KAMPANJA KONTRA T-TNIĠĠIŻ TA' L-IBĦRA MALTIN
"Il-gimgħa l-oħra żviluppat ħsara fit-Tank Cleaning Farm tal-Malta Drydocks fir-Rinella. F'inqas minn siegħa ħaddiema mill-Oil Pollution Response Module fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kienu fuq il-post u qiegħdu booms fil-baħar biex iż-żejt jinżamm warajhom u ma jinfirix.".
Il-Ministru ghar-Rizorsi u l-Infrastruttura l-Onor. Francis Zammit Dimech kien qed jitkellem fil-ftuh tal-kampanja 'We care for our Seas", fil-Bajja tar-Rinella, l-Kalkara.
Il-Ministru Zammit Dimech kompla jghid li immedjatament beda jinġabar iż-żejt minn wara l-booms permezz taż-żewġ laneċ ta' l-istess unit: l-MV Ambjent u l-MV Monka. Hu qal li din l-operazzjoni ħadet tlett ijiem li matulhom inġabar iż-żejt kollu; il-blat ma' fejn ċarċar iż-żejt inħasel u s-sitwazzjoni ġiet għan-normal.
Francis Zammit Dimech qal li l-ħarsien tal-baħar minn irqajja ta' żjut kien wieħed mill-miżuri li jieħu l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura biex iżomm il-baħar nadif. Filwaqt li sa xi snin ilu l-bajjiet fejn konna mmorru ngħumu kienu jkunu miksija b'irqajja ta' qatran, dan inqata' kważi kompletament, permezz tal-ħidma li ssir minn dan il-module.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li ħidma oħra li kienet qed issir biex il-bajjiet ma jitniġġsux kienet li nżommu s-sistema tad-drenaġġ fi stat tajjeb ta' manutenzjoni. Hu qal li din il-hidma kienet tinvolvi investiment kontinwu. Francis Zammit Dimech fakkar li bejn l-1999 u l-2001, ġew investiti fis-sistema tad-drenaġġ Lm9 miljun. Din is-sena l-investiment fis-sistema tad-drenaġġ mistenni jitla' għal Lm4.5 miljun. Il-Ministru qal li l-Gvern għandu masterplan għad-drenaġġ li qed jimxi fuqu u li għad irid iwassal biex id-drenaġġ kollu jissaffa qabel jintefa' fil-baħar.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li sal-lum għandna mpjant wieħed għat-tisfija tad-drenaġġ f'Marsaskala li jsaffi parti biss, għalkemm sostanzjali, mid-drenaġġ ta' pajjiżna. Hu qal li sa erba' snin oħra jridu jinbnew impjanti oħra biex id-drenaġġ kollu jissaffa. Il-Ministru Zammit Dimech qal li d-drenaġġ imsoffi mhux biss igħin biex l-ibħra madwarna jinżammu ndaf iżda jagħti kontribut importanti lis-settur agrikolu billi dan ikun jista' jintuża għat-tisqija.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li filwaqt li ma tistax telimina kompletament il-ħsarat mis-sistema tad-drenaġġ, id-Dipartiment tad-Drenaġġ ghandu programm ta' manutenzjoni biex jigu kkontrollati l-ħsarat. Il-Ministru Francis Zammit Dimech appella biex ħadd ma jitfa' xejn fis-sistema, li tikkaguna l-ħsara. Hu fakkar li l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi flimkien mad-Dipartiment tad-Drenaġġ, diġa qed jieħdu miżuri biex ma jintefgħux xaħmijiet fis-sistema minn lukandi u stabbilimenti ta' l-ikel. L-istess miżuri qed jittieħdu biex anke ċerti fabbriki ma jarmux xaħmijiet fid-drenaġġ. Hu qal li iżda għad baqa' iżda min jabbuża billi jarmi ħmieġ ta' annimali u ħmieġ ieħor fis-sistema li jagħmel ħsara u jwassal għal fawran ta' drenaġġ fit-toroq.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien hemm il-liġijiet u r-regolamenti li jipprovdu biex ma ssirx ħsara lis-sistema tad-drenaġġ iżda fuq kollox għandu jkun hemm is-sens ċiviku li jwassalna biex ma nagħmlux ħsara lis-sistema tad-drenaġġ li wara kollox meta jkun hemm ħsara, din ibagħti minnha l-poplu.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li kien ta' pjaċir għalih ikun fil-bajja ta' Rinella. Hu qal li din il-bajja kienet issebbħet f'dawn l-aħħar snin mill-Gvern preżenti permezz tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera li jifforma parti mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, li għaraf li din hi bajja popolari mar-residenti ta' l-inħawi. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-fatt li l-Oil Pollution Response Module kien qed jagħmel l-ewwel attivita' tiegħu fil-kampanja We Care for Our Seas juri l-impenn tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura biex tkun imħarsa din il-bajja.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja lil kull min jikkontribwixxi biex issir din il-kampanja filwaqt li appella lil kull min jiffrekwenta din il-bajja biex ma jitfa' xejn fiha li jkerrah u li jista' jikkaġuna xi inċident mhux sabiħ.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN