Left arrow Go Back

Diskors mill-Onor. Ninu Zammit, Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet dwar ir-riorganizzazzjoni tal-Ministeru ta’ u t-tnedija ta’ website ġdida – l-Erbgħa, 3 ta’ Lulju 2002

PR926
Date Icon 03/07/2002

Illum f’pajjiżna hawn aktar minn 50,000 familja li għandhom aċċess għall-internet. Hawn ukoll eluf ta’ ħaddiema kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat li għandhom ukoll dan is-servizz, fuq il-bank tax-xogħol tagħhom. Dan meta sa 15-il sena ilu, pajjiżna kien prattikament ostili għat-teknoloġija u kważi mwerwer minnha.

Il-lum il-kompjuter, fost bosta mezzi elettroniċi oħrajn, daħal f’bosta mid-djar tagħna b’perċentaġġ li jħabbatha ma’ dak ta’ l-aqwa pajjiżi. L-iskejjel tagħna huma minn ta’ quddiem fit-tagħlim ta’ l-informatika. L-impjiegi f’dan il-qasam immoltiplikaw bil-kbir. Malta l-lum sabet postha minn ta’ quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Din it-teknoloġija il-lum qed issib postha wkoll fl-oqsma agrikoli u f’dawk tas-sajd.

Il-Gvern investa ’l fuq minn Lm80 miljun fit-teknoloġija ta’ l-informatika għas-Servizz Pubbliku. L-eGovernment għolla l-livell u tejjeb l-effiċjenza ta’ dan is-servizz. L-għan ta’ dan kollu jinsab fl-isem tas-servizz innifsu: Servizz Pubbliku. Servizz elettroniku biex il-qalba, iċ-ċentru tas-servizz tagħna jkun tabilħaqq il-pubbliku Malti u Għawdxi, u l-ħtiġiet tiegħu.

Dawn il-passi ’ l quddiem huma sintomu ta’ ħajja. Għaliex kull ħaġa ħajja tgħaddi mill-fażijiet ta’ bidla. Fin-natura tiegħu l-bniedem magħmul jibża’ mill-bidliet. Iżda rridu lkoll inkunu mħejjija biex nilqgħu dawn l-isfidi li qed toffri t-teknoloġija moderna. Dawn l-isfidi rridu nagħrfu ndawruhom f’opportunitajiet li jagħtu servizz dejjem aħjar lill-bidwi u lis-sajjied Malti u Għawdxi u lill-poplu in ġenerali. Dan irridu nagħmluh fl-isfond tal-globalizzazzjoni li, rridu jew ma rridux, qed isseħħ madwarna. L-obbligi tagħna fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-World Trade Organisation) iġagħluna nimxu ’l quddiem lejn il-liberalizzazzjoni anki fil-qasam agrikolu. Għalkemm aħna gżira, ma nistgħux nibqgħu iżolati. Għalkemm aħna ċkejknin u mdawrin kompletament bil-baħar, aħna jeħtiġilna nintegraw ruħna aktar mal-kumplament tad-dinja f’bosta aspetti. U dan għas-saħħa ta’ l-ekonomija u s-soċjetà tagħna.

Il-lum il-biedja mhux biss hi s-sisien ta’ ikel frisk u bnin. Il-biedja l-lum hi minn ta’ quddiem nett fil-ħarsien ta’ l-ambjent. Għalhekk irridu naraw l-agrikoltura f’pajjiżna tibqa’ ħajja. Biex kwalunkwe ħaġa tibqa’ ħajja, din jeħtiġilha tinbidel u tkun ristrutturata. Fejn il-bidla hi nieqsa insibu biss staġnar u mewt.

Sar ħafna progress. Kull ma mmorru qegħdin noqorbu aktar lejn il-miri tagħna. Bis-sehem ta’ dawk kollha konċernati, fassalna għall-ewwel darba Pjan ta’ Żvilupp Rurali. Permezz ta’ dan il-pjan, il-qasam agrikolu f’pajjiżna jista’ jgawdi mill-fondi konsiderevoli li l-Unjoni Ewropea tagħti kull sena għal dan l-iskop. Tant dan hu minnu li diġà Malta se tirċievi 3.2 miljun Ewro għas-sena li ġejja għalkemm pajjiżna għadu ma sseħibx fl-Unjoni Ewropea.

Aħna konvinti li kulma qegħdin nagħmlu se jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Qed nagħmluh għall-ġid tal-konsumatur, biex il-biedja u s-sajd tagħna jibqgħu sostenibbli, u biex inħallu effett pożittiv fuq it-turiżmu tagħna. Qed nagħmluh biex inkomplu nħarsu l-ambjent naturali tal-gżejjer żgħar tagħna.

Għal dan l-iskop, il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u s-Sajd jinsab ukoll għaddej minn riorganizzazzjoni bl-iskop li jitħejja sew ħalli jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa fir-riforma li se titwettaq fis-settur tal-biedja, kif ukoll biex issir distinzjoni bejn ir-rwol regolatorju tal-Ministeru u dak tal-għoti tas-servizzi. Bħala parti minn din ir-riorganizzazzjoni twaqqfu tliet taqsimiet ġodda, li kull waħda minnhom se titmexxa minn Direttur Ġenerali.

It-Taqsimiet huma: it-Taqsima tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali, it-Taqsima ta’ l-Ikel u Affarijiet Veterinarji u t-Taqsima għall-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd. M’għandi l-ebda dubju li din il-bidla se twassal għat-tisħiħ tal-Ministeru kif ukoll biex l-istess Ministeru jkun jista’ jgħin biex jintlaħqu l-miri li qed jitfasslu għall-futur tal-biedja f’pajjiżna.

Qegħdin ukoll il-lum inniedu sit ġdid ta’ l-internet għall-Ministeru - maf.gov.mt.

Is-sistema ta’ l-internet firxet is-servizzi tat-telekommunikazzjoni ma’ kullimkien b’manjiera li tista’ tgħid jilħaqhom kulħadd. Dan is-sit ġdid hu mezz ieħor kif il-Ministeru qiegħed iwassal bosta tagħrif u informazzjoni lil dawk kollha li jeħtiġuha. Se nagħmlu dak kollu possibbli biex din l-informazzjoni tkun dejjem valida u tinkludi l-aħħar aħbarijiet. Dan is-sit se jservi ta’ tieqa għall-bqija tad-dipartimenti fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u s-Sajd. Fil-fatt, flimkien ma’ din il-website, il-lum qed ninawguraw ukoll il-website tal-Unit għas-Saħħa tal-Pjanti. Fil-ġimgħat li ġejjin il-kumplament tat-Taqsimiet fi ħdan il-Ministeru mistennija jniedu l-websites tagħhom. Dawn kollha se jkunu aċċessibbli mill-website tal-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u s-Sajd. L-informazzjoni kollha miġbura fis-sit maf.gov.mt għandha tkun ta’ għajnuna kbira għal kull min jenħtieġha u tiffaċilita l-komunikazzjoni ta’ bejnietna.

Napprezzaw jekk din il-website isservi ukoll bħala mezz ta’ komunikazzjoni għal dawk kollha li jixtiequ jwasslulna l-kummenti u l-ideat tagħhom. Aħna konvinti mill-qawwa tal-kritika kostruttiva. Din issaħħaħna u tgħinna fit-twettiq tal-proġetti tagħna.

Il-Gvern Malti jemmen bil-provi fil-kapaċitajiet tal-poplu tagħna. Aħna konvinti tabilħaqq li kull wieħed u waħda minna għandna x’nagħtu lil pajjiżna u lid-dinja. Xhieda konkreta ta’ dan kollu hi l-għażliet kuraġġużi tagħna għall-ġejjieni tal-gżejjer Maltin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow