq ftehim li jirrispetta l-parametri imsemmija. Għalhekk ma hux mistenni li l-Kunsill tal-Union isostni d-direttivi, jhedded li jagħti direttivi aktar ħorox jew li bi ħsiebu jħarrax l-azzjonijiet tiegħu aktar ’il quddiem. Dan jagħmel biss ħsara lill-istudenti u lill-għalliema.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN